KAPITLU 3
“Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova
1, 2. Liema viżjoni rċieva l-profeta Isaija, u din x’tgħallimna dwar Jehovah?
ISAIJA nħakem minn riverenza u stagħġib kbir bix-xena li ra quddiemu—viżjoni mingħand Alla. Kienet tidher tassew reali! Iktar tard Isaija kiteb li hu fil-fatt kien ‘ra’ lil Jehovah fuq it-tron għoli Tiegħu. Id-djul wesgħin tal-libsa taʼ Jehovah kienu jimlew it-tempju enormi f’Ġerusalemm.—Isaija 6:1, 2.
2 Isaija baqaʼ mistagħġeb ukoll b’dak li semaʼ—kant li tant kien qawwi li heżżeż it-tempju mis-sisien tiegħu. L-għanja kienet ġejja mingħand is-serafini, ħlejjaq spirti taʼ pożizzjoni għolja ħafna. Il-kant armonjuż u qawwi tagħhom beda jidwi b’dan il-kliem taʼ maestà li ma bħalha: “Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej taʼ l-eżerċti. L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu.” (Isaija 6:3, 4) Il-fatt li l-kelma “qaddis” tkantat għal tliet darbiet taha enfasi speċjali, u bix-xieraq, għax Jehovah hu qaddis sa l-ogħla grad. (Apokalissi 4:8) Il-qdusija taʼ Jehovah hija enfasizzata fil-Bibbja kollha kemm hi. Fiha nsibu mijiet taʼ versi fejn ismu jiġi assoċjat mal-kliem “qaddis” u “qdusija.”
3. L-opinjonijiet żbaljati dwar il-qdusija taʼ Jehovah kif iġagħlu lil ħafna wħud biex jitbiegħdu minn Alla minflok ma jersqu qrib lejh?
3 Huwa ċar, mela, li waħda mill-affarijiet primarji li Jehovah iridna nifhmu dwaru hija li hu qaddis. Madankollu, ħafna wħud illum timbottahom din l-istess idea. Xi nies jassoċjaw b’mod żbaljat il-qdusija ma’ li wieħed jippretendiha taʼ qaddis jew juri devozzjoni falza. Oħrajn li ma tantx għandhom stima għolja tagħhom infushom għandhom mnejn iħossu li l-qdusija t’Alla iktar tbeżżagħhom milli tħajjarhom. Forsi jibżgħu li huma qatt ma jistgħu jkunu denji li jersqu qrib lejn dan l-Alla qaddis. Għaldaqstant, ħafna nies jitbiegħdu minn Alla minħabba l-qdusija tiegħu. X’ħasra hi din, għax fil-fatt il-qdusija t’Alla hija raġuni qawwija għalfejn għandna nersqu qrib lejh. Għala? Qabel ma nwieġbu din il-mistoqsija, ejja niddiskutu x’inhi l-qdusija vera.
X’Inhi l-Qdusija?
4, 5. (a) Xi tfisser il-qdusija, u x’ma tfissirx? (b) Jehovah b’liema żewġ modi importanti huwa “separat”?
4 Il-fatt li Alla hu qaddis ma jfissirx li hu minfuħ bih innifsu, kburi, jew li jħares b’disprezz lejn ħaddieħor. Għall-kuntrarju, hu jobgħodhom kwalitajiet bħal dawn. (Proverbji 16:5; Ġakbu 4:6) Mela, xi tfisser verament il-kelma “qaddis”? Bl-Ebrajk Bibliku, il-kelma hija mnissla minn kelma oħra li tfisser “separat.” Fil-qima, il-kelma “qaddis” tapplika għal dak li jinżamm separat mill-użu komuni, jew li jitqies sagru. Ukoll, il-qdusija tagħti idea qawwija taʼ ndafa u safa. Kif tapplika għal Jehovah din il-kelma? Tfisser din li hu “separat” mill-bnedmin imperfetti, u li jżomm ruħu maqtugħ minna?
5 Lanqas xejn. Bħala “l-Qaddis taʼ Iżrael,” Jehovah iddeskriva lilu nnifsu bħala li qed jgħammar ‘f’nofs’ in-nies tiegħu, għalkemm dawn kienu midinbin. (Isaija 12:6; Hosegħa 11:9) Mela l-qdusija tiegħu ma tagħmlux maqtugħ għalih. Allura, kif inhu “separat”? B’żewġ modi importanti. L-ewwel, hu separat mill-ħolqien kollu fis-sens li hu waħdu huwa l-Iktar Għoli. Is-safa tiegħu, l-indafa tiegħu, hija assoluta u ma tispiċċa qatt. (Salm 40:6 [40:5, NW]; 83:19 [83:18, NW]) It-tieni, Jehovah hu separat għalkollox minn kull ħażen, u dan jagħtina l-faraġ. Għala?
6. Għala nistgħu nsibu l-faraġ li nkunu nafu li Jehovah hu assolutament separat minn kull ħażen?
6 Aħna ngħixu f’dinja fejn il-vera qdusija hija rari. Kull ħaġa konnessa mas-soċjetà umana mbiegħda minn Alla hija mniġġsa b’xi mod, imtebbgħa bid-dnub u l-imperfezzjoni. Ilkoll irridu niġġieldu kontra d-dnub ġewwa fina. U lkoll kemm aħna qegħdin fil-periklu li jirkibna d-dnub jekk ma nibqgħux għassa għal mument. (Rumani 7:15-25; 1 Korintin 10:12) Jehovah ma jinsab f’ebda periklu bħal dan. Ladarba hu maqtugħ kompletament minn kull ħażen, qatt ma se jittabba’ bl-iċken traċċa taʼ dnub. B’dan nerġgħu nikkonfermaw li Jehovah hu l-Missier ideali, għax dan ifisser li hu assolutament taʼ min jafdah. Kuntrarju għal ħafna missirijiet umani midinbin, Jehovah qatt ma se jsir korrott, abbużiv, jew jitlef kull kontroll morali. Il-qdusija tiegħu tagħmel kwalunkwe ħaġa bħal din kompletament impossibbli. Xi drabi, Jehovah saħansitra ħalef bi qdusitu stess, għax m’hemm xejn li tistaʼ torbot fuqu iktar minn hekk. (Għamos 4:2) Ma jqawwilniex qalbna dan?
7. Għala jistaʼ jingħad li l-qdusija hija l-essenza tal-personalità taʼ Jehovah?
7 Il-qdusija hija l-essenza nfisha tal-personalità taʼ Jehovah. Dan xi jfisser? Biex nagħtu eżempju: Ikkunsidra l-kliem “bniedem” u “imperfett.” Ma tistax tiddeskrivi l-ewwel kelma mingħajr ma tiġik f’moħħok l-oħra. L-imperfezzjoni hija minsuġa ġewwa fina u tinfluwenza dak kollu li nagħmlu. Issa ikkunsidra żewġ kelmiet differenti ħafna—“Jehovah” u “qaddis.” Il-qdusija hija minsuġa f’Jehovah. Kull ħaġa dwaru hija nadifa, safja, u retta. Ma nistgħux insiru nafu lil Jehovah kif verament hu mingħajr ma nqisu u nifhmu sew din il-kelma profonda—“qaddis.”
“Qaddis lill-Mulej”
8, 9. X’juri li Jehovah jgħin lil bnedmin imperfetti biex isiru qaddisin f’sens relattiv?
8 Ladarba Jehovah hu l-personifikazzjoni tal-kwalità tal-qdusija, jistaʼ jingħad bix-xieraq li hu s-sors tal-qdusija kollha. Hu ma jżommx għalih b’egoiżmu din il-kwalità prezzjuża imma jagħtiha lil oħrajn, u jagħmel hekk b’mod ġeneruż. Tant hu hekk, meta Alla kellem lil Mosè permezz t’anġlu ħdejn l-għollieq jaqbad, anki l-art taʼ madwar saret qaddisa għar-raġuni li kien hemm Jehovah involut!—Eżodu 3:5.
9 Jistgħu l-bnedmin imperfetti jsiru qaddisin bl-għajnuna taʼ Jehovah? Iva, f’sens relattiv. Alla ta lill-poplu tiegħu Iżrael il-prospett li jsir “ġens qaddis.” (Eżodu 19:6) Hu bierek lil dak il-ġens b’sistema taʼ qima li kienet qaddisa, nadifa, u safja. Għaldaqstant, il-qdusija hija tema li tidher ħafna drabi fil-Liġi Mosajka. Fil-fatt, il-qassis il-kbir kien jilbes strixxa tad-deheb man-naħa taʼ quddiem tat-turbant tiegħu, fejn kulħadd setaʼ jaraha tleqq fid-dawl. Fuqha kien hemm minqux il-kliem: “Qaddis lill-Mulej.” (Eżodu 28:36) Mela livell għoli taʼ ndafa u safa kellu jiddistingwi l-qima tagħhom, u tabilħaqq, il-mod kif jgħixu. Jehovah qalilhom: “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:2) Sakemm l-Iżraelin għexu fi qbil mal-pariri t’Alla sa l-iktar punt possibbli għal bnedmin imperfetti, huma kienu qaddisin f’sens relattiv.
10. Inkwantu għall-qdusija, liema kuntrast eżista bejn Iżrael tal-qedem u l-ġnus taʼ madwaru?
10 Din l-enfasi fuq il-qdusija kienet tagħmel kuntrast qawwi mal-qima tal-ġnus madwar Iżrael. Dawk il-ġnus pagani qiemu allat li l-eżistenza nfisha tagħhom kienet gidba u ingann, allat li kienu deskritti bħala vjolenti, rgħiba, u żienja. Huma kienu bla qdusija f’kull sens possibbli. In-nies li qiemu allat bħal dawn saru bla qdusija. Għaldaqstant, Jehovah wissa lill-qaddejja tiegħu biex jibqgħu separati mill-aduraturi pagani u l-prattiċi reliġjużi mniġġsin tagħhom.—Levitiku 18:24-28; 1 Slaten 11:1, 2.
11. Kif tidher il-qdusija taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah tas-sema (a) fl-anġli? (b) fis-serafini? (ċ) f’Ġesù?
11 Anki fl-aqwa tiegħu, il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem magħżul minn Jehovah setaʼ biss jirrifletti ftit mill-qdusija taʼ l-organizzazzjoni t’Alla fis-sema. Il-miljuni taʼ ħlejjaq spirti li jaqdu lealment lil Alla jissejħu “l-anġli qaddisa.” (Ġuda 14) Huma jirriflettu b’mod perfett is-sbuħija glorjuża u safja tal-qdusija t’Alla. U ftakar fis-serafini li Isaija ra fil-viżjoni tiegħu. Il-kontenut taʼ l-għanja tagħhom jissuġġerixxi li dawn il-ħlejjaq spirti qawwija għandhom irwol importanti f’li jxandru l-qdusija taʼ Jehovah ma’ l-univers kollu. Madankollu, hemm ħliqa spirtu waħda li hi ogħla minn dawn kollha—l-Iben uniġenitu t’Alla. Ġesù hu l-akbar riflessjoni tal-qdusija taʼ Jehovah. Bix-xieraq, hu magħruf bħala “l-Qaddis taʼ Alla.”—Ġwanni 6:68, 69.
Isem Qaddis, Spirtu Qaddis
12, 13. (a) L-isem t’Alla għala huwa deskritt b’mod xieraq bħala qaddis? (b) Għala jrid jitqaddes l-isem t’Alla?
12 Xi ngħidu għall-isem innifsu t’Alla? Bħalma rajna f’Kapitlu 1, dak l-isem m’huwiex sempliċement xi titlu jew tikketta. Dan jirrappreżenta lil Alla Jehovah, u jinkludi l-kwalitajiet kollha tiegħu. B’hekk, il-Bibbja tgħidilna li “qaddis ismu.” (Isaija 57:15) Fil-Liġi Mosajka, persuna kienet tingħata l-piena tal-mewt jekk tkasbar l-isem t’Alla. (Levitiku 24:16) U innota x’kienet l-ewwel prijorità għal Ġesù fit-talb: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Li tqaddes xi ħaġa jfisser li tirriservaha bħala sagra u tagħtiha ġieħ, li żżommha bħala li hi qaddisa. Imma xi bżonn hemm li xi ħaġa safja minnha nfisha, bħalma huwa l-isem t’Alla, titqaddes?
13 L-isem qaddis t’Alla ġie attakkat u mkasbar b’ħafna gideb u malafama. Fl-Għeden, Satana gideb dwar Jehovah u implika li Hu Sovran inġust. (Ġenesi 3:1-5) Minn dakinhar ’l hawn, Satana—il-ħakkiem taʼ din id-dinja bla qdusija—ħa ħsieb li l-gideb dwar Alla jiżdied. (Ġwanni 8:44; 12:31; Apokalissi 12:9) Ir-reliġjonijiet pinġew lil Alla bħala tirann, maqtugħ minn kulħadd, jew kattiv. Huma sostnew li għandhom l-appoġġ tiegħu fil-gwerer tagħhom għatxana għad-demm. Spiss, il-kredtu għall-atti meraviljużi taʼ ħolqien t’Alla jingħata lill-evoluzzjoni jew jingħad li dawn ġew b’kumbinazzjoni. Iva, l-isem t’Alla ġie kalunjat bl-ikrah. Irid jitqaddes; il-glorja li jistħoqqlu trid tiġi restawrata. Aħna nixxennqu għat-taqdis taʼ ismu u l-vindikazzjoni tas-sovranità tiegħu, u nieħdu pjaċir li jkollna kull sehem f’dak l-iskop grandjuż.
14. L-ispirtu t’Alla għala jissejjaħ qaddis, u għala hija ħaġa daqstant serja li wieħed jidgħi kontra l-ispirtu qaddis?
14 Hemm xi ħaġa oħra assoċjata b’mod intimu ma’ Jehovah u li kważi dejjem tissejjaħ qaddisa—l-ispirtu, jew il-forza attiva, tiegħu. (Ġenesi 1:2) Jehovah juża din il-forza, li xejn u ħadd ma jiflaħ għaliha, biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. Dak kollu li Alla jagħmel, hu jwettqu b’mod qaddis, safi, u nadif, u għalhekk il-qawwa attiva tiegħu bix-xieraq tissejjaħ spirtu qaddis, jew spirtu taʼ qdusija. (Luqa 11:13; Rumani 1:4) Id-dagħa kontra l-ispirtu qaddis, li jinvolvi li wieħed minn jeddu jaħdem kontra l-iskopijiet taʼ Jehovah, jirriżulta fi dnub li ma jinħafirx.—Mark 3:29.
Għala l-Qdusija taʼ Jehovah Tiġbidna Lejh
15. Għala hija reazzjoni xierqa li jkollna l-biżaʼ t’Alla meta nqisu l-qdusija tiegħu, u x’jinvolvi biżaʼ bħal dan?
15 M’huwiex diffiċli biex naraw, allura, għala l-Bibbja tagħmel konnessjoni bejn il-qdusija taʼ Jehovah u l-biżaʼ t’Alla min-naħa tal-bniedem. Per eżempju, Salm 99:3 jgħid: “Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biżaʼ, għax hu qaddis.” Madankollu, dan m’huwiex xi biżaʼ li jkexkxek. Minflok, huwa sens qawwi taʼ riverenza profonda, l-ogħla tip taʼ rispett. Jixraq li aħna nħossuna hekk, ladarba l-qdusija t’Alla hija tant ogħla minna. Hija nadifa b’mod eċċellenti, glorjuża. Xorta waħda, din m’għandhiex timbottana. Għall-kuntrarju, ħarsa xierqa lejn il-qdusija t’Alla se tressaqna eqreb lejh. Għala?
Bħalma s-sbuħija tattirana, l-istess għandha tagħmel il-qdusija
16. (a) Il-qdusija kif inhi marbuta mas-sbuħija? Agħti eżempju. (b) Il-viżjonijiet li jiddeskrivu lil Jehovah kif jenfasizzaw l-indafa, is-safa, u d-dawl?
16 Raġuni waħda hi li l-Bibbja torbot il-qdusija mas-sbuħija. F’Isaija 63:15, is-sema huwa deskritt bħala ‘l-għamara mqaddsa u msebbħa’ t’Alla. Is-sbuħija tattirana. Per eżempju, ħares lejn l-istampa f’paġna 33. Ma tiħux pjaċir taraha xena bħal dik? X’jagħmilha daqshekk pjaċevoli? Innota kemm jidher pur l-ilma. Anki l-arja hi nadifa, għax hemm sema blu u d-dawl donnu jleqq. Issa, li kieku dik ix-xena kellha tinbidel—ix-xmara mimlija skart, tħażżiż mas-siġar u l-blat, l-arja maħmuġa bid-dħaħen—ma nibqgħux nieħdu pjaċir narawha; tibda timbottana. Naturalment aħna norbtu s-sbuħija ma’ l-indafa, is-safa, u d-dawl. Dan l-istess kliem jistaʼ jintuża biex jiddeskrivi l-qdusija taʼ Jehovah. Mhux taʼ b’xejn li viżjonijiet li jiddeskrivu lil Jehovah isaħħruna! Mimlija bir-raġġi tad-dawl, tlellex bħall-ħaġar taʼ valur, tiddi bħan-nar jew bħall-metalli prezzjużi l-iktar puri u leqqiena—hekk hi s-sbuħija taʼ l-Alla qaddis tagħna.—Eżekjel 1:25-28; Apokalissi 4:2, 3.
17, 18. (a) Għall-ewwel kif ġie effettwat Isaija bil-viżjoni li ra? (b) Jehovah kif uża serafin biex ifarraġ lil Isaija, u x’kienet tfisser l-azzjoni tas-serafin?
17 Madankollu, għandha l-qdusija t’Alla ġġagħalna nħossuna inferjuri meta nqabbluha magħna? M’għandniex xi ngħidu, it-tweġiba hi iva. Wara kollox, aħna veru inferjuri għal Jehovah—u lanqas biss nistgħu nibdew nesprimu għalkollox il-verità taʼ dan il-fatt. Għandu jbegħedna minnu lfatt li nafu dan? Ikkunsidra r-reazzjoni taʼ Isaija malli semaʼ lis-serafini jipproklamaw il-qdusija taʼ Jehovah. “Imbagħad jiena għedt: ‘Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien! U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, Il-Mulej taʼ l-eżerċti.’” (Isaija 6:5) Iva, il-qdusija infinita taʼ Jehovah fakkret lil Isaija kemm hu kien midneb u imperfett. Għall-ewwel, dak ir-raġel leali ħassu mifxul għalkollox. Imma Jehovah ma ħalliehx f’dik il-qagħda.
18 Minnufih ġie serafin biex ifarrġu. Kif? Dan l-ispirtu setgħan tar għal fuq l-artal, qabad ġamra minn fuqu, u messha ma’ xofftejn Isaija. Forsi dan jinstemaʼ iktar taʼ wġigħ milli taʼ faraġ. Ftakar, iżda, li din kienet viżjoni, mimlija b’tifsir simboliku. Isaija, Lhudi leali, kien jaf sew li s-sagrifiċċji kienu jiġu offruti kuljum fuq l-artal tat-tempju bħala tpattija għad-dnubiet. U s-serafin bi mħabba fakkar lill-profeta li għalkemm kien tabilħaqq imperfett, “b’xufftejh imniġġsa,” xorta setaʼ jitqies nadif minn Alla. * Jehovah kien lest li jqis bniedem imperfett u midneb bħala qaddis—għallinqas f’sens relattiv.—Isaija 6:6, 7.
19. Kif inhu possibbli għalina li nkunu qaddisin f’sens relattiv, għalkemm imperfetti?
19 L-istess ħaġa tapplika llum. Dawk is-sagrifiċċji kollha offruti fuq l-artal f’Ġerusalemm kienu biss dell taʼ xi ħaġa akbar—l-uniku sagrifiċċju perfett, offrut minn Ġesù Kristu fis-sena 33 E.K. (Lhud 9:11-14) Jekk verament nindmu minn dnubietna, nirranġaw l-imġiba ħażina, u neżerċitaw il-fidi f’dak is-sagrifiċċju, naqilgħu maħfra. (1 Ġwanni 2:2) Aħna wkoll nistgħu nitqiesu nodfa minn Alla. Għaldaqstant, l-appostlu Pietru jfakkarna: “Hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien.’” (1 Pietru 1:16) Innota li Jehovah ma qalx li rridu nkunu qaddisin daqsu. Hu qatt ma jistenna l-impossibbli minna. (Salm 103:13, 14) Minflok, Jehovah jgħidilna biex inkunu qaddisin għax hu qaddis. “Bħala wlied maħbuba,” aħna nfittxu li nimitawh bl-aħjar mod li nistgħu taʼ bnedmin imperfetti li aħna. (Efesin 5:1) Mela li niksbu l-qdusija huwa proċess kontinwu. Hekk kif nikbru spiritwalment, aħna naħdmu biex “nipperfezzjonaw il-qdusija” jum wara l-ieħor.—2 Korintin 7:1, NW.
20. (a) Għala huwa importanti li nifhmu li aħna nistgħu nkunu nodfa f’għajnejn l-Alla qaddis tagħna? (b) Kif ġie effettwat Isaija meta sar jaf li kienet saret tpattija għal dnubietu?
20 Jehovah iħobb dak li hu rett u safi. Jobogħdu d-dnub. (Ħabakkuk 1:13) Imma hu ma jobgħodx lilna. Sakemm nibqgħu nħarsu lejn id-dnub bħalma jagħmel hu—jiġifieri nobogħdu dak li hu ħażin u nħobbu dak li hu tajjeb—u nistinkaw biex nimxu fuq il-passi perfetti taʼ Ġesù Kristu, Jehovah jaħfrilna dnubietna. (Għamos 5:15; 1 Pietru 2:21) Meta nifhmu li aħna nistgħu nkunu nodfa f’għajnejn l-Alla qaddis tagħna, l-effetti huma profondi. Ftakar, għall-ewwel il-qdusija taʼ Jehovah fakkret lil Isaija dwar in-nuqqas taʼ ndafa tiegħu nnifsu. Hu għajjat: “Jaħasra għalija!” Imma malli fehem li kienet saret tpattija għad-dnubiet tiegħu, il-ħarsa tiegħu nbidlet. Meta Jehovah talab volontier biex iwettaq inkarigu, Isaija wieġeb minnufih, għalkemm lanqas biss kien jaf x’kien se jkun hemm involut. Hu esklama: “Hawn jien: ibgħat lili!”—Isaija 6:5-8.
21. X’bażi hemm li tagħtina l-fiduċja li aħna nistgħu nikkultivaw il-kwalità tal-qdusija?
21 Aħna magħmulin fuq ix-xbieha t’Alla l-qaddis, u ngħatajna kwalitajiet morali u l-kapaċità li nifhmu affarijiet spiritwali. (Ġenesi 1:26) F’kull wieħed u waħda minna hemm il-potenzjal għall-qdusija. Hekk kif inkomplu nikkultivaw il-qdusija, Jehovah jieħu pjaċir jgħinna. Matul dan il-proċess, se nersqu eqreb lejn l-Alla qaddis tagħna. Iżjed minn hekk, hekk kif nikkunsidraw il-kwalitajiet taʼ Jehovah fil-kapitli li jmiss, se naraw li hemm ħafna raġunijiet sodi għalfejn nersqu qrib lejh!
^ par. 18 L-espressjoni “b’xufftejh imniġġsa” hija addattata ħafna, għax ix-xofftejn spiss jintużaw fil-Bibbja b’mod figurattiv biex jirrappreżentaw id-diskors jew il-lingwaġġ. Ħafna mid-dnubiet li jsiru min-nies imperfetti kollha huma riżultat tal-mod li bih jużaw kliemhom.—Proverbji 10:19; Ġakbu 3:2, 6.