Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-5 Taqsima

Kif iżżommu l-paċi maʼ qrabatkom

Kif iżżommu l-paċi maʼ qrabatkom

‘Ilbsu l-qalb tajba, l-umiltà, il-ħlewwa, u s-sabar fit-tul.’—Kolossin 3:12

Iż-żwieġ joħloq familja ġdida. Għalkemm int dejjem se tħobb u tirrispetta lill-ġenituri tiegħek, għalik is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek fiż-żwieġ issa hi l-iktar persuna importanti fid-dinja. Xi wħud mill-qraba tiegħek jistgħu jsibuha diffiċli li jaċċettaw dan. Imma l-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk issib bilanċ, u b’hekk tkun tistaʼ żżomm il-paċi maʼ qrabatek hekk kif taħdem iebes biex issaħħaħ il-familja ġdida tiegħek.

1 ŻOMM ĦARSA XIERQA LEJN QRABATEK

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Onora lil missierek u lil ommok.” (Efesin 6:2) Għandek kemm għandek żmien, dejjem hemm bżonn li tonora u tirrispetta lill-ġenituri tiegħek. Imma għaraf li anki r-raġel jew il-mara tiegħek għandha tagħti attenzjoni lill-ġenituri tagħha. “L-imħabba ma tgħirx,” u għalhekk qatt m’għandek tibżaʼ mir-relazzjoni li l-persuna l-oħra fiż-żwieġ għandha mal-ġenituri tagħha.—1 Korintin 13:4; Galatin 5:26.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Tgħidx affarijiet bħal “Familtek dejjem imaqdruni” jew “Ommok qatt ma jogħġobha dak li nagħmel jien”

  • Ipprova ara l-affarijiet mill-ħarsa tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek

2 KUN SOD META JKUN HEMM BŻONN

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Meta tiżżewweġ, għandu mnejn li l-ġenituri tiegħek iħossu li għadhom responsabbli għalik, u forsi jkunu jridu jkunu involuti fiż-żwieġ tiegħek iktar milli jmisshom.

Jiddependi minnek u mir-raġel jew il-mara tiegħek li taqblu kemm se jkunu involuti fiż-żwieġ tagħkom u mbagħad għidulhom bi mħabba. Tistaʼ tkun onest u ċar, imma xorta turi rispett. (Proverbji 15:1) L-umiltà, il-ħlewwa, u l-paċenzja se jgħinuk biex tiżviluppa relazzjoni tajba maʼ qrabatek u biex tkomplu “tissaportu lil xulxin bl-imħabba.”—Efesin 4:2.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Jekk int ikkonċernat dwar kemm il-qraba huma involuti f’ħajjitkom, iddiskuti dan mar-raġel jew il-mara tiegħek meta t-tnejn tkunu kalmi

  • Aqblu bejnietkom dwar kif se tieħdu ħsieb dawn il-kwistjonijiet