KAPITLU 5
Il-qawwa kreattiva—dak ‘li għamel is-sema u l-art’
1, 2. Ix-xemx kif turi l-qawwa kreattiva taʼ Jehovah?
ĠIELI qgħadt ħdejn xi ħuġġieġa nar f’xi lejla kiesħa? Forsi żammejt idejk ’il bogħod eżatt mill-fjammi biex tieħu pjaċir bis-sħana ħierġa. Jekk kont tersaq qrib iżżejjed, is-sħana kienet issir insapportabbli. Jekk kont tersaq wisq lura, is-sirda tal-lejl kont tħossha ġo l-għadam.
2 Hemm “nar” li jsaħħnilna ġisimna matul il-ġurnata. Dan in-“nar” qed jaqbad mal-150 miljun kilometru ’l bogħod! * X’saħħa bilfors għandha x-xemx biex int jirnexxilek tħoss is-sħana tagħha minn daqshekk bogħod! Madankollu, id-dinja ddur ma’ dan il-forn taʼ l-għaġeb termonukleari filwaqt li żżomm ’il bogħod minnu d-distanza eżatta. Qrib wisq, u l-ilma li hawn fid-dinja jevapora; ’il bogħod wisq, u jiffriża kollu kemm hu. Fiż-żewġ estremi li huma, xejn ma jibqaʼ ħaj fuq il-pjaneta tagħna. Minbarra li hu sabiħ, id-dawl tax-xemx hu essenzjali għall-ħajja fuq l-art, u huwa wkoll nadif u effiċjenti.—Koħèlet 11:7.
Jehovah ‘għamel il-kwiekeb u x-xemx’
3. Liema verità importanti tintwera bis-saħħa tax-xemx?
3 Madankollu, il-biċċa l-kbira min-nies ma japprezzawhiex biżżejjed ix-xemx, avolja ħajjithom tiddependi minnha. B’hekk, huma jonqsu li jaraw dak li x-xemx tistaʼ tgħallimna. Il-Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.” (Salm 74:16) Iva, ix-xemx iġġib unur lil Jehovah, Dak li ‘għamel is-sema u l-art.’ (Salm 19:2 [19:1, NW]; 146:6) Hija biss waħda mill-ħafna pjaneti bla għadd fl-univers li jgħallmuna dwar il-qawwa kreattiva immensa taʼ Jehovah. Ejja neżaminaw iktar mill-qrib xi ftit minnhom u mbagħad indawru l-attenzjoni tagħna lejn l-art u l-ħajja li tiffjorixxi fuqha.
“Erfgħu Għajnejkom ’il Fuq u Araw”
4, 5. Kemm hija qawwija u kbira x-xemx, iżda din kif titqabbel ma’ kwiekeb oħra?
4 Bħalma forsi taf, ix-xemx tagħna hija kewkba. Tidher akbar mill-kwiekeb li naraw bil-lejl għax, meta tqabbilha magħhom, hi tinsab qrib mhux ħażin. Kemm hi qawwija? Fil-qalba tax-xemx, is-sħana hi qawwija madwar 15,000,000 grad Celsius. Li kieku tistaʼ taqbad nitfa daqs ras taʼ labra mill-qalba tax-xemx u tpoġġiha hawn fuq l-art, ma kontx tkun tistaʼ toqgħod inqas minn 140 kilometru ’l bogħod minn dik in-naqra sors taʼ sħana mingħajr ma tweġġa’! Kull sekonda, ix-xemx tarmi enerġija qawwija daqs l-isplużjoni taʼ ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ bombi nukleari.
5 Ix-xemx tant hi kbira li ġo fiha jidħlu iktar minn 1,300,000 pjaneta daqs id-dinja tagħna. Hija x-xemx xi kewkba akbar mis-soltu? Le, l-astronomi jsejħulha nanu isfar. L-appostlu Pawlu kiteb li “kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra.” (1 Korintin 15:41) Lanqas kien jaf kemm kien minnu dan il-kliem ispirat! Hemm kewkba tant kbira illi kieku din kellha titpoġġa eżatt fejn tinsab ix-xemx, id-dinja tagħna tiġi ġewwa fiha. Jekk issir l-istess ħaġa b’kewkba ġganteska oħra, din tasal sa Saturnu—għalkemm Saturnu tant tinsab ’il bogħod mill-art li rokit dam erba’ snin biex wasal hemm, avolja vvjaġġa 40 darba iktar jgħaġġel minn balla sparata b’pistola qawwija!
6. Il-Bibbja kif turi li l-għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens mill-ħarsa tal-bniedem?
6 Xi ħaġa iktar taʼ l-għaġeb mid-daqs tal-kwiekeb hija l-għadd tagħhom. Fil-fatt, il-Bibbja tissuġġerixxi li l-kwiekeb huma kważi bla għadd, u diffiċli tgħoddhom daqs “ir-ramel tal-baħar.” (Ġeremija 33:22) Din l-istqarrija timplika li hemm bil-wisq iktar kwiekeb milli wieħed jistaʼ jara b’għajnejh biss. Wara kollox, li kieku kittieb tal-Bibbja, bħal Ġeremija, kellu dakinhar iħares lejn is-sema bil-lejl u jipprova jgħodd il-kwiekeb li jidhru, hu kien jirnexxilu jgħodd biss xi tlett elef, għax daqshekk tistaʼ tara l-għajn umana waħedha waqt lejl bnazzi. Dan in-numru jistaʼ jitqabbel ma’ l-għadd taʼ frak tar-ramel f’sempliċi ponn ramel. Madankollu, fir-realtà l-għadd taʼ kwiekeb huwa bil-wisq akbar, bħar-ramel tal-baħar. * Min jistaʼ jgħoddu numru bħal dan?
7. (a) Kemm fiha kwiekeb bejn wieħed u ieħor il-galassja tagħna t-Triq tal-Ħalib, u kemm hu kbir dan in-numru? (b) Għala huwa sinifikanti li l-astronomi jsibuha diffiċli biex jgħoddu l-galassji, u dan x’jgħallimna dwar il-qawwa kreattiva taʼ Jehovah?
7 Isaija 40:26 iwieġeb: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed.” Salm 147:4 jgħid: “Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb.” X’inhu “n-numru tal-kwiekeb”? Din m’hijiex mistoqsija sempliċi. L-astronomi jikkalkulaw li biss biss fil-galassja tagħna t-Triq tal-Ħalib hemm iktar minn 100 biljun kewkba. * Imma l-galassja tagħna hija sempliċement waħda minn ħafna galassji, u ħafna minn dawn huma miżgħudin b’saħansitra iktar kwiekeb. Kemm hemm galassji? Xi astronomi jikkalkulaw li hemm 50 biljun waħda. Oħrajn jgħidu li jistaʼ jkun hemm mal-125 biljun waħda. Mela l-bniedem lanqas hu kapaċi jiddetermina l-għadd taʼ galassji, aħseb u ara n-numru eżatt tal-biljuni kollha taʼ kwiekeb li hemm ġo fihom. Madankollu, Jehovah jafu dan in-numru. Iktar minn hekk, hu jagħti lil kull kewkba isem għaliha!
8. (a) Kif tispjegah int id-daqs tal-galassja t-Triq tal-Ħalib? (b) Jehovah b’liema mod jirranġa f’ordni ċ-ċaqliq tal-pjaneti ċelestjali?
8 L-istagħġib u r-riverenza tagħna jistgħu biss jiżdiedu meta nqisu d-daqs tal-galassji. Ġie kalkulat li l-galassja t-Triq tal-Ħalib hija twila 100,000 sena tad-dawl minn tarf sa tarf. Ġib quddiem għajnejk raġġ taʼ dawl li jivvjaġġa b’veloċità tremenda taʼ 300,000 kilometru fis-sekonda. Dak ir-raġġ taʼ dawl idum 100,000 sena biex jaqsam il-galassja tagħna! U xi galassji huma ħafna drabi akbar minn tagħna. Il-Bibbja tgħid li Jehovah qed ‘jifrex’ dawn is-smewwiet vasti bħallikieku kienu xi pezza drapp. (Salm 104:2) Hu wkoll jirranġa f’ordni ċ-ċaqliq taʼ dan il-ħolqien. Mill-iċken għabra taʼ materjal li tinsab ħdejn il-kwiekeb sa l-akbar galassja li hemm, kollox jiċċaqlaq skond il-liġijiet fiżiċi li Alla għamel u beda jħaddem. (Ġob 38:31-33) B’hekk, ix-xjenzati qabblu ċ-ċaqliq preċiż tal-pjaneti ċelestjali maż-żfin elaborat tal-balè. Aħseb, allura, fuq Dak li ħalaq dawn l-affarijiet. Ma tħossokx mimli riverenza profonda lejn l-Alla li għandu din il-qawwa kreattiva immensa?
“Bil-Ħila Tiegħu Għamel l-Art”
9, 10. Il-qawwa taʼ Jehovah kif inhi evidenti f’konnessjoni mal-pożizzjoni tas-sistema solari tagħna, Ġove, id-dinja, u l-qamar?
9 Il-qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti fid-dar tagħna, il-pjaneta art. Hu qagħad attent ferm fejn ipoġġi d-dinja f’dan l-univers enormi. Xi xjenzati jemmnu li ħafna galassji x’aktarx li m’humiex addattati biex ikun hemm il-ħajja fuqhom bħalma hi addattata l-pjaneta tagħna. Mid-dehra, parti kbira mill-galassja tagħna t-Triq tal-Ħalib ma ġietx disinjata biex ikun hemm il-ħajja fiha. Iċ-ċentru galattiku hu miżgħud bil-kwiekeb. Ir-radjazzjoni hija għolja ħafna, u hija ħaġa komuni li xi kwiekeb kważi jkunu se jaħbtu ma’ xulxin. Fit-trufijiet tal-galassja, ħafna mill-elementi bżonnjużi għall-ħajja ma jeżistux. Is-sistema solari tagħna tinsab b’mod ideali bejn dawn iż-żewġ estremi.
10 Id-dinja tibbenefika minn protettriċi li tinsab ’il bogħod imma li hija ġganteska—il-pjaneta Ġove. Ġove hija akbar mid-dinja iktar minn elf darba, u għandha ġibda tal-gravità tremenda. X’inhu r-riżultat? Din tiġbed lejha jew tbiddel id-direzzjoni t’oġġetti li jiġġerrew fl-ispazju. Ix-xjenzati jikkalkulaw illi kieku ma kienx għal Ġove, ix-xita taʼ materjal kbir li jolqot lid-dinja kienet tkun 10,000 darba iktar qawwija milli hi fil-preżent. Iktar qribna, id-dinja tagħna tibbenefika minn satellita mhux tas-soltu—il-qamar. Minbarra li hu sabiħ u jipprovdi d-dawl bil-lejl, il-qamar iżomm id-dinja kemxejn imxaqilba b’mod kontinwu u stabbli. Permezz taʼ din ix-xaqliba, l-art tistaʼ tgawdi minn staġuni stabbli u ċerti—benefiċċju importanti ieħor għall-ħajja fuq l-art.
11. L-atmosfera taʼ l-art kif ġiet disinjata biex isservi bħala għata protettiva?
11 Il-qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti f’kull aspett taʼ kif inhi magħmula d-dinja. Ħu l-atmosfera, li sservi bħala għata protettiva. Ix-xemx tarmi raġġi tajbin għas-saħħa u oħrajn qattiela. Meta r-raġġi qerridin jaħbtu mas-saff taʼ barra taʼ l-atmosfera tad-dinja, dawn jikkaġunaw ossiġnu normali biex jinbidel f’ożonu. Imbagħad, dan is-saff t’ożonu li jiġi fformat jassorbi l-biċċa l-kbira minn dawn ir-raġġi. Fil-fatt, il-pjaneta tagħna ġiet disinjata bl-umbrella protettiva tagħha stess!
12. Iċ-ċiklu atmosferiku taʼ l-ilma kif juri x’qawwa kreattiva għandu Jehovah?
12 Dan huwa biss aspett wieħed taʼ l-atmosfera tagħna, taħlita kumplessa taʼ gassijiet li huma addattati b’mod ideali sabiex jgħixu l-ħlejjaq fuq wiċċ l-art jew ftit ’il bogħod minnu. Fost l-għeġubijiet f’din l-atmosfera hemm iċ-ċiklu taʼ l-ilma. Kull sena, permezz taʼ l-evaporazzjoni, ix-xemx ittellaʼ biżżejjed ilma mill-oċeani u l-ibħra taʼ l-art sabiex timla tank wiesa’, għoli, u fond iktar minn 70 kilometru. L-ilma jifforma s-sħab, li jitferrex ma’ kullimkien permezz taʼ rjieħ atmosferiċi. Dan l-ilma li jkun għadu kif ġie filtrat u purifikat, jinżel bħala xita, borra, u silġ, u jerġaʼ jimla l-provvisti taʼ l-ilma. Huwa sewwa sew bħalma jgħid Koħèlet 1:7: “Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.” Jehovah biss setaʼ joħloq ċiklu bħal dan.
13. Liema evidenza tal-qawwa tal-Ħallieq naraw fil-ħxejjex taʼ l-art u fil-ħamrija?
13 Kulfejn naraw il-ħajja, naraw evidenza tal-qawwa tal-Ħallieq. Mis-siġar enormi tas-seqoja li jikbru iktar minn 30 sular sal-pjanti mikroskopiċi li huma miżgħudin bihom l-oċeani u li jipprovdu ħafna mill-ossiġnu li nieħdu aħna, il-qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti. Il-ħamrija nfisha hija ppakkjata b’affarijiet ħajjin—dud, fungi, u organiżmi żgħar ħafna, ilkoll jaħdmu flimkien b’modi komplikati sabiex jgħinu l-pjanti jikbru. B’mod xieraq, il-Bibbja titkellem dwar il-ħamrija bħala li għandha l-qawwa.—Ġenesi 4:12, KŻ.
14. X’qawwa moħbija teżisti saħansitra fl-atomu ċkejken?
14 Mingħajr ebda dubju, Jehovah “bil-ħila tiegħu għamel l-art.” (Ġeremija 10:12) Il-qawwa t’Alla hija evidenti anki fl-iktar affarijiet żgħar li ħalaq. Per eżempju, miljun atomu mpoġġijin wieħed ħdejn l-ieħor ma jiġux eħxen minn xagħra taʼ bniedem. U anki jekk atomu kellu jitkabbar sakemm ikun għoli daqs binja t’14-il sular, in-nukleu tiegħu jkun sempliċement daqs farka melħ waħda fis-seba’ sular. Madankollu, dak in-nukleu daqs naqra huwa s-sors tal-qawwa immensa u tal-biżaʼ li toħroġ fi splużjoni nukleari!
“Kull ma Jieħu Nifs”
15. Billi tkellem dwar diversi annimali salvaġġi, Jehovah liema lezzjoni ta lil Ġob?
15 Prova ċara oħra tal-qawwa kreattiva taʼ Jehovah tinsab fl-abbundanza t’annimali li jgħixu fuq l-art. Salm 148 isemmi ħafna mill-affarijiet li jfaħħru lil Jehovah, u vers 10 jinkludi lill-“bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha.” Biex juri għala l-bniedem għandu jkollu riverenza profonda lejn il-Ħallieq, Jehovah darba kellem lil Ġob dwar annimali bħall-iljun, il-ħmar salvaġġ, il-gendus salvaġġ, l-ippopotamu, u l-kukkudrill. X’punt ried joħroġ? Li jekk il-bniedem jistagħġeb u jibżaʼ minn dawn il-ħlejjaq b’saħħithom, li jbeżżgħu, u li ma jistgħux jiġu mmansati, mela kif għandu jħossu dwar il-Ħallieq tagħhom?—Ġob, kapitli 38-41.
16. X’jimpressjonak dwar xi wħud mill-għasafar li ħalaq Jehovah?
16 Salm 148:10 jsemmi wkoll “l-għasafar li jtiru.” Aħseb ftit kemm hemm varjetajiet! Jehovah kellem lil Ġob dwar in-nagħma, li “tisfida liż-żiemel u r-rikkieb.” Tabilħaqq, huwa minnu li dan l-għasfur twil żewġ metri u nofs ma jtirx, imma jistaʼ jiġri 65 kilometru fis-siegħa, u f’pass wieħed jistaʼ jagħmel erba’ metri u nofs! (Ġob 39:13, 18) Mill-banda l-oħra, l-albatru jqattaʼ l-parti kbira minn ħajtu jittajjar fuq l-ibħra. Il-wisa’ taʼ ġwinħajh minn naħa s’oħra hija taʼ xi 3 metri u dan l-għasfur għandu l-abbiltà naturali li jittajjar ħelu ħelu mal-kurrenti t’arja sħuna. Kapaċi jżomm fl-ajru għal sigħat sħaħ mingħajr ma jħabbat ġwinħajh. B’kuntrast ma’ dan, hemm il-bee hummingbird b’tul taʼ ħames ċentimetri biss, l-iżgħar għasfur fid-dinja. Jistaʼ jħabbat ġwinħajh sa 80 darba fis-sekonda! Il-hummingbird, ileqq donnu xi ġojjell bil-ġwienaħ, jistaʼ jibqaʼ mdendel fl-ajru bħall-ħelikopters u saħansitra jtir b’lura.
17. Kemm hija kbira l-baliena l-kaħla, u għal liema konklużjoni ovvja għandna naslu wara li nqisu l-annimali li ħalaq Jehovah?
17 Salm 148:7 jgħid li anki l-“mostri tal-baħar” ifaħħru lil Jehovah. Ikkunsidra dak li ħafna jemmnu li hu l-akbar annimal li qatt għex fuq din il-pjaneta, il-baliena l-kaħla. Dan il-“mostru” li jgħix fil-fond jistaʼ jikber sa 30 metru jew iktar. Jistaʼ jiżen daqs 30 iljunfant adult. Biss biss, ilsien il-baliena jiżen daqs iljunfant wieħed. Għandha qalbha daqs karozza żgħira. Dan l-organu enormi jħabbat 9 darbiet biss fil-minuta—b’kuntrast ma’ qalb il-hummingbird, li tistaʼ tħabbat ma’ l-1,200 darba fil-minuta. Il-baliena l-kaħla għandha mill-inqas waħda mill-vini tad-demm tant kbira li tifel żgħir jistaʼ jidħol jitkaxkar ġo fiha. Żgur li qlubna jqanqluna biex nirrepetu dak li nsibu li hemm f’għeluq il-ktieb tas-Salmi: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!”—Salm 150:6.
Nitgħallmu mill-Qawwa Kreattiva taʼ Jehovah
18, 19. Kemm huma varjati l-affarijiet ħajjin li Jehovah għamel fuq din l-art, u l-ħolqien x’jgħallimna dwar is-sovranità tiegħu?
18 X’nitgħallmu minn kif Jehovah juża l-qawwa kreattiva tiegħu? Aħna nibqgħu mistagħġbin bil-varjetà li hemm fil-ħolqien. Wieħed mis-salmisti esklama: “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! . . . Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.” (Salm 104:24) Kemm huwa veru dan! Il-bijoloġi identifikaw ħafna iktar minn miljun speċi t’affarijiet ħajjin fuq l-art; madankollu, l-opinjonijiet ivarjaw u oħrajn jaħsbu li jistaʼ jkun hemm 10 miljuni, 30 miljun, jew iktar. Artist uman għandu mnejn isib li xi kultant ma jibqagħlux kreattività. B’kuntrast, huwa ovvju li l-kreattività taʼ Jehovah—il-qawwa li jivvinta u joħloq affarijiet ġodda u differenti—ma tispiċċa qatt.
19 Il-mod kif Jehovah juża l-qawwa kreattiva tiegħu jgħallimna dwar is-sovranità tiegħu. L-istess kelma “Ħallieq” tifred lil Jehovah minn kwalunkwe ħaġa oħra fl-univers, li huwa kollu “ħolqien.” Anki l-Iben uniġenitu taʼ Jehovah, li qeda bħala “ħaddiem tas-sengħa” matul il-ħolqien, fil-Bibbja qatt ma jissejjaħ Ħallieq. (Proverbji 8:30, NW; Mattew 19:4) Minflok, hu jissejjaħ “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Il-pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-Ħallieq tagħtih id-dritt fih innifsu li jeżerċita qawwa sovrana totali fuq l-univers kollu.—Rumani 1:20; Apokalissi 4:11.
20. Jehovah f’liema sens waqaf minn mindu lesta l-ħolqien tiegħu fuq l-art?
20 Waqaf Jehovah jeżerċita l-qawwa kreattiva tiegħu? Sewwa, il-Bibbja tgħid li meta Jehovah lesta mix-xogħol kreattiv tiegħu fis-sitt jum taʼ ħolqien, hu “waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.” (Ġenesi 2:2) L-appostlu Pawlu indika li dan is-seba’ “jum” huwa twil eluf taʼ snin, għax kien għadu għaddej fi żmienu. (Lhud 4:3-6) Iżda l-fatt li “waqaf” ifisser illi Jehovah waqaf jaħdem għalkollox? Le, Jehovah qatt ma jieqaf jaħdem. (Salm 92:5 [92:4, NW]; Ġwanni 5:17) Mela dan il-waqfien, jew mistrieħ, bilfors li jirreferi sempliċement għall-waqfien tiegħu mix-xogħol taʼ ħolqien fiżiku inkwantu għall-art. Madankollu, ix-xogħol li jwettaq l-iskopijiet tiegħu baqaʼ għaddej bla waqfien. Dan ix-xogħol inkluda l-ispirazzjoni taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Xogħlu saħansitra involva li jipproduċi “ħolqien ġdid,” li se jiġi diskuss f’Kapitlu 19.—2 Korintin 5:17.
21. Il-qawwa kreattiva taʼ Jehovah kif se teffettwa lill-bnedmin leali għall-eternità?
21 Meta finalment jum il-mistrieħ taʼ Jehovah jasal fi tmiemu, hu jkun jistaʼ jgħid dwar ix-xogħol kollu li jkun għamel fuq l-art bħala li hu “tajjeb ħafna,” l-istess bħalma kien għamel meta ntemmu s-sitt ijiem taʼ ħolqien. (Ġenesi 1:31) Għad irridu naraw kif hu se jagħżel li jeżerċita l-qawwa kreattiva bla limitu tiegħu wara li jiġri dan kollu. Jiġri x’jiġri, nistgħu nibqgħu ċerti li se nkomplu naffaxxinaw ruħna bil-mod kif Jehovah juża l-qawwa kreattiva. Matul l-eternità kollha, se nitgħallmu iktar dwar Jehovah permezz tal-ħolqien tiegħu. (Koħèlet 3:11) Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se ssir profonda r-riverenza tagħna lejh—u iktar se nersqu qrib lejn il-Ħallieq Grandjuż tagħna.
^ par. 2 Biex tieħu idea taʼ dan in-numru ġgantesk, aħseb dwar dan: Li kieku kellek tagħmel dik id-distanza bil-karozza—anki jekk tkun għaddej b’160 kilometru fis-siegħa, 24 siegħa kuljum—iddum iktar minn mitt sena biex tasal!
^ par. 6 Xi wħud jaħsbu li n-nies tal-qedem fi żminijiet Bibliċi bilfors li użaw xi għamla primittiva taʼ teleskopju. Huma jirraġunaw li jekk ma kienx hekk, kif setgħu n-nies taʼ dakinhar ikunu jafu li mill-ħarsa tal-bniedem l-għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens u ma jistax jingħadd? Spekulazzjoni bla bażi bħal din tħalli barra lil Jehovah, l-Awtur tal-Bibbja.—2 Timotju 3:16.
^ par. 7 Ikkunsidra kemm jiħodlok żmien li kellek biss tgħodd 100 biljun kewkba. Li kieku tkun kapaċi tgħodd waħda ġdida kull sekonda—u tibqaʼ sejjer hekk 24 siegħa kuljum—iddum tgħodd 3,171 sena!