IT-13-IL TAQSIMA
Slaten Tajbin u Slaten Ħżiena
Israel jinqasam. Maż-żmien, ħafna slaten jaħkmu fuq l-Israelin, u l-biċċa l-kbira minnhom ma jibqgħux leali lejn Alla. Ġerusalemm tinqered mill-Babiloniżi
PREĊIŻ bħalma kien bassar Ġeħova, Israel jinqasam wara li Salamun abbanduna l-qima pura. Ibnu Reħobogħam, is-suċċessur tiegħu, kien aħrax. L-għaxar tribujiet taʼ Israel irreaġixxew għal dan billi rribellaw u fformaw is-saltna taʼ Israel fit-Tramuntana. Żewġ tribujiet baqgħu leali lejn is-sultan fuq it-tron taʼ David f’Ġerusalemm, u fformaw is-saltna taʼ Ġuda fin-Nofsinhar.
Iż-żewġ saltniet kellhom storja mimlija inkwiet, primarjament tort tas-slaten bla fidi u diżubbidjenti. Israel kellu iktar diffikultajiet minn Ġuda, għax mill-bidu nett is-slaten tiegħu inkuraġġew il-qima falza. Minkejja l-għemejjel setgħanin taʼ profeti bħal Elija u Eliżew—li t-tnejn li huma rxoxtaw lill-mejtin—Israel kien dejjem idur lura lejn it-triq ħażina. Fl-aħħar mill-aħħar, Alla ħalla lill-Assirja teqred lis-saltna fit-Tramuntana.
Ġuda dam ftit iktar minn seklu iżjed minn Israel, imma dan ukoll iffaċċja kastig minn Alla. Ftit kienu s-slaten taʼ Ġuda li semgħu mit-twissijiet tal-profeti t’Alla u li pprovaw ireġġgħu l-ġens lura lejn Ġeħova. Pereżempju, is-Sultan Ġosija beda jnaddaf lil Ġuda mill-qima falza u rrestawra t-tempju taʼ Ġeħova. Meta nstabet kopja oriġinali tal-Liġi t’Alla li kienet ngħatat lil Mosè, Ġosija tqanqal profondament, u għalhekk żied l-isforzi tiegħu fil-kampanja taʼ tibdil li kien qed imexxi.
Iżda, b’dispjaċir, is-suċċessuri taʼ Ġosija ma segwewx l-eżempju tajjeb taʼ dan is-sultan. B’hekk, Ġeħova ħalla l-ġens taʼ Babilonja jirbaħ lil Ġuda u jeqred lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha. Dawk li baqgħu ħajjin ittieħdu fl-eżilju f’Babilonja. Alla bassar li l-eżilju kellu jdum 70 sena. Ġuda baqgħet ħerba tul dak iż-żmien kollu—sakemm, bħalma ġie mwiegħed, il-ġens tħalla jerġaʼ lura lejn artu.
Madankollu, ħadd iktar mil-linja taʼ David ma kellu jsaltan sakemm beda jaħkem il-Ħellies imwiegħed, il-Messija mbassar. Il-biċċa l-kbira mis-slaten li kienu poġġew fuq it-tron taʼ David f’Ġerusalemm urew b’dak li għamlu li l-bnedmin imperfetti mhumiex kwalifikati biex jaħkmu. Il-Messija biss kien se jkun tassew kwalifikat. Għalhekk, Ġeħova qal lill-aħħar wieħed minn dawk is-slaten taʼ dar David: “Inżaʼ l-kuruna. . . . Ma tkun taʼ ħadd sakemm jiġi dak li għandu d-dritt legali, u nagħtihielu.”—Eżekjel 21:26, 27.
—Ibbażat fuq l-1 Slaten; t-2 Slaten; 2 Kronaki kapitli 10 sa 36; Ġeremija 25:8-11.