Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IS-​7 TAQSIMA

Alla Jeħles lil Ulied Israel

Alla Jeħles lil Ulied Israel

Ġeħova jibgħat il-​kastigi fuq l-​Eġittu, u Mosè jmexxi lil ulied Israel ’il barra minn dik l-​art. Alla jagħti l-​Liġi lil Israel permezz taʼ Mosè

ULIED Israel kienu ilhom ħafna snin jgħixu fl-​Eġittu, jiffjorixxu u jkattru ġidhom. Imma mbagħad beda jaħkem Fargħun ġdid. Dan il-​ħakkiem ma kienx jafu lil Ġużeppi. Kien tirann feroċi li beżaʼ għax l-​Israelin kienu qed joktru fl-​għadd, u għalhekk għamilhom ilsiera u ordna li t-​trabi subien kollha li jitwieldu jiġu mgħarrqin fix-​Xmara Nil. Imma waħda mill-​ommijiet bi qlubija pproteġiet lil binha ċkejken, billi ħbietu f’qoffa qalb il-​qasab. Bint il-​Fargħun sabet lit-​tarbija, semmietu Mosè, u rabbietu fil-​familja rjali Eġizzjana.

Meta Mosè kellu 40 sena ġie fl-​inkwiet għax iddefenda lsir Israeli minn kap Eġizzjan li kien jimponi x-​xogħol. Mosè ħarab lejn art imbiegħda, fejn għex fl-​eżilju. Meta Mosè kellu 80 sena, Ġeħova bagħtu lura l-​Eġittu biex jidher quddiem il-​Fargħun u jgħidlu biex jeħles lill-​poplu t’Alla.

Il-​Fargħun ma ried jismaʼ b’xejn. Għalhekk, Alla laqat lill-​Eġittu b’għaxar kastigi. Kull darba li Mosè deher quddiem il-​Fargħun u offrielu opportunità biex jiskansa l-​kastig li kien imiss, il-​Fargħun webbes rasu u b’diżrispett m’obdiex lil Mosè u l-​Alla tiegħu, Ġeħova. Fl-​aħħar, l-​għaxar kastig ġab il-​mewt fuq l-​ewwel imweldin kollha fil-​pajjiż—minbarra l-​familji li kienu obdew lil Ġeħova billi mmarkaw il-​koxox tal-​bibien tagħhom bid-​demm taʼ ħaruf sagrifikat. L-​anġlu tal-​qerda mibgħut minn Alla qabeż dawk id-​djar. Wara dan, l-​Israelin baqgħu jfakkru dan il-​ħelsien meraviljuż permezz taʼ ċelebrazzjoni taʼ kull sena msejħa l-​Qbiż.

Wara li tilef lil ibnu l-​kbir stess, il-​Fargħun ordna lil Mosè u lill-​Israelin kollha biex jitilqu mill-​Eġittu. Minnufih organizzaw il-​kotra kbira taʼ nies biex joħorġu mill-​Eġittu. Imma l-​Fargħun reġaʼ bdielu u telaq għal warajhom b’ħafna gwerriera u karrijiet. L-​Israelin kienu jidhru maqbudin f’nassa ħdejn ix-​xatt tal-​Baħar l-​Aħmar. Ġeħova feraq il-​Baħar l-​Aħmar, u ħalla lill-​Israelin jaqsmu fuq qiegħ il-​baħar niexef, bejn ħitan taʼ ilmijiet! Meta l-​Eġizzjani ġrew għal warajhom, Alla ħalla l-​ilmijiet jinżlu, u b’hekk il-​Fargħun u l-​armata tiegħu għerqu.

Iktar tard, waqt li l-​Israelin kienu kkampjati ħdejn il-​Muntanja Sinaj, Ġeħova għamel patt magħhom. Billi uża lil Mosè bħala medjatur, Alla ta lil Israel liġijiet biex jipprovdi gwida u protezzjoni fi kważi kull aspett tal-​ħajja. Sakemm l-​Israelin aċċettaw b’fedeltà l-​ħakma t’Alla, Ġeħova kien se jkun magħhom u kien se jagħmel lil dan il-​ġens barka għal oħrajn.

Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mill-​Israelin iddiżappuntaw lil Alla għax ma wrewx fidi fih. B’hekk, Ġeħova ħalla lil dik il-​ġenerazzjoni tiġġerra fix-​xagħri għal 40 sena. Imbagħad, Mosè ħatar lir-​raġel rett Ġożwè biex jiħodlu postu. Fl-​aħħar, Israel kien lest biex jidħol fl-​art li Alla kien wiegħed lil Abraham.

—Ibbażat fuq Eżodu; Levitiku; Numri; Dewteronomju; Salm 136:10-​15; Atti 7:17-​36.