LEZZJONI 12
Kif Tista’ Tersaq Qrib t’Alla?
1. Alla kull tip taʼ talb jismaʼ?
Alla jistieden lin-nies tal-ġnus kollha biex jersqu qrib tiegħu permezz tat-talb. (Salm 65:2) Imma ma jismax, jew ma jaċċettax, it-talb kollu. Pereżempju, it-talb taʼ raġel li ma jittrattax lil martu sew jistaʼ jiġi mfixkel. (1 Pietru 3:7) Ukoll, meta l-Iżraelin baqgħu jagħmlu l-ħażen, Alla rrifjuta li jismaʼ t-talb tagħhom. Jidher ċar li t-talb hu privileġġ. Minkejja dan, Alla se jaċċetta t-talb anke taʼ dawk li għamlu dnubiet serji jekk jindmu.—Aqra Isaija 1:15; 55:7.
Ara l-vidjow Alla kull tip taʼ talb jismaʼ?
2. Kif għandna nitolbu?
It-talb hu parti mill-qima tagħna, u allura għandna nitolbu biss lill-Ħallieq tagħna Ġeħova. (Mattew 4:10; 6:9) Minbarra dan, peress li aħna imperfetti għandna nitolbu f’isem Ġesù għax miet għal dnubietna. (Ġwanni 14:6) Ġeħova ma jridniex nirripetu talb li tgħallimna bl-amment jew talb miktub. Iridna nitolbu minn qalbna.—Aqra Mattew 6:7; Filippin 4:6, 7.
Il-Ħallieq tagħna jistaʼ jismaʼ anke talb li ngħidu f’qalbna. (1 Samwel 1:12, 13) Hu jistidinna nitolbu f’kull okkażjoni, bħal fil-bidu u fit-tmiem tal-ġurnata, meta nieklu, u meta nħabbtu wiċċna mal-problemi.—Aqra Salm 55:22; Mattew 15:36.
3. Il-Kristjani għala jiltaqgħu flimkien?
Mhux faċli li tersaq qrib t’Alla għax qed ngħixu fost nies li ftit li xejn għandhom fidi f’Alla u li jiddieħqu bil-wegħda tiegħu taʼ paċi fuq l-art. (2 Timotju 3:1, 4; 2 Pietru 3:3, 13) Għalhekk, għandna bżonn is-sħubija inkuraġġanti taʼ sħabna fit-twemmin, u huma għandhom bżonn lilna.—Aqra Ebrej 10:24, 25.
Il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdu opportunitajiet mill-aħjar biex tibbenefika mill-fidi t’oħrajn.—Aqra Rumani 1:11, 12.
Is-sħubija maʼ nies li jħobbu lil Ġeħova se tgħinna nersqu qrib t’Alla.4. Kif tistaʼ tersaq qrib t’Alla?
Int tistaʼ tersaq qrib Ġeħova billi timmedita fuq dak li tgħallimt minn Kelmtu. Aħseb fil-fond dwar l-attivitajiet, il-pariri, u l-wegħdi tiegħu. Meditazzjoni bit-talb tibni apprezzament fi qlubna għall-imħabba u l-għerf t’Alla.—Aqra Ġożwè 1:8; Salm 1:1-3.
L-uniku mod kif tistaʼ tkun qrib t’Alla hu jekk tafda fih, jiġifieri, ikollok il-fidi fih. Il-fidi tistaʼ tiġi mqabbla maʼ pjanta. L-istess bħall-pjanta, dejjem għandek bżonn “titmaʼ” jew issaħħaħ il-fidi tiegħek billi timmedita fuq ir-raġunijiet għat-twemmin tiegħek.—Aqra Mattew 4:4; Ebrej 11:1, 6.
5. Int kif se tibbenefika jekk tersaq qrib t’Alla?
Ġeħova jimpurtah minn dawk li jħobbuh. Jistaʼ jipproteġihom minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tkun taʼ periklu għall-fidi tagħhom u għat-tama tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem. (Salm 91:1, 2, 7-10) Iwissina kontra modi taʼ ħajja li jistgħu jheddu s-saħħa u l-ferħ tagħna. Ġeħova jgħallimna l-aqwa mod taʼ ħajja.—Aqra Salm 73:27, 28; Ġakbu 4:4, 8.