Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Lill-Għeżież Ħutna:
L-ewwel ħarġa tal-edizzjoni pubblika tal-1 taʼ Jannar, 2008, tat-Torri tal-Għassa, introduċietna maʼ serje t’artikli ġdida u affaxxinanti bit-titlu “Imita l-Fidi Tagħhom.” Minn hemm ’il quddiem kienet l-għaxqa tagħna li minn żmien għal żmien naraw pubblikati artikli oħrajn f’din is-serje!
X’kienet ir-reazzjoni tal-qarrejja għal din is-serje? Wara li qrat l-artiklu dwar Marta, waħda qarrejja kitbet: “Bdejt nidħaq xħin qrajtu għax jien eżatt bħalha—dejjem nagħmel l-almu kollu tiegħi meta nilqaʼ n-nies ġo dari imma kultant ninsa li għandi bżonn nieqaf ftit u ngawdi s-sħubija mal-ħbieb.” Tfajla taʼ 15-il sena waslet għal din il-konklużjoni interessanti dwar l-istorja taʼ Ester: “Stajt nifhem li nistgħu nsiru ffissati fuq il-ħwejjeġ u l-aċċessorji tal-aħħar moda. Jeħtieġ li nidhru puliti; imma ma rridux immorru fl-estrem.” Hi kompliet tgħid: “Ġeħova jimpurtah dwar min aħna minn ġewwa.” U artiklu dwar l-appostlu Pietru qanqal din ir-reazzjoni b’entużjażmu minn oħt Kristjana: “Veru dħalt fl-istorja jien u naqra. Ħassejtni bħallikieku kont qed ngħixha! Użajt is-sensi tiegħi biex inħoss dak li r-rakkont sempliċement alluda għalih.”
Dawn il-qarrejja—u numru bla għadd taʼ wħud oħrajn li kitbu biex jesprimu l-apprezzament tagħhom għal din is-serje—jikkonfermaw dak li kiteb l-appostlu Pawlu żmien twil ilu: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna.” (Rum. 15:4) Iva, Ġeħova inkluda dawn ir-rakkonti fil-Bibbja sabiex jgħallimna lezzjonijiet taʼ valur. Ilkoll kemm aħna, ilna kemm ilna nafu l-verità, nistgħu nitgħallmu minnhom.
Minn qalbna, inħeġġuk taqra dan il-ktieb mill-iktar fis possibbli. Inkludih bħala parti mill-Qima tal-Familja tiegħek—it-tfal se jieħdu gost bih! Meta l-kongregazzjoni tistudja l-materjal matul l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, ipprova tfalli qatt, lanqas darba! Ħu l-ħin tiegħek biex taqrah bil-mod. Uża l-immaġinazzjoni u s-sensi tiegħek. Ipprova ħoss u ara dak li ħassu u raw dawn il-karattri tal-Bibbja. Qabbel ir-reazzjoni tagħhom maʼ tiegħek li kieku ssib ruħek fl-istess sitwazzjoni.
Tassew hi l-għaxqa tagħna li naqsmu din il-pubblikazzjoni magħkom. Jalla tkun taʼ barka għalikom u għall-familja tagħkom. Nibagħtulkom ħafna mħabba u l-isbaħ xewqat,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova