Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 15

Ġesù ‘jwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art’

Ġesù ‘jwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art’

1, 2. F’liema okkażjoni rrabja Ġesù, u għala?

 ĠESÙ kien jidher irrabjat—u bir-​raġun. Għandek mnejn issibha diffiċli li timmaġinah hekk, daqskemm kien bniedem ġwejjed. (Mattew 21:5) M’għandniex xi ngħidu, hu kkontrolla lilu nnifsu għalkollox għax ir-​rabja tiegħu kienet waħda ġusta. * Imma x’kien li tant qanqal ir-​rabja taʼ dan ir-​raġel li jħobb il-​paċi? Każ taʼ inġustizzja kbira ferm.

2 It-​tempju f’Ġerusalemm kien għażiż għal Ġesù. Fid-​dinja kollha, kien l-​uniku post sagru dedikat għall-​qima taʼ Missieru tas-​sema. Lhud minn ħafna postijiet kienu jivvjaġġaw distanzi kbar biex iqimu hemmhekk. Anki Ġentili li kellhom il-​biżaʼ t’Alla kienu jiġu u jidħlu fil-​bitħa tat-​tempju li tħalliet apposta biex tintuża minnhom. Imma fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu, Ġesù daħal fl-​inħawi tat-​tempju u lemaħ dehra terribbli. X’waħda din, il-​post kien iktar qisu suq milli dar għall-​qima! Kien mimli b’negozjanti u sarrafa tal-​flus. Iżda fejn kienet l-​inġustizzja? Għal dawn l-​irġiel, it-​tempju t’Alla kien sempliċement post biex jiġu sfruttati n-​nies—saħansitra misruqin. Kif?—Ġwanni 2:14.

3, 4. Liema sfruttament rgħib kien qed isir fid-​dar taʼ Jehovah, u liema azzjoni ħa Ġesù biex jirranġa l-​affarijiet?

3 Il-​mexxejja reliġjużi kienu qatgħuha li tip speċifiku wieħed biss taʼ munita setaʼ jintuża biex titħallas it-​taxxa tat-​tempju. Il-​viżitaturi kellhom isarrfu l-​flus biex ikollhom dawn il-​muniti. Allura s-​sarrafa tal-​flus poġġew l-​imwejjed tagħhom eżatt ġewwa t-​tempju, u kienu jitolbu ħlas għal kull darba li jsarrfu l-​flus. In-​negozju tal-​bejgħ taʼ l-​annimali wkoll kien iħalli l-​qligħ. Il-​viżitaturi li riedu joffru s-​sagrifiċċji setgħu jixtru mingħand liema negozjant riedu fil-​belt, imma l-​uffiċjali tat-​tempju faċilment setgħu jirrifjutaw l-​offerti tagħhom għax kienu jqisuhom mhux addattati. Madankollu, l-​offerti li kienu jinxtraw proprju mill-​inħawi tat-​tempju kienu jiġu aċċettati żgur. Għalhekk, in-​negozjanti kellhom lin-​nies kompletament taħt idejhom u allura xi kultant kienu jitolbu prezzijiet m’ogħla s-​sema. * Dan kien agħar minn kummerċjaliżmu sfaċċat. Kien serq!

“Warrbu dawn minn hawn!”

4 Ġesù ma setax jittollera inġustizzja bħal din. Din kienet id-​dar taʼ Missieru stess! Hu għamel frosta bil-​ħbula u keċċa l-​merħliet tan-​nagħaġ u l-​barrin mit-​tempju. Imbagħad mar ħdejn is-​sarrafa tal-​flus u qalbilhom l-​imwejjed b’kollox. Immaġina dawk il-​muniti kollha jiġru ma’ l-​art taʼ l-​irħam! B’sodizza hu ordna lill-​irġiel li kienu qed ibigħu l-​ħamiem: “Warrbu dawn minn hawn!” (Ġwanni 2:15, 16) Milli jidher ħadd m’ażżarda jiqaflu lil dan ir-​raġel kuraġġuż.

L-​Iben Jimita lil Missieru

5-7. (a) L-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem kif influwenzat is-​sens tiegħu taʼ ġustizzja, u x’nistgħu nitgħallmu billi nistudjaw l-​eżempju tiegħu? (b) Kristu kif iġġieled kontra l-​inġustizzji li kienu jinvolvu s-​sovranità u l-​isem taʼ Jehovah?

5 M’għandniex xi ngħidu, in-​negozjanti reġgħu marru. Madwar tliet snin wara, Ġesù aġixxa minħabba din l-​istess inġustizzja, u din id-​darba kkwota l-​kliem stess taʼ Jehovah li kkundanna lil dawk li għamlu d-​dar Tiegħu “għar tal-​ħallelin.” (Mattew 21:13; Ġeremija 7:11) Iva, meta Ġesù ra kif in-​nies kienu qed jiġu sfruttati b’tant regħba u kif it-​tempju t’Alla kien qed jitkasbar, ħassu bħalma ħassu Missieru. U mhux taʼ b’xejn! Għal miljuni bla għadd taʼ snin, Ġesù ġie mgħallem minn Missieru tas-​sema. Bħala riżultat, imtela bis-​sens taʼ ġustizzja li għandu Jehovah. Mela jekk irridu li jkollna stampa ċara tal-​kwalità tal-​ġustizzja li għandu Jehovah, ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar milli nirriflettu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu.—Ġwanni 14:9, 10.

6 L-​iben uniġenitu taʼ Jehovah kien preżenti meta Satana b’mod inġust sejjaħ lil Alla Jehovah giddieb u qajjem dubju dwar kemm kienet ħaġa sewwa li jaħkem Hu. X’kalunnja dik! L-​Iben semaʼ wkoll l-​isfida li qajjem Satana iktar tard li ħadd ma kien se jaqdi lil Jehovah bla egoiżmu, għax iħobbu. Dawn l-​akkużi foloz żgur li weġġgħu l-​qalb ġusta taʼ l-​Iben. Min jaf x’eċċitament ħass meta sar jaf li kellu jkollu s-​sehem ewlieni f’li jirranġa l-​affarijiet! (2 Korintin 1:20) Dan kif kellu jagħmlu?

7 Kif tgħallimna f’Kapitlu 14, Ġesù Kristu ta t-​tweġiba finali, darba għal dejjem, għall-​akkuża taʼ Satana li tefgħet dubju fuq l-​integrità tal-​ħlejjaq taʼ Jehovah. B’dan il-​mod Ġesù pprovda l-​bażi għall-​vindikazzjoni finali tas-​sovranità taʼ Jehovah u t-​taqdis taʼ Ismu. Bħala l-​Aġent Ewlieni taʼ Jehovah, Ġesù se jġib il-​ġustizzja divina ma’ l-​univers kollu. (Atti 5:31) Bl-​istess mod, il-​ħajja tiegħu fuq l-​art irriflettiet il-​ġustizzja divina. Jehovah qal dwaru: “Jiena nqiegħed l-​Ispirtu tiegħi fuqu u hu jxandar il-​ġustizzja lill-​ġnus.” (Mattew 12:18) Ġesù kif wettqu dak il-​kliem?

Ġesù “Jxandar il-​Ġustizzja”

8-10. (a) It-​tradizzjonijiet orali li ħolqu l-​mexxejja reliġjużi Lhud kif inkuraġġew l-​istmerrija lejn dawk mhux Lhud u lejn in-​nisa? (b) Il-​liġijiet orali b’liema mod bidlu l-​liġi tas-​Sabat taʼ Jehovah f’piż?

8 Ġesù kien iħobbha l-​Liġi taʼ Jehovah u għex fi qbil magħha. Imma l-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għawġuha u użawha ħażin dik il-​Liġi. Ġesù qalilhom: “Ħażin għalikom, intom il-​kittieba u l-​Fariżej, uċuħ b’oħra! . . . Tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-​aqwa fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità!” (Mattew 23:23) Bla dubju, dawk l-​għalliema tal-​Liġi t’Alla ma kinux qed ixandru jew juru ċar x’inhi l-​ġustizzja. Minflok, kienu qed jaħbu x’inhi l-​ġustizzja divina. Dan kif? Ikkunsidra xi eżempji.

9 Jehovah idderieġa lin-​nies tiegħu biex jibqgħu separati mill-​ġnus pagani taʼ madwarhom. (1 Slaten 11:1, 2) Madankollu, xi mexxejja reliġjużi fanatiċi inkuraġġew lin-​nies biex jistmerru lil dawk kollha li ma kinux Lhud. Fil-​Mixna saħansitra kien hemm din ir-​regola: “Il-​bhejjem ma jistgħux jitħallew fil-​lukandi tal-​ġentili ladarba dawn huma suspettati bil-​bestjalità.” Preġudizzju vast bħal dan kontra dawk kollha li ma kinux Lhud kien inġust u pjuttost l-​oppost taʼ l-​ispirtu tal-​Liġi Mosajka. (Levitiku 19:34) Regoli oħra magħmulin mill-​bniedem kienu jbaxxu lin-​nisa. Il-​liġi orali, jew bil-​fomm, kienet tgħid li mara kellha timxi wara żewġha, mhux maġenbu. Raġel kien imwissi biex ma jitkellimx ma’ mara fil-​pubbliku, lanqas ma’ martu stess. Bħall-​ilsiera, in-​nisa ma setgħux jixhdu fil-​qorti. Saħansitra kien hemm talba formali li fiha l-​irġiel kienu jirringrazzjaw lil Alla talli ma kinux nisa.

10 Il-​mexxejja reliġjużi radmu l-​Liġi t’Alla taħt viżibilju taʼ regoli u regolamenti magħmulin mill-​bniedem. Per eżempju, kulma kienet tagħmel il-​liġi tas-​Sabat kien li tipprojbixxi x-​xogħol f’jum is-​Sabat, u ħalliet dan il-​jum għall-​qima, rifreskar spiritwali, u mistrieħ. Imma l-​Fariżej għamlu dik il-​liġi taʼ piż. Ħadu r-​riedni f’idejhom u ddeċidew huma x’kien meqjus bħala “xogħol.” Huma speċifikaw 39 attività differenti bħala li kienu jaqgħu taħt it-​tifsira taʼ xogħol, bħalma kienu l-​ħsad jew il-​kaċċa. Dawn il-​kategoriji qajmu għadd li ma jispiċċa qatt taʼ mistoqsijiet. Jekk wieħed kien joqtol bergħud f’jum is-​Sabat, kien ikun qed jikkaċċja? Jekk kien jiġbor ponn qamħ biex jieklu hu u miexi fit-​triq, kien ikun qed jaħsad? Jekk kien ifejjaq lil xi ħadd marid, kien ikun qed jaħdem? Biex dawn il-​mistoqsijiet jitwieġbu nħolqu regoli riġidi u dettaljati.

11, 12. Ġesù kif esprima l-​oppożizzjoni tiegħu għat-​tradizzjonijiet mhux Skritturali tal-​Fariżej?

11 F’atmosfera bħal din, Ġesù kif kien se jgħin lin-​nies jifhmu x’inhi l-​ġustizzja? Fit-​tagħlim tiegħu u bil-​mod kif għex, hu bil-​kuraġġ waqaf sod kontra dawk il-​mexxejja reliġjużi. L-​ewwel ikkunsidra xi ftit mit-​tagħlim tiegħu. Hu kkundanna direttament in-​numru bla tarf taʼ regoli tagħhom magħmulin mill-​bniedem, billi qal: “Iġġibu fix-​xejn il-​kelma taʼ Alla bit-​tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra.”—Mark 7:13.

12 Ġesù għallem b’mod qawwi li l-​Fariżej kellhom żball dwar il-​liġi tas-​Sabat—li, fil-​fatt, kienu naqsu li jifhmu l-​iskop kollu taʼ dik il-​liġi. Il-​Messija, spjega hu, huwa “Sid is-​Sibt,” u għalhekk kellu kull dritt ifejjaq in-​nies fis-​Sabat. (Mattew 12:8) Biex jenfasizza l-​punt, hu fejjaq lin-​nies quddiem kulħadd b’mod mirakoluż f’jum is-​Sabat. (Luqa 6:7-​10) Dawn l-​okkażjonijiet taʼ fejqan kienu ħarsa bil-​quddiem tal-​fejqan li hu se jagħmel mad-​dinja kollha fir-​Renju t’Elf Sena tiegħu. Dak il-​Millennju fih innifsu se jkun l-​akbar Sabat, meta l-​bnedmin leali kollha finalment se jistrieħu minn sekli taʼ taħbit taħt il-​piż tad-​dnub u l-​mewt.

13. Liema liġi bdiet teżisti bħala riżultat tal-​ministeru taʼ Kristu fuq l-​art, u kif kienet differenti mil-​liġi taʼ qabilha?

13 Ġesù wera biċ-​ċar ukoll x’inhi l-​ġustizzja billi wara li temm il-​ministeru tiegħu fuq l-​art bdiet teżisti liġi ġdida, “il-​liġi taʼ Kristu.” (Galatin 6:2) Din il-​liġi ġdida kienet tiddependi ħafna mill-​prinċipji mhux minn lista taʼ kmandi miktubin, bħalma kienet tagħmel il-​liġi taʼ qabilha, il-​Liġi Mosajka. Madankollu, kien hemm xi kmandi diretti fil-​liġi l-​ġdida. Wieħed minnhom Ġesù sejjaħlu “kmandament ġdid.” Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu kollha biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbhom hu. (Ġwanni 13:34, 35) Iva, dawk kollha li jgħixu skond “il-​liġi taʼ Kristu” kellhom jintgħarfu mill-​imħabba mhix egoista.

Eżempju Ħaj taʼ Ġustizzja

14, 15. Ġesù kif wera li kien jagħraf il-​limiti taʼ l-​awtorità tiegħu stess, u dan għala jqawwilna qalbna?

14 Ġesù m’għallimx biss dwar l-​imħabba. Hu għex “il-​liġi taʼ Kristu.” Din kienet tidher b’mod konkret f’ħajtu. Ikkunsidra tliet modi li bihom l-​eżempju taʼ Ġesù wera biċ-​ċar x’inhi l-​ġustizzja.

15 L-​ewwel, Ġesù qagħad attent ferm biex ma jwettaq l-​ebda inġustizzja. Forsi nnotajt li ħafna mill-​inġustizzji jsiru meta bnedmin imperfetti jsiru arroganti u jaqbżu l-​limiti xierqa taʼ l-​awtorità li jkollhom. Ġesù m’għamilx hekk. Darba minnhom, wieħed raġel resaq fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-​wirt miegħi.” X’wieġbu Ġesù? “Ħabib, . . . min qegħedni mħallef fuqkom?” (Luqa 12:13, 14) Mhix ħaġa straordinarja din? L-​intelliġenza taʼ Ġesù, id-​dixxerniment tiegħu, u anki l-​livell tiegħu t’awtorità mogħtija minn Alla kienu bil-​wisq ogħla minn dawk taʼ kwalunkwe bniedem fuq l-​art; madankollu, hu rrifjuta li jinvolvi ruħu f’din il-​kwistjoni, ladarba ma kienx ngħata l-​awtorità partikulari biex jagħmel dan. Ġesù dejjem kien modest b’dan il-​mod, anki matul il-​millennji taʼ snin meta kien jeżisti qabel sar bniedem. (Ġuda 9) Il-​fatt li Ġesù b’umiltà jafda f’Jehovah biex jiddetermina x’inhu ġust jurina kemm hu persuna taʼ l-​għaġeb.

16, 17. (a) Ġesù kif wera l-​ġustizzja meta ppriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla? (b) Ġesù kif wera li s-​sens tiegħu taʼ ġustizzja kien ħanin?

16 It-​tieni, Ġesù wera l-​ġustizzja bil-​mod kif ippriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Hu ma weriex preġudizzju. Minflok, bil-​ħerqa stinka biex jilħaq kull tip taʼ nies, sew jekk għonja u sew jekk fqar. B’kuntrast ma’ dan, il-​Fariżej irrifjutaw lin-​nies fqar u komuni bit-​terminu taʼ disprezz ʽamha·ʼaʹrets, jew “nies tal-​pajjiż.” Ġesù bil-​kuraġġ ikkoreġa din l-​inġustizzja. Meta għallem lin-​nies l-​aħbar tajba—jew, jekk niġu f’dan, meta kiel man-​nies, temagħhom, fejjaqhom, jew saħansitra rxoxtahom—hu żamm mal-​ġustizzja taʼ l-​Alla li jrid jilħaq “il-​bnedmin kollha.” *1 Timotju 2:4.

17 It-​tielet, is-​sens taʼ ġustizzja li kellu Ġesù kien ħanin ferm. Hu għamel sforz kbir biex jgħin lill-​midinbin. (Mattew 9:11-​13) Minn qalbu għen lin-​nies li ma kellhomx is-​setgħa jipproteġu lilhom infushom. Per eżempju, Ġesù m’għamilx bħall-​mexxejja reliġjużi u ħeġġeġ in-​nuqqas taʼ fiduċja fil-​Ġentili kollha. Hu bil-​ħniena għen u għallem lil xi wħud mill-​Ġentili, avolja l-​missjoni prinċipali tiegħu kienet tinvolvi lil-​Lhud. Hu qabel li jwettaq fejqan mirakoluż għal uffiċjal taʼ l-​armata Rumana, u qal: “F’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din.”—Mattew 8:5-​13.

18, 19. (a) Ġesù b’liema modi inkuraġġixxa li n-​nisa jiġu trattati b’dinjità? (b) L-​eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna naraw il-​konnessjoni bejn il-​kuraġġ u l-​ġustizzja?

18 B’mod simili, Ġesù ma kienx iqis lin-​nisa bħalma kienu jqisuhom ħafna. Minflok, hu bil-​kuraġġ għamel dak li kien ġust. In-​nisa Samaritani kienu jitqiesu mniġġsin daqs il-​Ġentili. Madankollu, Ġesù ma qagħadx lura milli jippriedka lill-​mara Samaritana ħdejn il-​bir taʼ Sikar. Fil-​fatt, kien lil din il-​mara li Ġesù identifika l-​ewwel darba lilu nnifsu biċ-​ċar bħala l-​Messija mwiegħed. (Ġwanni 4:6, 25, 26) Il-​Fariżej qalu li n-​nisa m’għandhomx jiġu mgħallmin il-​Liġi t’Alla, imma Ġesù qattaʼ ħafna ħin u uża ħafna enerġija biex jgħallem lin-​nisa. (Luqa 10:38-​42) U filwaqt li skond it-​tradizzjoni n-​nisa ma setgħux jiġu fdati biex jagħtu xiehda taʼ min joqgħod fuqha, Ġesù ta dinjità lil diversi nisa billi tahom il-​privileġġ li jkunu l-​ewwel uħud li rawh wara l-​irxoxt tiegħu. Hu saħansitra qalilhom biex imorru jgħidu lid-​dixxipli rġiel tiegħu dwar din il-​ġrajja ferm importanti!—Mattew 28:1-​10.

19 Iva, Ġesù wera ċar lill-​ġnus x’inhi l-​ġustizzja. F’ħafna każi, hu għamel dan b’riskju kbir għalih persunali. L-​eżempju taʼ Ġesù jgħinna naraw li biex nappoġġaw il-​ġustizzja vera għandna bżonn il-​kuraġġ. B’mod xieraq, hu ġie msejjaħ “l-​Iljun tat-​tribù taʼ Ġuda.” (Apokalissi 5:5) Tinsiex li l-​iljun huwa simbolu tal-​ġustizzja kuraġġuża. Iżda, dalwaqt Ġesù se jġib saħansitra ġustizzja akbar. Fl-​akbar sens, hu se jwaqqaf “il-​ġustizzja fuq l-​art.”—Isaija 42:4.

Is-​Sultan Messjaniku ‘Jwaqqaf il-​Ġustizzja fuq l-​Art’

20, 21. Fi żmienna stess, is-​Sultan Messjaniku kif ħadem favur il-​ġustizzja madwar l-​art u fil-​kongregazzjoni Kristjana?

20 Minn mindu sar is-​Sultan Messjaniku fl-​1914, Ġesù ħadem favur il-​ġustizzja fuq l-​art. Kif? Hu ħa r-​responsabbiltà tat-​twettiq tal-​profezija tiegħu li tinsab f’​Mattew 24:14. Is-​segwaċi taʼ Ġesù fuq l-​art għallmu lil nies minn kull pajjiż il-​verità dwar is-​Saltna taʼ Jehovah. Bħal Ġesù, huma ppridkaw b’mod imparzjali u ġust, billi fittxew li jagħtu lil kulħadd—kbir jew żgħir, għani jew fqir, raġel jew mara—opportunità li jsiru jafu lil Jehovah, l-​Alla tal-​ġustizzja.

21 Ġesù qed jaħdem favur il-​ġustizzja wkoll fil-​kongregazzjoni Kristjana, li tagħha huwa l-​Kap. Bħalma hu profetizzat, hu jipprovdi “rġiel bħala għotjiet,” anzjani Kristjani leali li jidderieġu lill-​kongregazzjoni. (Efesin 4:8-​12, NW) Waqt li jirgħu l-​merħla prezzjuża t’Alla, irġiel bħal dawn isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu u jaħdmu favur il-​ġustizzja. Huma dejjem iżommu f’moħħhom li Ġesù jrid in-​nagħaġ tiegħu jiġu trattati b’mod ġust—ikunu xi jkunu l-​pożizzjoni, il-​prominenza, jew iċ-​ċirkustanzi materjali tagħhom.

22. Jehovah kif iħossu dwar il-​ħafna inġustizzji li hawn fid-​dinja taʼ llum, u lil Ibnu x’ħatru jagħmel dwar dan?

22 Iżda dalwaqt Ġesù se jwaqqaf il-​ġustizzja fuq l-​art bħalma qatt m’għamel qabel. Din id-​dinja korrotta hija mimlija inġustizzja. Kull tifel jew tifla li tmut bil-​ġuħ hija vittma taʼ inġustizzja bla skuża, speċjalment meta niftakru fil-​flus u l-​ħin li jinħlew fuq il-​produzzjoni taʼ l-​armi tal-​gwerra u l-​issodisfar bla rażan taʼ kapriċċi egoistiċi taʼ dawk li jfittxu l-​pjaċiri. Il-​miljuni taʼ mwiet bla bżonn kull sena huma waħda mill-​ħafna għamliet taʼ inġustizzja, li kollha jqanqlu r-​rabja ġusta taʼ Jehovah. Hu ħatar lil Ibnu biex jagħmel gwerra ġusta kontra din is-​sistema dinjija kollha mill-​agħar biex itemm l-​inġustizzja kollha għal dejjem.—Apokalissi 16:14, 16; 19:11-​15.

23. Wara Armageddon, Kristu kif se jaħdem favur il-​ġustizzja għall-​eternità kollha?

23 Madankollu, il-​ġustizzja taʼ Jehovah ma titlobx biss li jinqerdu l-​ħżiena. Hu ħatar ukoll lil Ibnu biex jaħkem bħala l-​“Prinċep tas-​sliem.” Wara l-​gwerra t’Armageddon, ir-​renju taʼ Ġesù se jġib is-​sliem ma’ l-​art kollha, u hu se jaħkem “bil-​ħaqq.” (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]) Imbagħad Ġesù se jitgħaxxaq isewwi l-​inġustizzji li ġabu tant miżerja u tbatija fid-​dinja. Matul l-​eternità kollha, hu se jżomm fedelment mal-​ġustizzja perfetta taʼ Jehovah. Għalhekk, huwa vitali li nfittxu li nimitaw il-​ġustizzja taʼ Jehovah issa. Ejja naraw kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 1 Billi wera rabja ġusta, Ġesù kien bħal Jehovah, li “jixgħel bil-​korla” għall-​ħażen kollu. (Naħum 1:2) Per eżempju, wara li Jehovah qal lill-​poplu stinat tiegħu li kien għamillu daru “għar tal-​ħallelin,” hu qal: “Il-​qilla tiegħi u l-​għadab tiegħi jissawwbu fuq dan is-​santwarju.”—Ġeremija 7:11, 20.

^ par. 3 Skond il-​Mixna, xi snin wara kienet qamet protesta fuq il-​prezz għoli tal-​ħamiem li kien jinbiegħ fit-​tempju. Il-​prezz mill-​ewwel naqas b’xi 99 fil-​mija! Min kien imur l-​iktar minn fuq f’dan in-​negozju li jħalli l-​qligħ? Xi studjużi taʼ l-​istorja jissuġġerixxu li s-​swieq tat-​tempju kienu proprjetà tad-​dar tal-​Qassis il-​Kbir Anna, u pprovdew il-​maġġuranza taʼ l-​għana kbir taʼ dik il-​familja.—Ġwanni 18:13.

^ par. 16 Il-​Fariżej kienu jemmnu li n-​nies baxxi, li ma kinux mgħallmin sew fil-​Liġi, kienu “misħuta.” (Ġwanni 7:49) Huma qalu li ħadd ma kellu la jgħallem lil dawn in-​nies u lanqas jinnegozja magħhom jew jiekol jew jitlob magħhom. Il-​fatt li xi ħadd iħalli lil bintu tiżżewweġ lil wieħed minnhom kien ikun agħar milli jitfagħha qalb il-​bhejjem salvaġġi. Huma qatgħuha li wħud baxxi bħal dawn ma kellhomx it-​tama taʼ l-​irxoxt.