LEZZJONI 3
L-Aħbar Tajba, Vera Ġejja Mingħand Alla?
1. Min hu l-Awtur tal-Bibbja?
L-aħbar tajba li n-nies se jgħixu għal dejjem fuq l-art hi miktuba fil-Bibbja. (Salm 37:29) Il-Bibbja hi magħmula minn 66 ktieb żgħir. Alla uża madwar 40 raġel leali biex jiktbuhom. L-ewwel ħames kotba nkitbu minn Mosè madwar 3,500 sena ilu. L-aħħar ktieb inkiteb mill-appostlu Ġwanni iktar minn 1,900 sena ilu. Il-kittieba tal-Bibbja kitbu l-ħsibijiet taʼ min? Alla kkomunika mal-kittieba tal-Bibbja permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. (2 Samwel 23:2) Huma kitbu l-ħsibijiet t’Alla u mhux tagħhom stess. Għalhekk, Ġeħova hu l-Awtur tal-Bibbja.—Aqra t-2 Timotju 3:16; 2 Pietru 1:20, 21.
Ara l-vidjow Min hu l-Awtur tal-Bibbja?
2. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja ġejja mingħand Alla?
Aħna nafu li l-Bibbja ġejja mingħand Alla għax tbassar bl-eżatt il-futur fid-dettall. L-ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dan. (Ġożwè 23:14) Hu biss Alla li Jistaʼ Kollox li jistaʼ jbassar b’eżattezza l-futur tal-bnedmin.—Aqra Isaija 42:9; 46:10.
Aħna nistennew li ktieb mingħand Alla jkun uniku, u hekk hu. Biljuni taʼ kopji tal-Bibbja tqassmu b’mijiet taʼ lingwi. Għalkemm inkitbet ħafna snin ilu, il-Bibbja hi fi qbil maʼ dak li nafu dwar in-natura. Ukoll, l-40 kittieb tagħha ma kkontradewx lil xulxin. * Minbarra dan, dak li tgħid il-Bibbja dwar l-imħabba setaʼ biss jiġi mingħand l-Alla l-veru—l-Alla tal-imħabba. Din għad għandha l-qawwa li tbiddel il-ħajjiet tan-nies għall-aħjar. Dawn il-fatti jikkonvinċu lil miljuni taʼ nies li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:13.
Ara l-vidjow Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja hi vera?
3. Il-Bibbja dwar xiex inhi?
Il-Bibbja tiffoka fuq l-aħbar tajba li Alla għandu skop kollu mħabba għall-bnedmin. L-Iskrittura tispjega kif kmieni fl-istorja umana, il-privileġġ li l-bnedmin jgħixu f’ġenna fuq l-art intilef u kif fl-aħħar din il-ġenna se terġaʼ tinġieb fuq l-art.—Aqra Rivelazzjoni 21:4, 5.
Il-Kelma t’Alla fiha wkoll liġijiet, prinċipji, u pariri. Minbarra dan, il-Bibbja tirrakkonta l-istorja taʼ kif Alla ttratta mal-umanità—storja li tirrivela l-personalità t’Alla. B’hekk, il-Bibbja tistaʼ tgħinek tkun taf lil Alla u tispjegalek kif tistaʼ ssir il-ħabib tiegħu.—Aqra Salm 19:7, 11; Ġakbu 2:23; 4:8.
4. Kif tistaʼ tifhem il-Bibbja?
Dan il-browxer se jgħinek tifhem il-Bibbja billi juża l-istess metodu li uża Ġesù. Hu kien jirreferi għal vers wara l-ieħor mill-Bibbja u kien jispjega lin-nies “biex jifhmu l-Iskrittura.”—Aqra Luqa 24:27, 45.
X’hemm isbaħ mill-aħbar tajba mingħand Alla? Iżda, xi nies huma indifferenti għaliha, u jerġaʼ oħrajn huma irritati biha. Taqtax qalbek. It-tama tiegħek li tgawdi ħajja taʼ dejjem tiddependi milli ssir taf lil Alla.—Aqra Ġwanni 17:3.
^ par. 3 Ara l-browxer Ktieb għan-Nies Kollha.