Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Introduzzjoni

Introduzzjoni

‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’—EBREJ 6:12.

1, 2. Indokratur li jivvjaġġa milli jidher kif kien iqis lill-​karattri tal-​Bibbja li wrew il-​fidi, u għala wħud bħal dawn ikunu ħbieb mill-​aqwa?

“JITKELLEM dwar karattri tal-​Bibbja bħallikieku kienu ħbieb antiki tiegħu.” Dan il-​kliem intqal minn mara Kristjana wara li semgħet taħdita minn indokratur li jivvjaġġa mdaħħal fiż-​żmien. U għandha raġun tgħid hekk, għax il-​ħu kien qattaʼ għaxriet taʼ snin jistudja l-​Kelma t’Alla u jgħallem minn fuqha—tant hu hekk li meta kien jitkellem dwar xi wieħed mill-​karattri li hemm fiha kien bħal donnu qed jitkellem proprju dwar xi ħabib antik.

2 Ikun sabiħ kieku ħafna minn dawn il-​karattri tal-​Bibbja jkunu l-​ħbieb tagħna. Huma daqstant reali għalik? Immaġina kif tħossok kieku kellek tqattaʼ l-​ħin titkellem magħhom u ssir taf lil xi rġiel u nisa bħalma kienu Noè, Abraham, Rut, Elija, u Ester. Aħseb dwar l-​impatt li jistgħu jħallu fuq ħajtek—il-​pariri u l-​inkuraġġiment prezzjużi li jistgħu jagħtuk!—Aqra Proverbji 13:20.

3. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw milli nitgħallmu dwar l-​irġiel u n-​nisa fil-​Bibbja li wrew il-​fidi? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 M’għandniex xi ngħidu, fi żmien l-​“irxoxt . . . tan-​nies sewwa,” relazzjonijiet edifikanti bħal dawn se jkunu possibbli. (Atti 24:15) Madankollu, nistgħu nibbenefikaw milli nitgħallmu dwar l-​irġiel u n-​nisa fil-​Bibbja li wrew il-​fidi saħansitra minn issa. Kif? L-​appostlu Pawlu joffri din it-​tweġiba prattika: ‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’ (Ebr. 6:12) Issa li se nibdew nistudjaw dwar dawn l-​irġiel u n-​nisa li wrew il-​fidi, ejja nikkunsidraw ftit mistoqsijiet li jgħaddu minn moħħna meta naqraw il-​kliem taʼ Pawlu: X’inhi eżattament il-​fidi, u għala neħtiġuha? Kif nistgħu nimitaw lin-​nies fil-​Bibbja li wrew il-​fidi?

Il-​Fidi—X’Inhi u Għala Neħtiġuha?

4. In-​nies x’għandhom it-​tendenza li jassumu dwar il-​fidi, u għala għandhom żball?

4 Il-​fidi hi kwalità mixtieqa, kwalità li l-​irġiel u n-​nisa kollha li se nistudjaw dwarhom f’din il-​pubblikazzjoni kienu jgħożżu ferm. Ħafna nies illum għandhom it-​tendenza li ma jagħtux importanza lill-​fidi għax jassumu li tfisser li wieħed jemmen mingħajr ma jkollu provi jew evidenza vera. Iżda għandhom żball. Il-​fidi ma tfissirx li tiblaʼ kollox; mhijiex sempliċi sentiment; hija iktar minn twemmin. Huwa taʼ periklu li tiblaʼ kollox. Sempliċi sentiment jistaʼ jmur u jiġi, u fejn jidħol Alla lanqas mhuwa biżżejjed li temmen, għax anki “d-​demonji jemmnu u jirtogħdu.”—Ġak. 2:19.

5, 6. (a) Il-​fidi tagħna tiffoka fuq liema żewġ tipi t’affarijiet li ma jidhrux? (b) Kemm għandha tkun imsejsa fis-​sod il-​fidi tagħna? Agħti eżempju.

5 Il-​fidi vera tfisser bil-​wisq iktar mill-​fatt li tiblaʼ jew temmen kollox. Ftakar ftit fid-​definizzjoni li tagħti l-​Bibbja. (Aqra Ebrej 11:1.) Pawlu qal li l-​fidi tiffoka fuq żewġ tipi t’affarijiet li ma nistgħux naraw. L-​ewwel, tiffoka fuq ir-​realtajiet preżenti “li ma jidhrux.” L-​għajnejn fiżiċi tagħna ma jistgħux jaraw ir-​realtajiet fis-​smewwiet—bħalma huma Alla Ġeħova, Ibnu, jew is-​Saltna li issa qed taħkem fis-​sema. It-​tieni, il-​fidi tiffoka fuq “affarijiet li nittamaw għalihom”—ġrajjiet li għadhom ma seħħewx. Ma nistgħux naraw minn issa d-​dinja l-​ġdida li s-​Saltna t’Alla se ġġib dalwaqt. Ifisser dan mela li l-​fidi tagħna f’dawn ir-​realtajiet u l-​affarijiet li ttamajna għalihom hi bla bażi?

6 Dażgur li le! Pawlu spjega li l-​fidi vera hi msejsa fis-​sod. Meta qal li l-​fidi hi “l-​istennija garantita,” hu uża espressjoni li tistaʼ tiġi tradotta wkoll “dokument legali.” Immaġina li xi ħadd jiddeċiedi li jagħtik dar. Forsi jagħtik il-​kuntratt tal-​post u jgħidlek, “Ħa, din id-​dar ġdida tiegħek.” Ovvjament, hu ma jridx ifisser li int se tgħix fuq din il-​biċċa karta; hu jrid jgħid li d-​dokument legali tal-​proprjetà tant hu evidenza qawwija li int il-​proprjetarju tad-​dar li d-​dokument ifisser l-​istess daqslikieku għandek id-​dar infisha. B’mod simili, l-​evidenza tal-​fidi tagħna tant hi konvinċenti, tant hi qawwija, li tistaʼ tkun ekwivalenti għall-​fidi tagħna nfisha.

7. Il-​fidi vera x’tinvolvi?

7 B’hekk, il-​fidi vera tinvolvi fiduċja mibnija fuq l-​esperjenza tal-​passat u konvinzjoni soda li b’mod ċar hi ffokata fuq Alla Ġeħova. Il-​fidi ġġegħelna nqisuh bħala Missier kollu mħabba u jkollna l-​fiduċja li l-​wegħdi kollha tiegħu żgur li se jitwettqu. Iżda l-​fidi ġenwina tinvolvi iktar minn hekk. Bħal xi ħaġa ħajja trid tieħu ħsiebha biex tibqaʼ tgħix. Trid turiha fl-​għemejjel, inkella tmut.—Ġak. 2:26.

8. Il-​fidi għala hi tant importanti?

8 Il-​fidi għala hi tant importanti? Pawlu ta tweġiba interessanti. (Aqra Ebrej 11:6.) La nistgħu navviċinaw lil Ġeħova u lanqas nogħġbuh jekk ma jkollniex fidi. Għalhekk, il-​fidi hi essenzjali sabiex inwettqu l-​iktar skop grandjuż u nobbli taʼ kwalunkwe ħolqien intelliġenti: li nersqu qrib Missierna tas-​sema Ġeħova u nigglorifikawh.

9. Ġeħova kif wera li hu konxju tal-​bżonn li jkollna l-​fidi?

9 Ġeħova jaf kemm neħtiġuha l-​fidi, u għalhekk jipprovdilna eżempji li jgħallmuna kif nibnu u nuru l-​fidi. Hu jbierek lill-​kongregazzjoni Kristjana b’eżempji taʼ rġiel taʼ fidi li jieħdu t-​tmexxija. Il-​Kelma Tiegħu tgħid: “Imitaw il-​fidi tagħhom.” (Ebr. 13:7) U tana iktar minn hekk. Pawlu kiteb dwar “sħaba . . . kbira taʼ xhieda,” irġiel u nisa tal-​qedem li ħallew eżempji mill-​aqwa fil-​fidi. (Ebr. 12:1) Hemm ħafna iktar qaddejja leali taʼ Ġeħova minn dawk li semma Pawlu f’​Ebrej kapitlu 11. Il-​Bibbja hi mogħnija bi stejjer veri taʼ rġiel u nisa, żgħar u kbar, minn kull qasam tal-​ħajja, li għexu ħajja taʼ fidi u li għandhom ħafna x’jgħallmuna f’dawn iż-​żminijiet meta ħafna m’għandhomx fidi.

Kif Nistgħu Nimitaw il-​Fidi t’Oħrajn?

10. L-​istudju persunali tagħna kif jistaʼ jgħinna nimitaw lill-​irġiel u n-​nisa taʼ fidi li nsibu fil-​Bibbja?

10 Ma tistax timita lil persuna qabel ma tkun osservajtha mill-​qrib. Int u taqra din il-​pubblikazzjoni se tinnota li saret ħafna riċerka sabiex tgħinek tosserva lil dawn l-​irġiel u n-​nisa taʼ fidi. Għala ma tagħmilx l-​istess u tikseb iktar tagħrif int stess? Fl-​istudju persunali tiegħek, ħaffer fil-​fond fil-​Bibbja bl-​għodod tar-​riċerka li għandek disponibbli. Int u timmedita fuq dak li tistudja, ipprova ġib quddiem għajnejk il-​post u ċ-​ċirkustanzi tar-​rakkonti Bibliċi. Ipprova ara l-​post, ismaʼ l-​ħsejjes, u xomm l-​irwejjaħ daqslikieku qiegħed hemmhekk. Iktar importanti minn hekk, ipprova ifhem is-​sentimenti tan-​nies involuti. Hekk kif tidħol fiż-​żarbun taʼ dawn l-​irġiel u n-​nisa taʼ fidi, huma se jsiru iktar reali għalik u ssir iktar midħla tagħhom—xi wħud jistgħu saħansitra jkunu bħal ħbieb antiki li tant tgħożż.

11, 12. (a) Kif għandek mnejn tħossok eqreb lejn Abram u Saraj? (b) Kif tistaʼ tibbenefika mill-​eżempju taʼ Ħanna, Elija, jew Samwel?

11 Meta tassew issir tafhom, tkun trid timitahom. Pereżempju, immaġina li qed taħseb dwar xi inkarigu ġdid. Permezz tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, int mistieden biex b’xi mod tespandi l-​ministeru tiegħek. Forsi tintalab tmur taqdi f’territorju fejn ikun hemm bżonn urġenti għal iktar predikaturi, jew forsi tiġi mistieden tipprova xi xorta taʼ ppritkar li ma tkunx midħla tiegħu jew li ma tħossokx komdu tagħmlu. Int u taħseb dwar l-​inkarigu u titlob dwaru, taħseb li se tiġi megħjun jekk timmedita fuq l-​eżempju t’Abram? Hu u Saraj kienu lesti li jiċħdu l-​kumditajiet li kellhom f’Ur u ġew imberkin bil-​kbir talli għamlu hekk. Hekk kif timxi wara l-​passi tagħhom, żgur li se tħoss li qed issir tafhom aħjar minn qatt qabel.

12 Jew inkella, xi ngħidu kieku xi ħadd kellu jittrattak ħażin u tħossok skuraġġit—saħansitra tħossok imħajjar ma tattendix il-​laqgħat? Jekk taħseb dwar l-​eżempju taʼ Ħanna u dwar il-​mod kif ma ħallietx l-​imġiba b’kattiverija taʼ Peninna twaqqafha milli taqdi lil Ġeħova, tiġi megħjun tieħu deċiżjoni tajba—u jistaʼ jagħti l-​każ li Ħanna tkun bħal ħabiba tal-​qalb ukoll. Bl-​istess mod, jekk tiskuraġġixxi ruħek għax tħossok li m’inti kapaċi għal xejn, għandek mnejn tħossok eqreb lejn Elija hekk kif tistudja dwar id-​diffikultà tiegħu u l-​mod kif farrġu Ġeħova. U ż-​żgħażagħ li jiġu bombardjati bil-​pressjonijiet minn sħabhom tal-​iskola li jkunu immorali jistgħu jħossuhom eqreb lejn Samwel wara li jistudjaw kif irreaġixxa għall-​influwenza korrotta taʼ wlied Għeli fit-​tabernaklu.

13. Jekk timita l-​fidi li wera xi karattru tal-​Bibbja, ifisser li l-​fidi tiegħek hi inqas taʼ valur f’għajnejn Ġeħova? Spjega.

13 Jekk timita dak li għamlu xi wħud biex juru l-​fidi tagħhom ifisser li l-​fidi tiegħek hi inqas taʼ valur f’għajnejn Ġeħova? Xejn affattu! Ftakar li l-​Kelma taʼ Ġeħova tinkuraġġina biex nimitaw lin-​nies taʼ fidi. (1 Kor. 4:16; 11:1; 2 Tess. 3:7, 9) Iktar minn hekk, xi nies li se nistudjaw dwarhom kienu huma stess imitaturi taʼ nies taʼ fidi li għexu qabilhom. Pereżempju, f’Kapitlu 17 taʼ dan il-​ktieb ninnotaw li fid-​diskors tagħha, Marija milli jidher ikkwotat lil Ħanna, u b’mod ċar ħarset lejha bħala eżempju. Ifisser dan li l-​fidi taʼ Marija kienet inqas soda? Lanqas xejn! Minflok, l-​eżempju taʼ Ħanna għen lil Marija tibni l-​fidi sabiex hi stess ukoll tagħmel isem tajjeb m’Alla Ġeħova.

14, 15. Liema huma xi aspetti taʼ dan il-​ktieb, u kif nistgħu nużawh b’mod tajjeb?

14 Dan il-​ktieb ġie mfassal biex jgħinek issaħħaħ il-​fidi tiegħek. Il-​kapitli f’dan il-​ktieb huma ġabra t’artikli mis-​serje “Imita l-​Fidi Tagħhom” pubblikata fit-​Torri tal-​Għassa bejn l-​2008 u l-​2013. Madankollu, ġie miżjud xi materjal ieħor. Kull kapitlu fih mistoqsijiet li jistgħu jgħinuna niddiskutu u napplikaw il-​materjal. Fih bosta stampi kuluriti u dettaljati li ġew imħejjijin speċifikament għal dan il-​ktieb. Xi stampi oħrajn li kienu jeżistu diġà issa jidhru f’qies akbar u ġew miżjudin fihom xi dettalji. Ġew inklużi wkoll xi aspetti oħrajn t’għajnuna bħalma huma l-​linja kronoloġika u l-​mapep. Il-​ktieb Imita l-​Fidi Tagħhom huwa għodda disinjata għall-​istudju persunali, tal-​familja, u tal-​kongregazzjoni. Ħafna familji jistgħu jieħdu pjaċir ukoll jaqraw l-​istejjer flimkien b’leħen għoli.

15 Jalla dan il-​ktieb jgħinek timita l-​fidi tal-​qaddejja leali taʼ Ġeħova tal-​passat. U jalla jgħinek tikber fil-​fidi tiegħek hekk kif tersaq eqreb lejn Missierek tas-​sema, Ġeħova!