Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

PARTI 3

Tħossok imweġġaʼ—Meta jkollna ‘għalxiex nilmentaw’

Tħossok imweġġaʼ—Meta jkollna ‘għalxiex nilmentaw’

“Oħt fil-​kongregazzjoni b’mod żbaljat akkużatni li sraqtilha xi flus. Oħrajn fil-​kongregazzjoni saru jafu b’dan u min beda jżomm maʼ naħa u min m’oħra. Eventwalment, l-​oħt qaltli li saret taf b’xi ħaġa li kienet turi li ma kontx jien. Għalkemm skużat ruħha, ħassejt li qatt ma stajt naħfrilha wara dak li għaddejt minnu.”—Linda.

ĠIELI ħassejtek bħal Linda, li ġiet imweġġgħa ferm minn xi ħadd minn sħabha tal-​kongregazzjoni? B’sogħba, xi wħud tant tfixklu minħabba l-​imġiba t’oħrajn li dan effettwa l-​ispiritwalità tagħhom. Int hekk ġralek?

Jistaʼ xi ħadd “jifridna mill-​imħabba t’Alla”?

Irridu nammettu li jaf insibuha bi tqila biex naħfru lil sieħeb fit-​twemmin li jkun weġġagħna. Wara kollox, il-​Kristjani suppost għandhom iħobbu lil xulxin. (Ġwanni 13:34, 35) Jekk ġejna trattati ħażin minn xi sieħeb fit-​twemmin, id-​diżappunt u l-​uġigħ jistgħu jifnuna.—Salm 55:12.

M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja tirrikonoxxi li xi kultant il-​Kristjani jkollhom ‘għalxiex jilmentaw’ kontra xulxin. (Kolossin 3:13) Madankollu, meta dan jiġri lilna, nistgħu nsibuha taʼ sfida biex inkampaw mas-​sitwazzjoni. Hemm xi ħaġa li tistaʼ tgħinna? Ikkunsidra tliet prinċipji Skritturali:

Missierna tas-​sema jaf kollox. Ġeħova josserva dak kollu li jiġri, inkluż kull inġustizzja li niffaċċjaw u t-​tbatija li ġġib magħha. (Ebrej 4:13) Iktar minn hekk, Ġeħova jħoss għalina meta nbatu. (Isaija 63:9) Hu qatt ma jħalli “t-​tribulazzjoni jew in-​niket” jew xi ħaġ’oħra ‘tifridna mill-​imħabba t’Alla.’ Le, lanqas saħansitra lill-​qaddej ieħor tiegħu. (Rumani 8:35, 38, 39) Allura, ma niġux aħna mqanqlin biex nagħmlu l-​istess u ma nħallu xejn u ħadd jiġi bejnna u bejn Ġeħova?

Li taħfer ma jfissirx li tagħlaq għajnejk għall-​ħażen. Meta naħfru lil dawk li jkunu trattawna ħażin, ma nkunux qed inċekknu, niġġustifikaw, niskużaw, jew nagħlqu għajnejna għal dak li jkunu għamlu. Ftakar, Ġeħova qatt ma japprova d-​dnub, imma hu jaħfer meta jkun hemm bażi biex jagħmel dan. (Salm 103:12, 13; Ħabakkuk 1:13) Meta jħeġġiġna biex naħfru lil oħrajn, Ġeħova jkun qed jitlobna nimitawh. Hu ma jibqax “iżomm f’qalbu għal dejjem.”—Salm 103:9; Mattew 6:14.

Meta ma nibqgħux inżommu f’qalbna, ikun taʼ ġid għalina stess. B’liema mod? Ġib quddiem għajnejk din is-​sitwazzjoni. Int tiġbor ġebla, forsi waħda li tiżen biss xi kilo, u żżommha quddiemek bi driegħek dritt. X’aktarx li mhux se jkollok problema biex iżżommha għal ftit. Imma xi ngħidu jekk tipprova tagħmel dan għal tul taʼ ħin? Kemm se ddum biha f’idek—ftit minuti? siegħa? iktar? Mingħajr dubju, idek tibda tegħja mal-​ħin. Ovvjament, it-​toqol tal-​ġebla ma jkunx inbidel. Imma iktar ma ddum iżżommha, iktar se tibda tħossha tqila. L-​istess meta nibqgħu rrabjati għal xi ħadd. Iktar ma nżommu f’qalbna—anki xi ħaġa żgħira—iktar se nweġġgħu lilna nfusna. Mela, mhux taʼ b’xejn li Ġeħova jħeġġiġna biex naħfru. Infatti, meta ma nibqgħux inżommu f’qalbna jkun għall-​ġid tagħna stess.—Proverbji 11:17.

Meta ma nibqgħux inżommu f’qalbna jkun għall-ġid tagħna stess

“Ħassejt bħallikieku Ġeħova nnifsu kien qed ikellimni”

X’għen lil Linda biex ma tibqax irrabjata minħabba l-​mod kif ġiet trattata mill-​oħt? Fost affarijiet oħra, hi mmeditat fuq raġunijiet Skritturali biex taħfer. (Salm 130:3, 4) Dak li mmotiva lil Linda b’mod speċjali kien il-​fatt li taf li meta naħfru, Ġeħova, imbagħad, se jaħfer lilna. (Efesin 4:32–5:2) Rigward kif effettwawha dawn ir-​raġunijiet, hi tgħid: “Ħassejt bħallikieku Ġeħova nnifsu kien qed ikellimni.”

Maż-​żmien, Linda rnexxielha ma tibqax iżżomm f’qalbha. Hi ħafret mill-​qalb lill-​oħt, u issa din l-​oħt hi l-​ħabiba għażiża tagħha. Linda għadha qed taqdi lil Ġeħova. Kun ċert li Ġeħova jrid jgħin lilek ukoll biex tagħmel l-​istess.