Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 8

Il-qawwa li jġedded—Ġeħova qed ‘iġedded kollox’

Il-qawwa li jġedded—Ġeħova qed ‘iġedded kollox’

1, 2. Il-​familja umana llum x’telfiet iġġarrab, u dawn kif jeffettwawna?

 NAQRA taʼ tifel jitlef jew ikisser ġugarell għal qalbu u jinfaqaʼ jibki. Jaqsamlek qalbek tisimgħu jibki! Madankollu, ġieli rajt kif wiċċ tifel jixgħel bil-​ferħ malli l-​ġenitur tiegħu jsiblu dak li jkun intilef? Forsi ma tkunx xi ħaġa kbira għall-​ġenitur li jsib il-​ġugarell jew saħansitra jsewwih. Imma t-​tifel jibqaʼ mistagħġeb u jifraħ ħafna. Dak li kien jidher mitluf għal dejjem iġġedded!

2 Jehovah, l-​aqwa Ġenitur, għandu l-​qawwa li jġedded dak li wliedu taʼ l-​art għandhom mnejn iqisuh bħala mitluf u li m’hemmx iktar tama għalih. M’għandniex xi ngħidu, hawnhekk m’aħniex nitkellmu fuq sempliċi ġugarelli. F’dan iż-​“żmien iebes” ikollna nitilfu affarijiet li huma ħafna iktar serji minn hekk. (2 Timotju 3:1-​5) Ħafna mill-​affarijiet li n-​nies jgħożżu jidhru li jinsabu f’riskju kbir—id-​dar, dak li jippossiedu, l-​impjieg, saħansitra s-​saħħa. Forsi jiddispjaċina wkoll meta naraw l-​ambjent jinqered u minħabba f’hekk, ħafna speċi taʼ ħlejjaq ħajjin jgħibu bl-​estinzjoni. Madankollu, xejn ma jolqotna bl-​ikrah daqskemm tolqotna l-​mewt taʼ xi ħadd li nħobbu. Is-​sentimenti taʼ telfa u n-​nuqqas taʼ kontroll fuq dak li jiġri jistgħu jkunu kbar wisq biex nifilħu għalihom.—2 Samwel 19:1 (18:33, NW).

3. Liema prospett taʼ faraġ jissemma f’​Atti 3:21, u Jehovah x’se juża biex iwettqu?

3 Kemm huwa taʼ faraġ, mela, li nitgħallmu dwar il-​qawwa taʼ Jehovah li jġedded! Bħalma se naraw, hemm ħafna affarijiet li Alla jistaʼ jġedded u se jġedded għal uliedu fuq l-​art. Fil-​fatt, il-​Bibbja turi li Jehovah għandu f’moħħu “t-​tiġdid kollu.” (Atti 3:21) Biex iwettaq dan, Jehovah se juża s-​Saltna Messjanika, immexxija minn Ibnu, Ġesù Kristu. L-​evidenza turi li din is-​Saltna bdiet taħkem fis-​sema fl-​1914. * (Mattew 24:3-​14) X’se jiġġedded? Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-​atti grandjużi taʼ tiġdid li għamel Jehovah. Wieħed minnhom diġà qed narawh u nesperjenzawh. Oħrajn se jseħħu fuq skala kbira fil-​futur.

It-​Tiġdid tal-​Qima Pura

4, 5. Xi ġralhom in-​nies t’Alla fis-​sena 607 Q.E.K., u Jehovah liema tama offrielhom?

4 Xi ħaġa li Jehovah diġà ġedded hija l-​qima pura. Sabiex nifhmu dan xi jfisser, ejja neżaminaw fil-​qosor l-​istorja tas-​saltna taʼ Ġuda. Billi nagħmlu dan se nitgħallmu b’mod eċċitanti kif Jehovah uża l-​qawwa tiegħu li jġedded.—Rumani 15:4.

5 Immaġina ftit kif ħassewhom il-​Lhud leali fis-​sena 607 Q.E.K. meta nqerdet Ġerusalemm. Il-​belt għażiża tagħhom kienet imħarbta, bis-​swar imġarrfin. Jerġaʼ agħar minn hekk, it-​tempju glorjuż li Salamun kien bena, l-​uniku ċentru fid-​dinja kollha għall-​qima pura lil Jehovah, tħalla ħerba. (Salm 79:1) In-​nies li baqgħu ħajjin ittieħdu fl-​eżilju lejn Babilonja, u l-​pajjiż li ħallew warajhom sar xagħri għall-​annimali salvaġġi. (Ġeremija 9:10 [9:11, NW]) Mill-​aspett tal-​bniedem, kollox kien jidher mitluf. (Salm 137:1) Imma Jehovah, li żmien twil qabel kien bassar din il-​qerda, ipprovda tama li kellu jiġi żmien taʼ tiġdid.

6-8. (a) Liema tema ssemmiet ħafna drabi fil-​kitba tal-​profeti Ebrej, u dawn il-​profeziji kif kellhom l-​ewwel twettiq? (b) Fiż-​żminijiet moderni, in-​nies t’Alla kif esperjenzaw twettiq taʼ ħafna profeziji taʼ tiġdid?

6 Fil-​fatt, it-​tema tat-​tiġdid issemmiet ħafna drabi fil-​kitba tal-​profeti Ebrej. * Permezz tagħhom, Jehovah wiegħed art imġedda u mimlija għal darb’oħra bin-​nies, fertili, protetta mill-​bhejjem salvaġġi u mill-​attakki taʼ l-​għadu. Hu ddeskriva l-​art imġedda tagħhom bħala ġenna taʼ l-​art taʼ veru! (Isaija 65:25; Eżekjel 34:25; 36:35) Fuq kollox, il-​qima pura kellha titwaqqaf mill-​ġdid, u t-​tempju kien se jerġaʼ jinbena. (Mikea 4:1-​5) Dawn il-​profeziji nisslu tama għal-​Lhud eżiljati, u għenuhom jissaportu l-​jasar taʼ 70 sena li qattgħu f’Babilonja.

7 Sa fl-​aħħar, wasal iż-​żmien taʼ tiġdid. Meħlusin minn Babilonja, il-​Lhud irritornaw Ġerusalemm u hemmhekk reġgħu bnew it-​tempju taʼ Jehovah. (Esdra 1:1, 2) Sakemm baqgħu jżommu mal-​qima pura, Jehovah berikhom u għamel li arthom tkun għammiela u mimlija ġid. Ipproteġiehom mill-​għedewwa u mill-​bhejjem salvaġġi li kienu ilhom is-​snin jgħixu f’pajjiżhom. Min jaf kemm ferħu bil-​qawwa taʼ Jehovah li jġedded! Imma dawk il-​ġrajjiet irrappreżentaw biss twettiq primarju u limitat tal-​profeziji taʼ tiġdid. Twettiq akbar kellu jiġi “fl-​aħħar jiem,” żmienna stess, meta kellu jitqiegħed fuq it-​tron il-​Werriet tas-​Sultan David imwiegħed minn ħafna żmien qabel.—Isaija 2:2-​4; 9:5, 6 (9:6, 7, NW).

8 Ftit wara li Ġesù ħa t-​tron tas-​Saltna tas-​sema fl-​1914, hu ħa ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tal-​poplu leali t’Alla fuq l-​art. Sewwa sew bħalma l-​konkwistatur Persjan Ċiru ħeles lil fdal taʼ Lhud minn Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K., Ġesù ħeles lil fdal taʼ Lhud spiritwali—is-​segwaċi li mxew fuq il-​passi tiegħu—mill-​influwenza taʼ Babilonja taʼ żmienna, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Rumani 2:29; Apokalissi 18:1-​5) Mill-​1919 ’il quddiem, il-​qima pura ngħatat mill-​ġdid il-​post li jixirqilha fil-​ħajjiet taʼ Kristjani ġenwini. (Malakija 3:1-​5) Minn dakinhar ’l hawn, in-​nies taʼ Jehovah qimuh fit-​tempju spiritwali mnaddaf tiegħu—l-​arranġament t’Alla għall-​qima pura. Dan għala huwa importanti għalina llum?

Tiġdid Spiritwali—Għala Importanti

9. Wara li għadda żmien l-​appostli, il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu x’għamlulha l-​qima t’Alla, imma Jehovah x’għamel fi żmienna?

9 Ikkunsidra l-​ħarsa storika. Il-​Kristjani lura fl-​ewwel seklu gawdew ħafna barkiet spiritwali. Imma Ġesù u l-​appostli bassru li l-​qima vera kellha titħassar u tispiċċa. (Mattew 13:24-​30; Atti 20:29, 30) Wara żmien l-​appostli qam il-​Kristjaneżmu. Il-​kleru tiegħu adotta tagħlim u prattiċi pagani. Ukoll, dan għamilha tidher li huwa kważi impossibbli li tavviċina lil Alla, billi pinġieh bħala Trinità li ħadd ma jistaʼ jifhimha u għallem lin-​nies biex iqerru għand il-​qassisin u jitolbu lil Marija u lil diversi “qaddisin” flok lil Jehovah. Issa, wara ħafna sekli taʼ korruzzjoni bħal din, Jehovah x’għamel? F’nofs id-​dinja taʼ llum—dinja fgata bil-​gideb reliġjuż u mniġġsa bi prattiċi li ma jogħġbux lil Alla—hu ndaħal u ġedded il-​qima pura! Mingħajr ma nkunu qed nesaġeraw, nistgħu ngħidu li dan it-​tiġdid huwa wieħed mill-​iktar żviluppi importanti fi żmienna.

10, 11. (a) Liema żewġ aspetti tinvolvi l-​ġenna spiritwali, u dan kif jeffettwak? (b) Jehovah liema tip taʼ nies ġabar fil-​ġenna spiritwali, u x’se jkollhom il-​privileġġ li jaraw?

10 Għaldaqstant, illum il-​Kristjani veri jgawdu ġenna spiritwali. X’tinvolvi din il-​ġenna? Primarjament, hemm żewġ aspetti. L-​ewwel wieħed huwa l-​qima pura taʼ l-​Alla veru, Jehovah. Hu berikna b’mod taʼ qima ħieles mill-​gideb u t-​tagħwiġ. Berikna b’ikel spiritwali. Dan jgħinna biex nitgħallmu dwar Missierna tas-​sema, biex nogħġbuh, u biex nersqu qrib lejh. (Ġwanni 4:24) It-​tieni aspett tal-​ġenna spiritwali jinvolvi lin-​nies. Bħalma bassar Isaija, “fl-​aħħar jiem,” Jehovah għallem lill-​aduraturi tiegħu t-​triqat tal-​paċi. Neħħa l-​gwerra minn fostna. Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħna, hu jgħinna nilbsu “l-​bniedem il-​ġdid.” Hu jbierek l-​isforzi tagħna billi jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu, li jipproduċi fina frott sabiħ. (Efesin 4:22-​24; Galatin 5:22, 23) Meta taħdem fi qbil ma’ l-​ispirtu t’Alla, tkun verament parti mill-​ġenna spiritwali.

11 Jehovah ġabar f’din il-​ġenna spiritwali lil dawk it-​tip taʼ nies li hu jħobb—nies li jħobbuh, li jħobbu l-​paċi, u li huma “konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Dawn se jkunu n-​nies li se jkollhom il-​privileġġ li jaraw b’għajnejhom tiġdid bil-​wisq iktar spettakolari—dak taʼ l-​umanità u taʼ l-​art kollha.

“Ara, Se Nġedded Kollox”

12, 13. (a) Il-​profeziji taʼ tiġdid għala bilfors li jrid ikollhom twettiq ieħor? (b) X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah għall-​art skond kif intwera fl-​Għeden, u dan għala jagħtina tama għall-​futur?

12 Ħafna mill-​profeziji taʼ tiġdid jidhru li jirreferu għal iktar minn sempliċi tiġdid spiritwali. Per eżempju, Isaija kiteb dwar żmien meta l-​morda, iz-​zopop, l-​għomja, u t-​torox se jitfejqu u anki l-​mewt infisha se tinqered għal dejjem. (Isaija 25:8; 35:1-​7) Profeziji bħal dawn ma twettqux b’mod letterali f’Iżrael tal-​qedem. U għalkemm fi żmienna rajna twettiq spiritwali taʼ dawn il-​wegħdi, hemm kull raġuni għalxiex nemmnu li fil-​futur se jkun hemm twettiq letterali u komplet. Dan kif nafuh?

13 Lura fl-​Għeden, Jehovah wera ċar x’kien l-​iskop tiegħu għall-​art: Din kellha tkun abitata minn familja taʼ bnedmin ferħanin, f’saħħithom, u magħqudin. Ir-​raġel u l-​mara kellhom jieħdu ħsieb l-​art u l-​ħlejjaq kollha tagħha, u jibdlu l-​pjaneta kollha f’ġenna. (Ġenesi 1:28) Dan huwa differenti għall-​aħħar minn kif qegħdin l-​affarijiet fil-​preżent. Ibqaʼ ċert, iżda, li l-​iskopijiet taʼ Jehovah qatt ma jfallu. (Isaija 55:10, 11) Ġesù, bħala s-​Sultan Messjaniku maħtur minn Jehovah, se jġib din il-​Ġenna globali.—Luqa 23:43.

14, 15. (a) Jehovah kif se ‘jġedded kollox’? (b) Il-​ħajja kif se tkun fil-​Ġenna taʼ l-​art, u liema aspett jolqtok l-​iktar?

14 Immaġina li tara l-​art kollha mibdula f’Ġenna! Jehovah jgħid hekk dwar dak iż-​żmien: “Ara, se nġedded kollox.” (Apokalissi 21:5) Aħseb x’se jkun ifisser dan. Meta Jehovah se jkun lesta milli juża l-​qawwa qerridija tiegħu kontra din is-​sistema qadima u mill-​agħar, se jibqaʼ “smewwiet ġodda u art ġdida.” Dan ifisser li gvern ġdid se jaħkem mis-​sema fuq soċjetà dinjija ġdida magħmula minn uħud li jħobbu lil Jehovah u li jagħmlu r-​rieda tiegħu. (2 Pietru 3:13) Satana, flimkien mad-​demonji tiegħu, se jitpoġġew f’qagħda taʼ inattività. (Apokalissi 20:3) Għall-​ewwel darba f’eluf taʼ snin, l-​umanità se tkun ħielsa minn din l-​influwenza korrotta, malizzjuża, u negattiva. M’hemmx dubju li s-​sens taʼ serħan se jkun tassew kbir.

15 Sa fl-​aħħar, se nkunu nistgħu nieħdu ħsieb din il-​pjaneta sabiħa bħalma suppost kellna nagħmlu fil-​bidu. L-​art għandha l-​abbiltà naturali li ġġedded lilha nfisha. L-​għadajjar u x-​xmajjar imniġġsa jistgħu jitnaddfu waħedhom jekk jitneħħa s-​sors tat-​tniġġis; pajsaġġi meqrudin bil-​ġlied jistgħu jieħdu r-​ruħ mill-​ġdid jekk jieqfu l-​gwerer. Xi pjaċir se jkun li naħdmu f’armonija ma’ l-​art, u ngħinuha tinbidel fi ġnien sabiħ, Għeden globali b’varjetà bla qjies! Minflok ma jeqirdu bl-​addoċċ l-​ispeċi differenti t’annimali u pjanti, il-​bnedmin se jgħixu fil-​paċi mal-​ħolqien kollu fuq l-​art. Lanqas it-​tfal m’hu se jkollhom għalfejn jibżgħu mill-​annimali salvaġġi.—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW); 11:1-​9.

16. Fil-​Ġenna taʼ l-​art, liema tiġdid se jeffettwa lil kull individwu leali?

16 Aħna se nesperjenzaw ukoll tiġdid fuq livell persunali. Wara Armageddon, dawk li jibqgħu ħajjin se jaraw fejqan mirakoluż fuq skala globali. L-​istess kif għamel meta kien fuq l-​art, Ġesù se juża l-​qawwa tiegħu mogħtija minn Alla biex jerġaʼ jagħti d-​dawl lill-​għomja, is-​smigħ lit-​torox, u ġisem b’saħħtu liz-​zopop u l-​morda. (Mattew 15:30) In-​nies avanzati fl-​età se jitgħaxxqu jaraw lilhom infushom jimtlew bis-​saħħa u l-​ħeġġa li kellhom f’żgħożithom. (Ġob 33:25) It-​tikmix se jitlaq, l-​idejn u r-​riġlejn magħtubin se jitranġaw, u l-​muskoli se jaħdmu b’qawwa ġdida. Il-​bnedmin leali kollha se jindunaw li l-​effetti tad-​dnub u l-​imperfezzjoni qegħdin bil-​mod il-​mod jonqsu u jgħibu għalkollox. Kemm se nirringrazzjaw lil Alla Jehovah għall-​qawwa taʼ l-​għaġeb tiegħu li jġedded! Issa ejja niffokaw fuq aspett wieħed taʼ dan iż-​żmien eċċitanti taʼ tiġdid li jqawwilna l-​qalb b’mod speċjali.

Il-​Mejtin Jingħataw il-​Ħajja mill-​Ġdid

17, 18. (a) Ġesù għala ċanfar lis-​Sadduċej? (b) Liema ċirkustanzi wasslu lil Elija biex jitlob lil Jehovah iwettaq irxoxt?

17 Fl-​ewwel seklu E.K., xi mexxejja reliġjużi, imsejħin Sadduċej, ma kinux jemmnu fl-​irxoxt. Ġesù ċanfarhom b’dan il-​kliem: “Kemm sejrin żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa taʼ Alla!” (Mattew 22:29) Iva, l-​Iskrittura turi li Jehovah għandu qawwa li jġedded bħal din. Dan kif?

18 Ġib quddiem għajnejk x’ġara fi żmien Elija. Waħda armla kienet qiegħda żżomm fi ħdanha l-​ġisem mitluq taʼ l-​uniku iben li kellha. It-​tifel kien mejjet. Il-​profeta Elija, li għal xi żmien kien għex bħala mistieden fid-​dar taʼ l-​armla, żgur li baqaʼ maħsud. Xi żmien qabel, hu kien għen biex isalva lil dan it-​tifel milli jmut bil-​ġuħ. Forsi Elija kien saħansitra rabat qalbu ma’ dan it-​tfajjel ċkejken. L-​omm kellha qalbha maqsuma. Dan it-​tifel kien l-​unika tifkira ħajja tar-​raġel tagħha li kien miet. Forsi ttamat li binha kien se jieħu ħsiebha meta tixjieħ. Mifxula bin-​niket, l-​armla beżgħet li kienet qed tiġi kastigata għal xi żball li setgħet għamlet fil-​passat. Elija ma felaħx jara din it-​traġedja tkompli tikber minħabba din il-​ħaġa. Hu ħa bil-​ħlewwa l-​ġisem minn ħoġor ommu, tellgħu f’kamartu, u talab lil Alla Jehovah biex iġedded ir-​ruħ, jew il-​ħajja, tat-​tifel.—1 Slaten 17:8-​21.

19, 20. (a) Abraham kif wera li kellu l-​fidi fil-​qawwa taʼ Jehovah li jġedded, u x’bażi kien hemm għal fidi bħal din? (b) Jehovah kif bierek il-​fidi t’Elija?

19 Elija ma kienx l-​ewwel bniedem li emmen fl-​irxoxt. Sekli qabel, Abraham emmen li Jehovah kellu qawwa li jġedded bħal din—u bir-​raġun. Meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90, Jehovah ġedded il-​qawwiet riproduttivi tagħhom li kienu spiċċaw, u b’mod mirakoluż Sara setgħet tiled iben. (Ġenesi 17:17; 21:2, 3) Iktar tard, meta t-​tifel kiber u sar raġel, Jehovah talab lil Abraham biex jissagrifika lil ibnu. Abraham wera l-​fidi, u qies li Jehovah setaʼ jġedded il-​ħajja taʼ l-​għażiż tiegħu Iżakk. (Lhud 11:17-​19) Fidi qawwija bħal din tistaʼ tgħinna nifhmu għala Abraham, qabel ma telaʼ fuq il-​muntanja biex joffri lil ibnu, żgura lill-​qaddejja tiegħu li hu u Iżakk kienu se jirritornaw flimkien.—Ġenesi 22:5.

“Ara, ibnek ħaj”

20 Jehovah ma ħalliex lil Iżakk imut, u għalhekk ma kienx hemm bżonn taʼ rxoxt dakinhar. Madankollu, fil-​każ t’Elija, bin l-​armla kien diġà miet—imma ma kienx se jdum wisq iktar. Jehovah bierek il-​fidi tal-​profeta billi rxoxta lit-​tifel! Imbagħad Elija ta lura t-​tifel lil ommu, b’dan il-​kliem memorabbli: “Ara, ibnek ħaj.”—1 Slaten 17:22-​24.

21, 22. (a) X’kien l-​iskop tar-​rakkonti taʼ rxoxt li nsibu mniżżlin fil-​Bibbja? (b) Fil-​Ġenna taʼ l-​art, kemm se jkun kbir l-​irxoxt, u min se jwettqu?

21 B’hekk, għall-​ewwel darba fir-​rakkonti tal-​Bibbja naraw lil Jehovah juża l-​qawwa tiegħu biex iġedded ħajja umana. Iktar tard, Jehovah ta wkoll il-​qawwa lil Eliżew, Ġesù, Pawlu, u Pietru biex jagħtu l-​ħajja mill-​ġdid lil uħud mejtin. M’għandniex xi ngħidu, dawk li ġew irxoxtati reġgħu mietu eventwalment. Minkejja dan, rakkonti Bibliċi bħal dawn jagħtuna ħarsa taʼ l-​għaġeb taʼ l-​affarijiet li għad iridu jseħħu.

22 Fil-​Ġenna taʼ l-​art, Ġesù se jwettaq l-​irwol tiegħu bħala “l-​qawmien u l-​ħajja.” (Ġwanni 11:25) Se jirxoxta lil miljuni bla għadd taʼ nies, u jagħtihom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. (Ġwanni 5:28, 29) Immaġina meta ħbieb u qraba għeżież li jkunu ilhom żmien twil mifrudin minħabba l-​mewt, jerġgħu jiltaqgħu u jgħannqu lil xulxin, ferħanin se jtiru! L-​umanità kollha se tfaħħar lil Jehovah għall-​qawwa tiegħu li jġedded.

23. Liema kienet l-​akbar turija tal-​qawwa taʼ Jehovah, u din kif tipprovdi garanzija għat-​tama tagħna għall-​futur?

23 Jehovah ipprovda garanzija soda li tamiet bħal dawn żgur se jseħħu. Fl-​akbar turija tal-​qawwa tiegħu, hu rxoxta lil Ibnu, Ġesù, bħala ħliqa spirtu setgħana, u tah it-​tieni post warajh. Ġesù rxoxtat deher lil mijiet taʼ nies li rawh b’għajnejhom stess. (1 Korintin 15:5, 6) Evidenza bħal din għandha tkun biżżejjed anki għal uħud li jiddubitaw. Jehovah għandu l-​qawwa li jġedded il-​ħajja.

24. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jirxoxta lill-​mejtin, u liema tama jalla ngħożżu lkoll kemm aħna?

24 Jehovah mhux biss għandu l-​qawwa li jġedded lill-​mejtin imma għandu wkoll ix-​xewqa li jagħmel dan. Ir-​raġel leali Ġob ġie mnebbaħ biex jgħid li Jehovah fil-​fatt jixxennaq biex iġib lura lill-​mejtin. (Ġob 14:15, Saydon) Ma tħossokx miġbud lejn Alla tagħna, li hu ħerqan biex juża b’tant imħabba l-​qawwa tiegħu li jġedded? Ftakar, iżda, li l-​irxoxt huwa biss aspett wieħed biss mix-​xogħol kbir taʼ tiġdid li se jagħmel Jehovah fil-​futur. Hekk kif tersaq eqreb lejh, kun żgur li dejjem tgħożż it-​tama prezzjuża li int tistaʼ tkun hemm biex tara lil Jehovah ‘iġedded kollox.’—Apokalissi 21:5.

^ par. 3 Iż-​żmien tat-​“tiġdid kollu” beda meta s-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita billi tpoġġa werriet tas-​Sultan leali David fuq it-​tron. Jehovah kien wiegħed lil David li werriet tiegħu kellu jaħkem għal dejjem. (Salm 89:36-​38 [89:35-​37, NW]) Imma wara li Babilonja qerdet lil Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., l-​ebda dixxendent uman taʼ David ma poġġa fuq it-​tron t’Alla. Meta tqiegħed fuq it-​tron fis-​sema, Ġesù, li twieled fuq l-​art bħala werriet taʼ David, sar is-​Sultan imwiegħed minn ħafna żmien qabel.

^ par. 6 Per eżempju, uħud bħal Mosè, Isaija, Ġeremija, Eżekjel, Hosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Mikea, u Sofonija kollha żviluppaw din it-​tema.