Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 9

“Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla”

“Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla”

1-3. (a) Id-​dixxipli minn liema esperjenza terribbli għaddew fil-​Baħar tal-​Galilija, u Ġesù x’għamel? (b) Għala jistaʼ jingħad b’mod xieraq li “Kristu huwa l-​qawwa taʼ Alla?”

 ID-​DIXXIPLI kienu mwerwrin. Kienu qed jaqsmu bid-​dgħajsa l-​Baħar tal-​Galilija meta f’daqqa waħda nqabdu f’maltempata. Bla dubju, huma ġieli kienu raw maltemp f’din il-​medda kbira taʼ ilma—wara kollox, xi wħud mill-​irġiel kienu sajjieda tas-​sengħa. * (Mattew 4:18, 19) Imma dan kien “riefnu kbir,” u l-​baħar sar ifferoċjat f’daqqa waħda. L-​irġiel tħabtu fuq li tħabtu biex jidderieġu d-​dgħajsa, imma l-​maltemp kien kbir wisq. Il-​mewġ “beda tiela’ għal ġod-​dgħajsa,” u din bdiet tiblaʼ l-​ilma. Minkejja l-​għagħa li qamet, Ġesù kien fil-​poppa rieqed fil-​fond, għajjien mejjet wara ġurnata jgħallem lill-​folol tan-​nies. Peress li beżgħu li se jmutu, id-​dixxipli qajmuh, u talbuh bil-​ħrara: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”—Mark 4:35-​38; Mattew 8:23-​25.

2 Ġesù ma beżax. B’fiduċja sħiħa, hu ċanfar lir-​riħ u lill-​baħar: “Iskot! Biżżejjed!” Minnufih, ir-​riħ u l-​baħar obdew—il-​maltempata waqfet, il-​baħar ikkwieta, u “waqgħet kalma kbira.” Issa d-​dixxipli qabadhom biżaʼ mhux tas-​soltu. “Dan min hu, mela?” bdew igemgmu bejniethom. Tabilħaqq, liema tip taʼ bniedem setaʼ jċanfar lir-​riħ u lill-​baħar qisu qed iwiddeb lil xi tifel imqareb?—Mark 4:39-​41; Mattew 8:26, 27.

3 Imma Ġesù ma kienx bniedem komuni. Il-​qawwa taʼ Jehovah aġixxiet għan-​nom taʼ Ġesù u dehret permezz taʼ Ġesù b’modi straordinarji. B’ispirazzjoni, meta l-​appostlu Pawlu rrefera għal Ġesù hu setaʼ b’mod xieraq jgħid li “Kristu huwa l-​qawwa taʼ Alla.” (1 Korintin 1:24) Il-​qawwa t’Alla b’liema modi dehret permezz taʼ Ġesù? U l-​mod kif Ġesù uża l-​qawwa liema influwenza jistaʼ jkollu f’ħajjitna?

Il-​Qawwa taʼ l-​Iben Uniġenitu t’Alla

4, 5. (a) Jehovah liema qawwa u awtorità tremenda ddelega lill-​Iben uniġenitu tiegħu? (b) Dan l-​Iben kif kien mgħammar biex iwettaq l-​iskopijiet kreattivi taʼ Missieru?

4 Ikkunsidra l-​qawwa li Ġesù kellu qabel ma sar bniedem. Jehovah eżerċita s-​“setgħa tiegħu taʼ dejjem” meta ħalaq lill-​Iben uniġenitu tiegħu, li sar magħruf bħala Ġesù Kristu. (Rumani 1:20; Kolossin 1:15) Wara dan, Jehovah iddelega lil Ibnu qawwa u awtorità tremenda, u inkarigah biex iwettaq l-​iskopijiet kreattivi Tiegħu. Dwar l-​Iben, il-​Bibbja tgħid: “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru.”—Ġwanni 1:3.

5 Aħna bilkemm nifhmu l-​kobor taʼ dan l-​inkarigu. Immaġina x’qawwa kienet meħtieġa biex jinħolqu miljuni t’anġli setgħana, l-​univers fiżiku bil-​biljuni taʼ galassji, u l-​art bil-​varjetà kbira taʼ ħajja. Sabiex iwettaq dawn l-​inkarigi, l-​Iben uniġenitu setaʼ juża l-​iktar forza qawwija fl-​univers—l-​ispirtu qaddis t’Alla. Dan l-​Iben ħass ferħ kbir f’li jkun il-​Ħaddiem tas-​Sengħa, li Jehovah uża biex joħloq l-​affarijiet l-​oħra kollha.—Proverbji 8:22-​31, NW.

6. Wara li miet fuq l-​art u rxoxta, Ġesù liema qawwa u awtorità ngħata?

6 Setaʼ l-​Iben uniġenitu jirċievi saħansitra iktar qawwa u awtorità? Wara li Ġesù miet fuq l-​art u rxoxta, hu qal: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18) Iva, Ġesù ngħata l-​abbiltà u d-​dritt li jeżerċita l-​qawwa fl-​univers kollu. Bħala “Sultan tas-​slaten u Sid tas-​sidien,” hu ġie awtorizzat biex jeqred “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa”—viżibbli u inviżibbli—li hi kontra Missieru. (Apokalissi 19:16; 1 Korintin 15:24-​26) Alla “xejn ma ħalla li ma jkunx imqiegħed taħt” Ġesù—ħlief Jehovah innifsu.—Lhud 2:8; 1 Korintin 15:27.

7. Għala nistgħu nibqgħu ċerti li Ġesù qatt ma se juża ħażin il-​qawwa li Jehovah tah f’idejh?

7 Hemm għalfejn ninkwetaw li Ġesù għandu mnejn juża ħażin il-​qawwa tiegħu? Assolutament le! Ġesù jħobbu tassew lil Missieru u qatt ma se jagħmel xi ħaġa li ma togħġbux. (Ġwanni 8:29; 14:31) Ġesù jaf tajjeb li Jehovah qatt ma juża ħażin il-​qawwa assoluta tiegħu. Ġesù ra b’għajnejh stess kif Jehovah ifittex opportunitajiet biex “isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Tabilħaqq, bħal Missieru Ġesù jħobb lill-​bnedmin, u għalhekk nistgħu nserrħu rasna li Ġesù dejjem se juża l-​qawwa tiegħu għall-​ġid. (Ġwanni 13:1) Il-​fatti kollha juru li Ġesù qatt ma żbalja f’dan ir-​rigward. Ejja nikkunsidraw il-​qawwa li kellu waqt li kien fuq l-​art u kif tqanqal biex jużaha.

“Setgħan . . . fil-​Kliem”

8. Wara d-​dlik tiegħu, Ġesù x’qawwa ngħata, u kif użaha l-​qawwa tiegħu?

8 Evidentement, Ġesù ma wettaq l-​ebda miraklu meta kien għadu qed jikber f’Nazaret. Imma l-​affarijiet inbidlu wara li tgħammed fis-​sena 29 E.K., meta kellu madwar 30 sena. (Luqa 3:21-​23) Il-​Bibbja tgħidilna li ‘Alla kkonsagrah bl-​Ispirtu s-​Santu u bil-​qawwa, u hu għadda jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-​xitan.’ (Atti 10:38) “Jagħmel il-​ġid”—ma jindikax dan li Ġesù uża l-​qawwa tiegħu b’mod tajjeb? Wara d-​dlik tiegħu, hu sar “profeta setgħan fl-​għemil u fil-​kliem.”—Luqa 24:19.

9-11. (a) Ġesù fejn għallem l-​iktar, u liema sfida kellu? (b) Il-​folol tan-​nies għala baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallem Ġesù?

9 Ġesù kif kien setgħan fil-​kliem? Hu spiss kien jgħallem fil-​beraħ—f’xatt il-​baħar u fuq l-​għoljiet u kif ukoll fit-​toroq u fis-​swieq. (Mark 6:53-​56; Luqa 5:1-​3; 13:26) Is-​semmiegħa tiegħu setgħu sempliċement jaqbdu u jitilqu ’l hemm jekk kliemu ma kienx jolqothom. Fiż-​żmien meta ma kienx hemm kotba stampati, dawk is-​semmiegħa li kienu japprezzaw kliemu kellhom jibqgħu jżommu kliemu f’moħħhom u f’qalbhom. Għalhekk, it-​tagħlim taʼ Ġesù kellu jkun tagħlim li verament jiġbed l-​attenzjoni, jinftiehem b’mod ċar, u ħafif biex is-​semmiegħa jibqgħu jiftakruh. Imma din l-​isfida ma kinitx problema għal Ġesù. Ħu, per eżempju, il-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja.

10 Għodwa waħda fis-​sena 31 E.K., folla nies inġabret fuq għolja ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Xi wħud kienu ġew mil-​Lhudija u minn Ġerusalemm, minn 100 sa 110 kilometri ’l bogħod. Oħrajn kienu ġew mill-​inħawi tal-​kosta taʼ Tir u Sidon, fit-​tramuntana. Ħafna nies morda resqu qrib Ġesù biex imissuh, u hu fejjaqhom ilkoll. Meta ma kien għad fadal lanqas bniedem wieħed fosthom marid serjament, hu beda jgħallem. (Luqa 6:17-​19) Meta waqaf jitkellem ftit ħin wara, in-​nies baqgħu mistagħġbin b’dak li kienu semgħu. Għala?

11 Xi snin wara, wieħed li kien semaʼ dik il-​priedka kiteb: “In-​nies baqgħu mistagħġba bit-​tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-​setgħa.” (Mattew 7:28, 29) Ġesù tkellem b’ċerta qawwa li setgħu jħossuha. Hu tkellem f’isem Alla u saħħaħ it-​tagħlim tiegħu permezz taʼ l-​awtorità tal-​Kelma t’Alla. (Ġwanni 7:16) Il-​kliem taʼ Ġesù kien ċar, it-​twiddib tiegħu kien persważiv, u r-​raġunar li qajjem ma setaʼ jmerih ħadd. Kliemu laqat il-​qofol tal-​kwistjonijiet u laqat ukoll qlub is-​semmiegħa tiegħu. Hu għallimhom kif isibu l-​hena, kif jitolbu, kif ifittxu s-​Saltna t’Alla, u kif jibnu għal futur fiż-​żgur. (Mattew 5:3–7:27) Kliemu qanqal il-​qlub taʼ dawk li kienu bil-​ġuħ għall-​verità u s-​sewwa. Uħud bħal dawn kienu lesti li ‘jiċħdu’ lilhom infushom u jabbandunaw kollox sabiex jimxu warajh. (Mattew 16:24; Luqa 5:10, 11) X’evidenza kienet din tal-​qawwa li kellu kliem Ġesù!

“Setgħan fl-​Għemil”

12, 13. Ġesù f’liema sens kien “setgħan fl-​għemil,” u l-​mirakli tiegħu kif kienu differenti minn xulxin?

12 Ġesù kien ukoll “setgħan fl-​għemil.” (Luqa 24:19) L-​Evanġelji jirrapportaw iktar minn 30 miraklu speċifiku mwettqin minnu—kollha permezz tal-​“qawwa tal-​Mulej.” * (Luqa 5:17) Il-​mirakli taʼ Ġesù effettwaw il-​ħajjiet t’eluf taʼ nies. Biss biss, żewġ mirakli minnhom—meta temaʼ 5,000 raġel u iktar tard 4,000 raġel “barra n-​nisa u t-​tfal”—involvew folol taʼ nies li x’aktarx kienu jgħoddu ma’ l-​20,000 persuna!—Mattew 14:13-​21; 15:32-​38.

“Raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar”

13 Il-​mirakli taʼ Ġesù kienu differenti ħafna minn xulxin. Hu kellu awtorità fuq id-​demonji, u setaʼ jkeċċihom faċilment. (Luqa 9:37-​43) Kellu qawwa fuq elementi fiżiċi, u biddel l-​ilma fi nbid. (Ġwanni 2:1-​11) Bi stagħġib kbir għad-​dixxipli tiegħu, hu mexa fuq il-​baħar imqalleb tal-​Galilija. (Ġwanni 6:18, 19) Kellu awtorità fuq il-​mard, u fejjaq difetti fil-​ġisem, mard kroniku, u mard li kien taʼ periklu għall-​ħajja. (Mark 3:1-​5; Ġwanni 4:46-​54) Hu wettaq dan il-​fejqan b’diversi modi. Xi wħud tfejqu mill-​bogħod, filwaqt li oħrajn ħassew lil Ġesù stess imisshom. (Mattew 8:2, 3, 5-​13) Xi wħud fiequ minnufih, oħrajn bil-​mod il-​mod.—Mark 8:22-​25; Luqa 8:43, 44.

14. Ġesù f’liema ċirkustanzi wera li kellu l-​qawwa li jġib il-​mewt fix-​xejn?

14 Ħaġa taʼ l-​għaġeb, Ġesù kellu l-​qawwa li jġib il-​mewt fix-​xejn. Fi tliet okkażjonijiet li tniżżlu bil-​miktub, hu qajjem lill-​mejtin—meta ta lura tifla taʼ 12-​il sena lill-​ġenituri tagħha, l-​uniku iben lil ommu li kienet armla, u raġel maħbub ħafna lil ħutu l-​bniet. (Luqa 7:11-​15; 8:49-​56; Ġwanni 11:38-​44) L-​ebda ċirkustanza ma kienet diffiċli wisq għalih. Hu qajjem lit-​tifla taʼ 12-​il sena ftit wara li kienet għadha kif mietet fuq sodditha. Irxoxta lit-​tifel taʼ l-​armla minn ġol-​katalett, mingħajr dubju dakinhar stess li miet. U qajjem lil Lazzru mill-​qabar wara li kien ilu mejjet erbat ijiem.

Użu tal-​Qawwa Mingħajr Egoiżmu, bid-​Dehen, u b’Konsiderazzjoni

15, 16. Liema evidenza turi li Ġesù uża l-​qawwa tiegħu mingħajr egoiżmu?

15 Tistaʼ timmaġina x’abbuż setaʼ jsir li kieku l-​qawwa li kellu Ġesù kellha tingħata lil ħakkiem imperfett? Imma Ġesù kien bla dnub. (1 Pietru 2:22) Hu rrifjuta li jittabba’ bl-​egoiżmu, bl-​ambizzjoni, u bir-​regħba li jġagħlu lil nies imperfetti jużaw il-​qawwa tagħhom sabiex jagħmlu ħsara lil ħaddieħor.

16 Ġesù ma kienx egoist meta uża l-​qawwa tiegħu, u qatt ma użaha għall-​benefiċċju tiegħu nnifsu. Meta kien bil-​ġuħ, hu rrifjuta li jbiddel il-​ġebel f’ħobż biex jieklu. (Mattew 4:1-​4) Il-​ftit affarijiet li kellu wrew biċ-​ċar li hu m’għamilx xi qligħ materjali mill-​użu tal-​qawwa tiegħu. (Mattew 8:20) Hemm provi oħra li juru li l-​għemejjel setgħana tiegħu ma ġewx imqanqlin minn motivi egoistiċi. Meta wettaq il-​mirakli, hu għamel hekk avolja dan kien jinkludi sagrifiċċju min-​naħa tiegħu. Meta kien ifejjaq lill-​morda, il-​qawwa kienet toħroġ minn ġo fih. Hu kien jinduna b’din il-​qawwa ħierġa minnu, anki meta kien jagħmel fejqan wieħed biss. (Mark 5:25-​34) Madankollu, hu kien iħalli lil folol taʼ nies imissuh, u lkoll kienu jfiqu. (Luqa 6:19) Xi spirtu mingħajr egoiżmu kien dak!

17. Ġesù kif wera d-​dehen bil-​mod kif uża l-​qawwa tiegħu?

17 Ġesù uża l-​qawwa tiegħu bid-​dehen. Hu qatt ma wettaq għemejjel setgħana biex jiffanfra quddiem kulħadd jew jagħmel wirja bla skop. (Mattew 4:5-​7) Hu ma kienx lest li jwettaq xi sinjal sempliċement biex jaqtaʼ l-​kurżità t’Erodi li kellu motivi żbaljati. (Luqa 23:8, 9) Minflok ma qagħad idoqq it-​trombi dwar il-​qawwa li kellu, Ġesù spiss kien jgħid lil dawk li jfejjaq biex ma jgħidu lil ħadd. (Mark 5:43; 7:36) Hu ma riedx li n-​nies jaslu għal konklużjonijiet dwaru fuq il-​bażi taʼ rapporti sensazzjonali.—Mattew 12:15-​19.

18-20. (a) X’influwenza lil Ġesù biex juża l-​qawwa tiegħu kif użaha? (b) Kif tħossok dwar il-​mod li bih Ġesù fejjaq lil wieħed raġel trux?

18 Dan il-​bniedem taʼ qawwa kbira, Ġesù, kien differenti ħafna minn dawk il-​mexxejja li użaw il-​qawwa mingħajr ma taw l-​ebda kas il-​bżonnijiet u t-​tbatija t’oħrajn. Ġesù kien jimpurtah min-​nies. Malli saħansitra kien jara lil xi ħadd muġugħ, tant kien iħoss għalih li kien jitqanqal biex itaffilu l-​uġigħ tiegħu. (Mattew 14:14) Hu kien jimpurtah mis-​sentimenti u l-​bżonnijiet tan-​nies, u dan l-​interess teneru influwenzah fil-​mod kif uża l-​qawwa tiegħu. Eżempju kommoventi nsibuh f’​Mark 7:31-​37.

19 F’din l-​okkażjoni, folol kbar taʼ nies sabu lil Ġesù u ġabulu ħafna morda, u hu fejjaqhom kollha. (Mattew 15:29, 30) Imma Ġesù għażel raġel wieħed u tah attenzjoni speċjali. Ir-​raġel kien trux u bilkemm setaʼ jitkellem. Ġesù għandu mnejn induna li dan il-​bniedem partikulari kien qed jistħi jew iħossu nervuż. B’mogħdrija, Ġesù ħa lir-​raġel waħdu—lil hinn mill-​folla—f’post għall-​kwiet. Imbagħad Ġesù għamel xi sinjali biex juri lir-​raġel x’kien se jagħmel. Hu “daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-​riq tiegħu.” * (Mark 7:33) Imbagħad, Ġesù ħares ’il fuq lejn is-​sema u tniehed waqt li talab. B’dawn l-​azzjonijiet, hu kien qed jgħid lir-​raġel, ‘Dak li se nagħmillek minn hawn u ftit ieħor huwa permezz tal-​qawwa mingħand Alla.’ Fl-​aħħar, Ġesù qal: “Infetaħ.” (Mark 7:34) Malli qal hekk, ir-​raġel reġaʼ beda jismaʼ, u setaʼ jitkellem normali.

20 Kemm huwa kommoventi meta noqogħdu naħsbu li anki meta kien juża l-​qawwa mogħtija minn Alla biex ifejjaq lill-​morda, Ġesù kien jagħti kas is-​sentimenti tagħhom u jagħdirhom! M’hijiex xi ħaġa rassiguranti li nkunu nafu li Jehovah ħalla s-​Saltna Messjanika f’idejn Ħakkiem li tant jimpurtah u jagħder?

Sinjal taʼ l-​Affarijiet li Jridu Jseħħu

21, 22. (a) Il-​mirakli taʼ Ġesù taʼ xiex kienu sinjal? (b) Ladarba Ġesù għandu kontroll fuq il-​forzi naturali, x’nistgħu nistennew taħt il-​ħakma tiegħu tas-​Saltna?

21 L-​għemejjel setgħana li Ġesù wettaq fuq l-​art kienu biss stampa bil-​quddiem taʼ barkiet saħansitra akbar li kellhom iseħħu taħt ir-​renju tiegħu. Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, Ġesù se jerġaʼ jagħmel il-​mirakli—imma fuq skala globali! Ikkunsidra xi ftit mill-​prospetti eċċitanti li għandna quddiemna.

22 Ġesù se jerġaʼ jġib l-​ekoloġija taʼ l-​art f’bilanċ perfett. Ftakar li hu wera kontroll fuq il-​forzi naturali billi kkalma maltempata. M’hemmx dubju, allura, li taħt il-​ħakma tas-​Saltna minn Kristu, il-​bnedmin mhux se jkollhom għalfejn jibżgħu li se jweġġgħu minħabba uragani, terremoti, żbroffi taʼ vulkani, jew diżastri naturali oħra. Ladarba Ġesù hu l-​Ħaddiem tas-​Sengħa li Jehovah uża biex joħloq l-​art u l-​ħajja kollha taʼ ġo fiha, hu jifhem għalkollox kif inhi magħmula l-​art. Hu jaf kif juża sew ir-​riżorsi tagħha. Taħt il-​ħakma tiegħu, din l-​art kollha se tinbidel f’Ġenna.—Luqa 23:43.

23. Bħala Sultan, Ġesù kif se jissodisfa l-​bżonnijiet tal-​bnedmin?

23 Xi ngħidu għall-​bżonnijiet tal-​bnedmin? L-​abbiltà taʼ Ġesù li jitmaʼ lil eluf taʼ nies sakemm jixbgħu, sempliċement minn ħażna żgħira taʼ ikel, tassigurana li l-​ħakma tiegħu se ġġib ħelsien mill-​ġuħ. Tabilħaqq, abbundanza taʼ ikel, imqassam b’mod indaqs u ġust, se ttemm il-​ġuħ għal dejjem. (Salm 72:16) L-​awtorità tiegħu fuq il-​mard turina li n-​nies morda, għomja, torox, immankati, u z-​zopop se jfiqu—kompletament u għal dejjem. (Isaija 33:24; 35:5, 6) L-​abbiltà tiegħu li jirxoxta lill-​mejtin tiżgurana li s-​setgħa li se jkollu bħala Sultan fis-​sema tinkludi l-​qawwa li jirxoxta lil miljuni bla għadd taʼ nies illi Missieru jixtieq ħafna li jiftakar fihom.—Ġwanni 5:28, 29.

24. Hekk kif nirriflettu fuq il-​qawwa taʼ Ġesù, x’għandna nżommu f’moħħna, u għala?

24 Hekk kif nirriflettu fuq il-​qawwa taʼ Ġesù, ejja nżommu f’moħħna li dan l-​Iben jimita lil Missieru b’mod perfett. (Ġwanni 14:9) B’hekk, il-​mod kif Ġesù juża l-​qawwa jagħtina stampa ċara taʼ kif Jehovah juża l-​qawwa. Per eżempju, aħseb fil-​mod teneru kif Ġesù fejjaq lil ċertu raġel imġiddem. Peress li tħassru, Ġesù mess lir-​raġel u qallu: “Irrid.” (Mark 1:40-​42) Permezz taʼ rakkonti bħal dan, Jehovah qiegħed fil-​fatt jgħid, ‘Jien hekk nużaha l-​qawwa tiegħi!’ Ma tħossokx imqanqal li tfaħħar lill-​Alla tagħna li jistaʼ kollox u troddlu ħajr talli juża l-​qawwa tiegħu b’tant imħabba?

^ par. 1 Fil-​Baħar tal-​Galilija hija xi ħaġa komuni li jqum il-​maltemp f’daqqa waħda. Minħabba li dan jinsab fil-​baxx (mal-​200 metru taħt il-​livell tal-​baħar), l-​arja hemmhekk hija iktar sħuna mill-​inħawi taʼ madwar, u dan joħloq taqlib fl-​atmosfera. Irjieħ qawwijin jinżlu jiġru mill-​Muntanja Ħermon li tinsab fit-​tramuntana għall-​Wied tal-​Ġordan. It-​temp sabiħ malajr jistaʼ jinbidel f’maltempata qalila.

^ par. 12 Flimkien ma’ dan, xi drabi l-​Evanġelji jiġbru diversi mirakli u jsemmuhom f’rakkont wieħed ġenerali. Per eżempju, darba minnhom marret tarah “belt,” u hu fejjaq “ħafna” nies morda.—Mark 1:32-​34.

^ par. 19 Li wieħed jobżoq kien mezz jew sinjal taʼ fejqan aċċettat kemm mil-​Lhud kif ukoll mill-​Ġentili, u l-​użu tar-​riq fil-​fejqan huwa dokumentat f’kitbiet rabbiniċi. Ġesù għandu mnejn beżaq sempliċement biex juri lir-​raġel li dalwaqt kien se jfiq. Kien x’kien il-​każ, Ġesù ma kienx qed juża r-​riq tiegħu bħala rimedju naturali taʼ fejqan.