Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ID-​19-​IL TAQSIMA

Ġesù Jgħid Profezija li Teffettwa lid-Dinja Kollha

Ġesù Jgħid Profezija li Teffettwa lid-Dinja Kollha

Ġesù jsemmi xi fatturi li se jimmarkaw il-​preżenza tiegħu bil-​qawwa tas-​saltna u l-​konklużjoni taʼ din is-​sistema dinjija

FUQ il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, b’veduta mill-​isbaħ taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha taħthom, erbgħa mill-​appostli taʼ Ġesù fil-​privat staqsewh dwar xi affarijiet li kien qal. Ġesù kien għadu kif qal li t-​tempju f’Ġerusalemm kellu jinqered. U iktar qabel kien qalilhom dwar “il-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mattew 13:40, 49) Issa l-​appostli jistaqsuh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?”—Mattew 24:3.

Fit-​tweġiba tiegħu, Ġesù qal x’kellu jiġri qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Imma kliemu kien jirreferi għal iktar minn hekk. Il-​profezija tiegħu kien se jkollha twettiq akbar iktar ’il quddiem mad-​dinja kollha. Ġesù pprofetizza dwar diversi ġrajjiet u kundizzjonijiet fid-​dinja li flimkien kienu se jifformaw sinjal. Dan is-​sinjal kellu juri lin-​nies fuq l-​art li l-​preżenza taʼ Ġesù bħala Sultan fis-​sema kienet bdiet. Fi kliem ieħor, is-​sinjal kien se jindika li Alla Ġeħova jkun għamel lil Ġesù s-​Sultan tas-​Saltna Messjanika li tant kienet ilha mwiegħda. Is-​sinjal kien se jfisser li s-​Saltna kienet waslet biex tneħħi l-​ħażen u ġġib paċi vera lill-​umanità. B’hekk, l-​affarijiet li bassar Ġesù kellhom jindikaw l-​aħħar jiem tas-​sistema qadima—is-​sistemi reliġjużi, politiċi, u soċjali li jeżistu bħalissa—u l-​bidu taʼ sistema ġdida.

Meta kien qed jispjega x’kien se jiġri fuq l-​art matul il-​preżenza tiegħu bħala Sultan fis-​sema, Ġesù qal li kellu jkun hemm gwerer internazzjonali, nuqqas taʼ ikel, terremoti kbar, u mard li jinfirex maʼ kullimkien. Il-​ħażen kien se jiżdied. Id-​dixxipli veri taʼ Ġesù kellhom jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla madwar l-​art kollha. Dawn l-​affarijiet kollha kellhom jilħqu l-​quċċata tagħhom fi “tribulazzjoni kbira” li qatt ma kien hawn bħalha qabel.—Mattew 24:21.

Is-​segwaċi taʼ Ġesù kif kellhom ikunu jafu li din it-​tribulazzjoni hi fil-​qrib? “Tgħallmu . . . mis-​siġra tat-​tin,” qal Ġesù. (Mattew 24:32) Id-​dehra tal-​weraq fuq il-​friegħi tat-​tina kienet sinjal ċar li jkun qorob is-​sajf. Bl-​istess mod, meta dawn l-​affarijiet kollha li bassar Ġesù kienu se jseħħu fl-​istess perijodu taʼ żmien kellu jkun sinjal ċar li t-​tmiem kien fil-​qrib. Ħadd ħlief il-​Missier ma kien jaf il-​jum u s-​siegħa eżatta meta kienet se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Għalhekk, Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu: “Ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-​żmien stabbilit.”—Marku 13:33.

—Ibbażat fuq Mattew kapitli 24 u 25; Marku kapitlu 13; Luqa kapitlu 21.

^ par. 14 Għal diskussjoni iktar bid-​dettall dwar il-​profezija taʼ Ġesù, ara kapitlu 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.