Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Noti fl-aħħar

Noti fl-aħħar

 1 IL-PRINĊIPJI

Il-​liġijiet t’Alla huma bbażati fuq il-​prinċipji tiegħu. Dawn il-​prinċipji huma veritajiet bażiċi li nsibu fil-​Bibbja. Dawn jgħinuna nifhmu kif jaħsibha u jħossu Alla dwar l-​affarijiet. Il-​prinċipji jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin f’ħajjitna u nagħmlu dak li hu sew. Dawn huma t’għajnuna kbira f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm liġi speċifika dwarhom fil-​Bibbja.

Kapitlu 1, paragrafu 8

 2 L-UBBIDJENZA

Li nobdu lil Ġeħova jfisser li minn qalbna nagħmlu dak li jgħidilna. Ġeħova jixtieq li nobduh għax inħobbuh. (1 Ġwanni 5:3) Jekk inħobbu u nafdaw lil Alla, se nobdu l-​pariri tiegħu tkun xi tkun is-​sitwazzjoni. Aħna se nobduh anki meta jkun diffiċli għalina. Hu tajjeb li nobdu lil Ġeħova, għax hu jgħallimna kif jistaʼ jkollna ħajja tajba issa u jwegħedna li se ngawdu ħafna barkiet fil-​futur.—Isaija 48:17.

Kapitlu 1, paragrafu 10

 3 IL-LIBERTÀ TAL-GĦAŻLA

Ġeħova ta lil kull wieħed minna l-​libertà tal-​għażla. Hu ma ħalaqniex bħal robots. (Dewteronomju 30:19; Ġożwè 24:15) Aħna nistgħu nużaw din il-​libertà biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imma jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Il-​libertà tal-​għażla tfisser li aħna niddeċiedu jekk hux se nkunu leali lejn Ġeħova u jekk hux se nagħtu prova li aħna verament inħobbuh.

Kapitlu 1, paragrafu 12

 4 IL-LIVELLI MORALI

Ġeħova għamel livelli morali, jew gwida, biex il-​kondotta u l-​azzjonijiet tagħna jkunu fi qbil magħhom. Permezz tal-​Bibbja nistgħu nitgħallmu x’inhuma dawn il-​livelli u kif jistgħu jgħinuna biex ngħixu ħajja li togħġob lil Ġeħova u li hi taʼ benefiċċju għalina. (Proverbji 6:16-​19; 1 Korintin 6:9-​11) Din il-​gwida tgħinna nsiru nafu dak li Alla jqis tajjeb jew ħażin. Din tgħinna wkoll nitgħallmu kif nuru mħabba, kif nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u kif nuru qalb tajba m’oħrajn. Għalkemm il-​livelli tad-​dinja jkomplu jmorru għall-​agħar, il-​livelli taʼ Ġeħova ma jinbidlux. (Dewteronomju 32:4-​6; Malakija 3:6) Billi nobdu din il-​gwida, se nipproteġu ruħna mill-​ħafna wġigħ fiżiku u emozzjonali.

Kapitlu 1, paragrafu 17

 5 IL-KUXJENZA

Il-​kuxjenza tagħna hi l-​abbiltà li għandna ġewwa fina biex nifhmu jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina. Ġeħova ta kuxjenza lil kull wieħed minna. (Rumani 2:14, 15) Sabiex il-​kuxjenza tagħna taħdem sew, hemm bżonn li nħarrġuha skont il-​livelli morali taʼ Ġeħova. Imbagħad il-​kuxjenza tagħna tkun tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin li jogħġbu lil Alla. (1 Pietru 3:16) Il-​kuxjenza tagħna tistaʼ twissina meta nkunu se nieħdu xi deċiżjoni ħażina, jew inkella tistaʼ tniggiżna ħafna wara li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina. Jekk kontinwament ninjoraw il-​kuxjenza tagħna, din se tiddgħajjef u ma tibqax tniggiżna jew tiggwidana fit-​triq it-​tajba. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nerġgħu nsaħħuha. Kuxjenza tajba tagħtina paċi tal-​moħħ u tgħinna biex ikollna rispett lejna nfusna.

Kapitlu 2, paragrafu 3

 6 IL-BIŻAʼ T’ALLA

Li nibżgħu minn Alla jfisser li tant inħobbuh u nirrispettawh li ma nkunux irridu nagħmlu xi ħaġa li tiddiżappuntah. Il-​biżaʼ t’Alla tgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb u nevitaw dak li hu ħażin. (Salm 111:10) Din tqanqalna biex noqogħdu attenti ħafna għal kulma jgħid Ġeħova. Tgħinna wkoll biex inżommu l-​wegħdi li nkunu għamilna miegħu għax għandna rispett kbir lejh. Il-​biżaʼ t’Alla teffettwa l-​mentalità tagħna, kif nittrattaw lil oħrajn, u l-​għażliet li nagħmlu kuljum.

Kapitlu 2, paragrafu 9

 7 L-INDIEMA

L-​indiema tinkludi n-​niket kbir li xi ħadd iħoss minħabba li jkun għamel xi ħaġa ħażina. Dawk li jħobbu lil Alla jiddispjaċihom ħafna meta jirrealizzaw li jkunu għamlu xi ħaġa li ma taqbilx mal-​livelli tiegħu. Jekk nagħmlu xi ħaġa ħażina, għandna nitolbu bil-​ħeġġa għall-​maħfra taʼ Ġeħova fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. (Mattew 26:28; 1 Ġwanni 2:1, 2) Meta nindmu b’mod sinċier u nieqfu nagħmlu affarijiet ħżiena, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jaħfrilna. M’hemmx għalfejn nibqgħu nħossuna ħatjin minħabba dak li nkunu għamilna fil-​passat. (Salm 103:10-​14; 1 Ġwanni 1:9; 3:19-​22) Hemm bżonn li nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nitgħallmu mill-​iżbalji tagħna, nibdlu l-​mentalità ħażina li jistaʼ jkollna, u ngħixu skont il-​livelli taʼ Ġeħova.

Kapitlu 2, paragrafu 18

 8 IL-QTUGĦ MIS-SĦUBIJA

Meta xi ħadd ma jindimx wara li jkun dineb serjament u jirrifjuta li jobdi l-​livelli taʼ Ġeħova, ma jkunx jistaʼ jibqaʼ membru tal-​kongregazzjoni. F’dal-​każ, ikun hemm bżonn li jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija, ma nibqgħux nagħmluha miegħu u ma nibqgħux inkellmuh. (1 Korintin 5:11; 2 Ġwanni 9-​11) L-​arranġament tal-​qtugħ mis-​sħubija jipproteġi l-​isem taʼ Ġeħova u l-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:6) Apparti minn hekk, il-​qtugħ mis-​sħubija hu dixxiplina li tistaʼ tgħin lil xi ħadd biex jindem ħalli jkun jistaʼ jdur lura lejn Ġeħova.—Luqa 15:17.

Kapitlu 3, paragrafu 19

 9 IL-GWIDA, ID-DIREZZJONI, U L-PARIRI

Ġeħova jħobbna u jixtieq jgħinna. Huwa għalhekk li jagħtina l-​gwida, id-​direzzjoni, u l-​pariri permezz tal-​Bibbja u permezz taʼ nies li jħobbu lil Alla. Bħala nies imperfetti, għandna bżonnha ħafna din l-​għajnuna. (Ġeremija 17:9) Meta nobdu u nirrispettaw lil dawk li Ġeħova juża biex jiggwidana, aħna nkunu qed nuru li nirrispettawh u li nixtiequ nobduh.—Ebrej 13:7.

Kapitlu 4, paragrafu 2

 10 IL-KBURIJA U L-UMILTÀ

Ladarba aħna imperfetti, hu faċli għalina li nkunu egoisti u kburin. Imma Ġeħova jistenna li nkunu umli. Spiss, nibdew nitgħallmu dwar l-​umiltà meta nqabblu lilna nfusna maʼ Ġeħova u nirrealizzaw kemm m’aħna xejn. (Ġob 38:1-​4) Aspett importanti ieħor tal-​umiltà hu li nitgħallmu naħsbu iktar f’ħaddieħor, u naraw xi jkun tajjeb għalihom iktar milli għalina. Il-​kburija spiss iġġiegħel lill-​individwu jemmen li hu aħjar minn oħrajn. Min hu umli jkun onest miegħu nnifsu. Hu jkun jaf fiex inhu tajjeb imma jkun jaf ukoll li għandu fejn jirranġa. Dan ma jibżax jammetti l-​iżbalji tiegħu, ma jiddejjaqx jiskuża ruħu, u jaċċetta s-​suġġerimenti u l-​pariri. Xi ħadd umli jistrieħ fuq Ġeħova u jobdi d-​direzzjoni tiegħu.—1 Pietru 5:5.

Kapitlu 4, paragrafu 4

 11 L-AWTORITÀ

L-​awtorità hi d-​dritt li individwu jkollu biex jagħti l-​ordnijiet u jieħu deċiżjonijiet. Ġeħova għandu l-​akbar awtorità fis-​sema u fuq l-​art. Minħabba li ħalaq kollox, hu l-​aktar Wieħed li għandu qawwa fl-​univers. Hu dejjem juża l-​awtorità tiegħu għall-​benefiċċju t’oħrajn. Ġeħova ta lil xi nies ir-​responsabbiltà biex jieħdu ħsiebna. Pereżempju, il-​ġenituri, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u l-​gvernijiet għandhom ammont t’awtorità, u Ġeħova jrid li aħna nikkoperaw magħhom. (Rumani 13:1-​5; 1 Timotju 5:17) Imma meta l-​liġi tal-​bniedem tmur kontra l-​liġi t’Alla, aħna nobdu lil Alla u mhux lill-​bniedem. (Atti 5:29) Meta naċċettaw l-​awtorità taʼ dawk li Ġeħova qed juża, inkunu qed nuru lil Ġeħova li nirrispettaw id-​deċiżjonijiet tiegħu.

Kapitlu 4, paragrafu 7

 12 L-ANZJANI

Ġeħova juża l-​anzjani, li huma aħwa rġiel tal-​esperjenza, biex jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni. (Dewteronomju 1:13; Atti 20:28) Dawn l-​irġiel jgħinuna biex inżommu r-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Jgħinuna wkoll biex inqimuh fil-​paċi u b’mod organizzat. (1 Korintin 14:33, 40) Sabiex l-​anzjani jinħatru mill-​ispirtu qaddis, hemm bżonn li jkollhom il-​kwalifiki li nsibu fil-​Bibbja. (1 Timotju 3:1-​7; Titu 1:5-​9; 1 Pietru 5:2, 3) Aħna nafdaw u nappoġġaw l-​organizzazzjoni t’Alla, allura naħdmu id f’id mal-​anzjani minn qalbna.—Salm 138:6; Ebrej 13:17.

Kapitlu 4, paragrafu 8

 13 IL-KAP TAL-FAMILJA

Ġeħova lill-​ġenituri tahom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb lit-​tfal u lil dawk li jgħixu fid-​dar. Però, il-​Bibbja tispjega li r-​raġel hu l-​kap tal-​familja. Jekk ma jkunx hemm raġel fil-​familja, il-​mara ssir il-​kap tal-​familja. Ir-​responsabbiltà tal-​kap tal-​familja tinkludi li jipprovdi ikel, ħwejjeġ, u post fejn tgħix il-​familja. Huwa importanti ħafna li l-​kap tal-​familja jieħu t-​tmexxija f’li jgħin il-​membri biex iqimu lil Ġeħova. Pereżempju, hu jagħmel ċert li jattendu l-​laqgħat b’mod regolari, jieħdu sehem fil-​ministeru, u jistudjaw il-​Bibbja flimkien. Barra minn hekk, il-​kap tal-​familja hu responsabbli li jieħu l-​aħħar deċiżjoni fil-​familja. Hu dejjem jipprova jimita lil Ġesù billi juri qalb tajba, ikun raġunevoli, u qatt ma jkun aħrax jew bla qalb. Dan jgħin biex ikun hemm atmosfera taʼ mħabba, u b’hekk dawk kollha fil-​familja jkunu jistgħu jħossuhom protetti u jkabbru r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova.

Kapitlu 4, paragrafu 12

 14 IL-​ĠEMGĦA LI TIGGVERNA

Il-​Ġemgħa li Tiggverna hi grupp taʼ rġiel li għandhom it-​tama għas-​sema. Dawn l-​irġiel qed jintużaw minn Alla biex jidderieġu x-​xogħol tan-​nies tiegħu. Fl-​ewwel seklu, Ġeħova uża l-​ġemgħa li tiggverna biex jiggwida l-​Kristjani tal-​bidu dwar kif kellhom iqimu u jippritkaw. (Atti 15:2) Illum, il-​grupp t’aħwa li jaqdu bħala l-​Ġemgħa li Tiggverna qed imexxu l-​poplu t’Alla billi jidderiġuh, jiggwidawh, u jipproteġuh. Meta dawn l-​irġiel jieħdu deċiżjonijiet, ifittxu l-​gwida tal-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Meta Ġesù tkellem dwar dan il-​grupp taʼ rġiel midlukin, irrefera għalihom bħala “l-​ilsir leali u għaqli.”—Mattew 24:45-​47.

Kapitlu 4, paragrafu 15

 15 META MARA TGĦATTI RASHA

Jistaʼ jkun hemm każi fejn oħt tintalab biex tagħmel xi ħaġa fil-​kongregazzjoni li normalment issir minn ħu. Meta hi tagħmel dan ix-​xogħol, tkun qed turi rispett għall-​arranġament taʼ Ġeħova billi tilbes xi ħaġa biex tgħatti rasha. Imma l-​bżonn biex mara tgħatti rasha japplika f’ċertu sitwazzjonijiet biss. Pereżempju, oħt għandha tilbes xi ħaġa biex tgħatti rasha jekk tikkonduċi studju tal-​Bibbja meta żewġha jew ħu mgħammed ikun preżenti.—1 Korintin 11:11-​15.

Kapitlu 4, paragrafu 17

 16 IN-NEWTRALITÀ

Aħna nkunu newtrali meta nagħżlu li ma nżommu mal-​ebda naħa fi kwistjonijiet politiċi. (Ġwanni 17:16) Il-​poplu taʼ Ġeħova jappoġġa s-​Saltna Tiegħu. Bħal Ġesù, aħna newtrali fil-​kwistjonijiet taʼ din id-​dinja.

Ġeħova jikkmandana nkunu “ubbidjenti lejn il-​gvernijiet u l-​awtoritajiet.” (Titu 3:1, 2; Rumani 13:1-​7) Imma l-​liġi t’Alla tgħid ukoll li m’għandniex noqtlu. Allura l-​kuxjenza taʼ Kristjan mhux se tħallih imur għall-​gwerra. Jekk Kristjan ikollu l-​għażla li minflok servizz militari jagħti servizz ċivili li m’għandux x’jaqsam mal-​gwerra, hu għandu jikkunsidra jekk il-​kuxjenza tiegħu tippermettilux jagħmel dan.

Aħna nqimu lil Ġeħova biss, għax hu l-​Ħallieq tagħna. Għalkemm nuru rispett lejn affarijiet li jirrappreżentaw il-​pajjiż, aħna ma nsellmux lil xi bandiera u lanqas ma nkantaw l-​innu nazzjonali. (Isaija 43:11; Danjel 3:1-​30; 1 Korintin 10:14) Barra minn hekk, min jaqdi lil Ġeħova jiddeċiedi b’mod personali li ma jivvotax għal xi partit politiku jew kandidat. Aħna nagħmlu dan għax diġà nżommu mal-​gvern t’Alla.—Mattew 22:21; Ġwanni 15:19; 18:36.

Kapitlu 5, paragrafu 2

 17 L-ISPIRTU TAD-DINJA

Id-​dinja tinkuraġġixxi l-​irraġunar taʼ Satana. Dan l-​irraġunar hu komuni fost in-​nies li ma jħobbux u ma jimitawx lil Ġeħova, u li jinjoraw il-​livelli tiegħu. (1 Ġwanni 5:19) Raġunar bħal dan iwassalna biex nagħmlu l-​affarijiet li Satana u s-​sistema tiegħu jriduna nagħmlu. (Efesin 2:2) Il-​poplu taʼ Ġeħova jagħmel ċert li ma jkollux attitudni bħal din. (Efesin 6:10-​18) Minflok, aħna nħobbu l-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet u aħna nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nibqgħu nirraġunaw bħalu.

Kapitlu 5, paragrafu 7

 18 L-​APOSTASIJA

L-​apostasija tfisser li persuna tiddeċiedi li taħdem kontra l-​verità tal-​Bibbja. L-​apostati jirribellaw kontra Ġeħova u kontra Ġesù, is-​Sultan li ntgħażel għas-​Saltna t’Alla, u jipprovaw jinfluwenzaw lil oħrajn biex jingħaqdu magħhom. (Rumani 1:25) Huma jridu jdaħħlu d-​dubji fil-​moħħ taʼ dawk li jqimu lil Ġeħova. Xi nies mill-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu saru apostati, u l-​istess qed jiġri fi żmienna. (2 Tessalonikin 2:3) Dawk li huma leali lejn Ġeħova ma jikkomunikaw bl-​ebda mod mal-​apostati. Aħna qatt ma nħallu l-​kurżità tegħlibna jew inċedu għall-​pressjoni t’oħrajn biex naqraw jew nisimgħu l-​ideat tal-​apostati. Aħna leali lejn Ġeħova u nqimu lilu biss.

Kapitlu 5, paragrafu 9

 19 TPATTIJA JEW MAĦFRA TAD-​DNUBIET

Il-​Liġi taʼ Mosè għamlitha possibbli għan-​nazzjon taʼ Iżrael biex Ġeħova jaħfrilhom dnubiethom. Huma kienu jieħdu sagrifiċċji tat-​tpattija tal-​qamħ, żejt, u annimali fit-​tempju. B’dan il-​mod, l-​Iżraelin kienu jiġu mfakkrin li Ġeħova kien lest li jaħfrilhom id-​dnubiet, kemm bħala nazzjon u kemm bħala individwi. Imbagħad, wara li Ġesù ta ħajtu biex jaħfer id-​dnubiet tagħna, ma kienx għad hemm il-​bżonn li jagħmlu dawn is-​sagrifiċċji tat-​tpattija. Ġesù offra s-​sagrifiċċju perfett “darba għal dejjem.”—Ebrej 10:1, 4, 10.

Kapitlu 7, paragrafu 6

 20 RISPETT LEJN L-​ANNIMALI

Skont il-​Liġi taʼ Mosè, in-​nies setgħu jieklu l-​annimali. Apparti minn hekk, huma kienu kmandati biex jagħtu l-​annimali bħala sagrifiċċju. (Levitiku 1:5, 6) Imma Ġeħova qatt ma ħalla n-​nies jaħqru l-​annimali. (Proverbji 12:10) Fil-​fatt, il-​Liġi kien fiha regoli li kienu jipproteġu l-​annimali milli jiġu maħqurin. L-​Iżraelin kienu kmandati biex jieħdu ħsieb l-​annimali tagħhom kif inhu suppost.—Dewteronomju 22:6, 7.

Kapitlu 7, paragrafu 6

 21 FRAZZJONIJIET TAD-​DEMM U PROĊEDURI MEDIĊI

Frazzjonijiet tad-​demm. Id-​demm hu magħmul minn erbaʼ partijiet primarji—ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, u plażma. Dawn l-​erbaʼ partijiet prinċipali tad-​demm jistgħu jinqasmu f’partijiet iżgħar li jissejħu frazzjonijiet tad-​demm. *

Il-​Kristjani la jieħdu trasfużjoni tad-​demm sħiħ u lanqas taʼ xi waħda mill-​erbaʼ partijiet primarji tiegħu. Imma għandhom huma jaċċettaw frazzjonijiet tad-​demm? Il-​Bibbja ma tagħtix dettalji speċifiċi dwar dan. Allura kull Kristjan għandu jagħmel l-​għażla tiegħu bbażata fuq il-​kuxjenza li tkun ittrennjata fuq il-​Bibbja.

Xi Kristjani jagħżlu li jirrifjutaw kull frazzjoni tad-​demm. Għandhom mnejn jirraġunaw li l-​Liġi t’Alla li ngħatat lil Iżrael kienet tikkmanda li d-​demm kollu li jitneħħa mill-​annimal jiġi mferraʼ “fl-​art bħall-​ilma.”—Dewteronomju 12:22-​24.

Oħrajn jiddeċiedu differenti. Il-​kuxjenza tagħhom tippermettilhom jaċċettaw xi frazzjonijiet tad-​demm. Għandhom mnejn jirraġunaw li l-​frazzjonijiet żgħar ma jibqgħux jirrappreżentaw il-​ħajja taʼ minn fejn ikun ittieħed id-​demm.

Meta tkun qed tiddeċiedi dwar il-​frazzjonijiet tad-​demm, ikkunsidra l-​mistoqsijiet li ġejjin:

  • Jien konxju li meta nirrifjuta l-​frazzjonijiet kollha tad-​demm ifisser li mhux se naċċetta xi mediċini li jiġġieldu kontra l-​mard jew li forsi jgħinu biex id-​demm jagħqad ħalli ma nitlifx demm?

  • Kif se nispjega lit-​tabib għala nirrifjuta jew naċċetta waħda mill-​frazzjonijiet tad-​demm jew iktar?

Proċeduri mediċi. Bħala Kristjani, aħna ma nagħtux demm, lanqas ma nerfgħu d-​demm tagħna stess għal xi operazzjoni li nkunu se nagħmlu ġimgħat wara. Però, hemm proċeduri oħra li jużaw id-​demm tal-​pazjent stess. Kull Kristjan għandu jiddeċiedi għalih innifsu kif se jintuża demmu matul operazzjoni, matul test mediku, jew matul sessjoni taʼ trattament. Waqt proċeduri bħal dawn, id-​demm tal-​pazjent stess jistaʼ jiġi separat għalkollox mill-​pazjent għal xi ħin. Għal iktar informazzjoni, ara paġni 30-​31 tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2000.

Pereżempju, hemm proċedura li tissejjaħ hemodilution, fejn porzjon mid-​demm tal-​pazjent jitneħħa immedjatament qabel l-​operazzjoni u minfloku jingħata l-​volume expander, jiġifieri likwidu ieħor. Imbagħad, matul jew ftit wara l-​operazzjoni, id-​demm jingħata lura lill-​pazjent.

Proċedura oħra tissejjaħ cell salvage. F’din il-​proċedura, id-​demm li jkun ħareġ mill-​pazjent waqt l-​operazzjoni jinġabar, jitnaddaf, u mbagħad jingħata lura lill-​pazjent matul jew ftit wara l-​operazzjoni.

Kull tabib għandu mnejn jagħmel il-​proċeduri ftit differenti. Allura, qabel ma Kristjan jaċċetta xi operazzjoni, test mediku, jew sessjoni taʼ trattament, għandu jkun jaf eżattament kif se jintuża d-​demm tiegħu stess.

Meta tkun qed tiddeċiedi dwar proċeduri mediċi li jużaw id-​demm tiegħek stess, ikkunsidra l-​mistoqsijiet li ġejjin:

  • Jekk ftit mid-​demm tiegħi jiġi maħruġ minn ġismi u forsi jieqaf milli jiċċirkola għal xi ħin, il-​kuxjenza tiegħi se tibqaʼ tippermettili nqis dan id-​demm bħala parti minni, u b’hekk ma jkunx hemm bżonn li, biex ngħidu hekk, jiġi ‘mferraʼ fl-​art’?—Dewteronomju 12:23, 24.

  • Il-​kuxjenza tiegħi li hi bbażata fuq il-​Bibbja se tniggiżni jekk waqt proċedura medika jittiħidli ftit mid-​demm tiegħi, isirlu xi tibdil, u jingħata lura f’ġismi jew jiġi użat fuq ġismi?

  • Jien konxju li meta nkun qed nirrifjuta l-​proċeduri mediċi kollha li jinvolvu d-​demm tiegħi jfisser li mhux se naċċetta testijiet tad-​demm, hemodialysis, jew l-​użu tal-​heart-​lung bypass machine? Fil-​hemodialysis, jew dijalisi, id-​demm jiċċirkola permezz taʼ magna li ssaffi u tnaddaf id-​demm qabel ma jerġaʼ lura fil-​pazjent. Il-​heart-​lung bypass machine hi magna użata f’operazzjoni biex taħdem flok il-​qalb u l-​pulmun.

Qabel ma niddeċiedu dwar il-​frazzjonijiet tad-​demm u trattamenti mediċi li jużaw id-​demm tagħna stess, hemm bżonn li nitolbu għall-​gwida taʼ Ġeħova u mbagħad nagħmlu riċerka. (Ġakbu 1:5, 6) Imbagħad, għandna bżonn nużaw il-​kuxjenza tagħna li hi mħarrġa fuq il-​Bibbja biex nieħdu deċiżjoni. Aħna m’għandniex insaqsu lil oħrajn x’jagħmlu kieku kienu minflokna, u ħaddieħor m’għandux jipprova jinfluwenza l-​għażla tagħna.—Rumani 14:12; Galatin 6:5.

Kapitlu 7, paragrafu 11

 22 INDAFA MORALI

Li nkunu nodfa moralment ifisser li l-​imġiba u l-​azzjonijiet tagħna jkunu nodfa f’għajnejn Alla. L-​indafa morali tinvolvi dak li naħsbu, ngħidu, u nagħmlu. Ġeħova jikkmandana biex nevitaw kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa jew immoralità sesswali. (Proverbji 1:10; 3:1) Irridu nkunu deċiżi li se nżommu mal-​livelli nodfa taʼ Ġeħova saħansitra qabel ma nkunu f’sitwazzjoni li tħajjarna nagħmlu xi ħaġa ħażina. Hemm bżonn nitolbu kontinwament għall-​għajnuna t’Alla biex inżommu ħsibijietna nodfa, u għandna nkunu determinati li ma nċedux għal tentazzjonijiet immorali.—1 Korintin 6:9, 10, 18; Efesin 5:5.

Kapitlu 8, paragrafu 11

 23 IMĠIBA BLA MISTĦIJA U NUQQAS TAʼ NDAFA

Imġiba bla mistħija tinvolvi li wieħed jikser il-​liġijiet t’Alla b’mod gravi u bla mistħija taʼ xejn b’dak li jgħid jew jagħmel. Persuna li tagħmel dan turi li ma tirrispettax il-​liġijiet t’Alla. Meta persuna ġġib ruħha b’dan il-​mod, il-​kwistjoni tiġi kkunsidrata minn kumitat ġudizzjali. In-​nuqqas taʼ ndafa tinkludi diversi affarijiet. Meta jkun hemm sitwazzjoni taʼ nuqqas taʼ ndafa, jistaʼ jkun hemm il-​bżonn li l-​kumitat ġudizzjali tal-​kongregazzjoni jieħu ħsieb il-​kwistjoni.—Galatin 5:19-​21; Efesin 4:19; għal iktar informazzjoni, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2006.

Kapitlu 9, paragrafu 7; Kapitlu 12, paragrafu 10

 24 IL-MASTURBAZZJONI

Ġeħova ddisinja s-​sess biex raġel u mara miżżewġin ikunu jistgħu juru mħabbithom lejn xulxin b’mod nadif. Imma meta xi ħadd jagħmel il-​masturbazzjoni, jew iqanqal il-​parti privata tiegħu għal gost sesswali, hu jew hi tkun qed tuża s-​sess b’mod mhux nadif. Dan il-​vizzju jistaʼ jkun taʼ ħsara għall-​ħbiberija tal-​persuna maʼ Ġeħova. Il-​masturbazzjoni tistaʼ tqajjem xewqat mhux kontrollati u tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun ikollu l-​ħarsa żbaljata lejn is-​sess. (Kolossin 3:5) Xi ħadd li jkollu dan il-​vizzju ħażin u jsibha bi tqila biex jaqtgħu, m’għandux jaqtaʼ qalbu. (Salm 86:5; 1 Ġwanni 3:20) Jekk int qiegħed f’din is-​sitwazzjoni, itlob minn qalbek lil Ġeħova biex jgħinek. Evita affarijiet bħall-​pornografija, li tistaʼ ġġiegħlek taħseb fuq affarijiet ħżiena. Tkellem maʼ wieħed mill-​ġenituri Kristjani tiegħek jew maʼ ħabib matur li jirrispetta l-​liġijiet t’Alla. (Proverbji 1:8, 9; 1 Tessalonikin 5:14; Titu 2:3-​5) Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jinnota u japprezza l-​isforzi li tagħmel biex tibqaʼ nadif moralment.—Salm 51:17; Isaija 1:18.

Kapitlu 9, paragrafu 9

 25 IL-​POLIGAMIJA

It-​tradizzjoni taʼ li xi ħadd ikun miżżewweġ iktar minn persuna waħda tissejjaħ poligamija. Ġeħova ħalaq iż-​żwieġ biex ikun bejn raġel wieħed u mara waħda. F’Iżrael tal-​qedem, Alla ħalla lill-​irġiel jiżżewġu iktar minn mara waħda, imma dan ma kienx fi qbil mal-​iskop tiegħu. Illum, Ġeħova ma jridx li fost il-​poplu tiegħu jkun hemm il-​poligamija. Raġel miżżewweġ jistaʼ jkollu mara waħda biss, u mara miżżewġa jistaʼ jkollha raġel wieħed biss.—Mattew 19:9; 1 Timotju 3:2.

Kapitlu 10, paragrafu 12

 26 ID-​DIVORZJU U S-​SEPARAZZJONI

L-​iskop taʼ Ġeħova kien li raġel u mara miżżewġin jibqgħu flimkien għal kemm idumu ħajjin. (Ġenesi 2:24; Malakija 2:15, 16; Mattew 19:3-​6; 1 Korintin 7:39) Hu jippermetti d-​divorzju biss jekk isir adulterju. F’dan il-​każ, Ġeħova jagħti lill-​persuna innoċenti d-​dritt li tiddeċiedi jekk tridx tiddivorzja.—Mattew 19:9.

Xi drabi, xi Kristjani ddeċidew li jisseparaw minn mar-​raġel jew il-​mara tagħhom allavolja ma tkunx saret l-​immoralità. (1 Korintin 7:11) Dawn t’hawn taħt huma sitwazzjonijiet li fihom Kristjan jistaʼ jikkunsidra jekk iridx jissepara.

  • Raġel li minn jeddu ma jmantnix lil familtu: Meta raġel miżżewweġ jirrifjuta li jipprovdi affarijiet bżonjużi għall-​familja sal-​punt li l-​familja tispiċċa bla flus jew ikel.—1 Timotju 5:8.

  • Abbuż fiżiku estrem: Meta jkun hemm abbuż fiżiku mir-​raġel jew mill-​mara sal-​punt li s-​saħħa jew il-​ħajja tal-​persuna l-​oħra tkun fil-​periklu.—Galatin 5:19-​21.

  • Il-​ħbiberija taʼ persuna m’Alla tkun kompletament fil-​periklu: Meta r-​raġel jew il-​mara tagħmilha impossibbli għall-​persuna l-​oħra biex taqdi lil Ġeħova.—Atti 5:29.

Kapitlu 11, paragrafu 19

 27 IT-​TIFĦIR U L-​INKURAĠĠIMENT

Kulħadd għandu bżonn it-​tifħir u l-​inkuraġġiment. (Proverbji 12:25; 16:24) Aħna nistgħu nsaħħu u nfarrġu lil xulxin meta nitkellmu bi mħabba u qalb tajba. Meta nesprimu ruħna b’dan il-​mod, nistgħu ngħinu lil ħutna jkomplu jaqdu lil Ġeħova u jissaportu minkejja l-​isfidi kbar li jistaʼ jkollhom. (Proverbji 12:18; Filippin 2:1-​4) Jekk xi ħadd iħossu skuraġġit ħafna, għandna nisimgħuh b’rispett u nipprovaw nifhmu kif iħossu. Dan jistaʼ jgħinna nkunu nafu x’nistgħu ngħidu jew nagħmlu biex ngħinuh. (Ġakbu 1:19) Agħmilha mira li ssir taf lil ħutek sew biex b’hekk tkun tistaʼ tifhem verament x’għandhom bżonn. Imbagħad se tkun tistaʼ tgħinhom biex isibu l-​għajnuna vera mingħand is-​Sors taʼ kull faraġ u inkuraġġiment.—2 Korintin 1:3, 4; 1 Tessalonikin 5:11.

Kapitlu 12, paragrafu 16

 28 IT-​TIĠIJIET

Il-​Bibbja ma tagħmilx regoli speċifiċi dwar it-​tiġijiet. Id-​drawwiet u l-​liġijiet dwar it-​tiġijiet ivarjaw minn post għall-​ieħor. (Ġenesi 24:67; Mattew 1:24; 25:10; Luqa 14:8) L-​iktar parti importanti f’tieġ hi l-​wegħda li l-​koppja jagħmlu quddiem Ġeħova. Ħafna koppji jagħżlu li jkun hemm il-​ħbieb u l-​familja tagħhom preżenti waqt li jgħidu l-​wegħdi tagħhom. Ħafna jagħżlu wkoll li ħu anzjan jagħti taħdita bbażata fuq il-​Bibbja. Jekk il-​koppja jagħmlu riċeviment, hu f’idejhom li jiddeċiedu x’tip taʼ riċeviment se jagħmlu. (Luqa 14:28; Ġwanni 2:1-​11) Huma għandhom jagħmlu ċert li kull deċiżjoni li jieħdu dwar kif se jsir it-​tieġ iġġib tifħir lil Ġeħova. (Ġenesi 2:18-​24; Mattew 19:5, 6) Il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. (1 Ġwanni 2:16, 17) Jekk il-​koppja jagħżlu li jkun hemm l-​alkoħol fir-​riċeviment tagħhom, għandhom jagħmlu ċert li jkun hemm min jieħu ħsieb li l-​affarijiet imorru kif jixraq. (Proverbji 20:1; Efesin 5:18) Jekk jagħżlu li jkollhom xi entertainment jew mużika, għandhom jagħmlu ċert li dawn ma jġibux diżunur lil Ġeħova. Koppja Kristjana għandhom jiffokaw fuq ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla u dik taʼ bejniethom iktar milli fuq il-​ġurnata tat-​tieġ biss.—Proverbji 18:22; għal iktar suġġerimenti, ara t-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2006, paġni 18-​31.

Kapitlu 13, paragrafu 18

 29 NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN

Aħna rridu nieħdu deċiżjonijiet tajbin ibbażati fuq il-​prinċipji tal-​Kelma t’Alla. Pereżempju, ejja ngħidu li mara li mhix Xhud tkun tixtieq li r-​raġel tagħha, li hu Xhud, imur ikla tal-​familja magħha fiż-​żmien taʼ xi festa. Jekk int qiegħed f’din is-​sitwazzjoni, x’se tagħmel? Jekk il-​kuxjenza tippermettilek tmur, int tistaʼ tiftiehem mar-​raġel jew il-​mara tiegħek li jekk waqt l-​ikla jkun hemm xi drawwa pagana, int mhux se tieħu sehem fiha. Jekk tmur għal din l-​ikla, għandek toqgħod attent li mhux se tfixkel lil oħrajn.—1 Korintin 8:9; 10:23, 24.

Jew forsi l-​imgħallem tiegħek jixtieq itik bonus matul żmien taʼ festa. Għandek tgħidlu le? Mhux bilfors. Id-​deċiżjoni tiegħek sa ċertu punt tistaʼ tiddependi minn kif l-​imgħallem tiegħek iqis il-​bonus. Iqisu bħala parti miċ-​ċelebrazzjoni? Jew iqisu sempliċiment bħala mod kif jurik li japprezza xogħlok? Wara li tqis dan u affarijiet oħra, int se jkollok bżonn tiddeċiedi jekk taċċettahx jew le.

Inkella, xi ħadd forsi jtik rigal matul żmien taʼ festa u jgħidlek: “Naf li ma tiċċelebrax il-​festa, imma nixtieq intik dan.” Forsi din il-​persuna sempliċiment qed tkun qalbha tajba. Imma xi ngħidu jekk int qed tissuspetta li din qed tagħmel hekk apposta biex tittestja l-​fidi tiegħek jew biex tinvolvik fil-​festa? Wara li tikkunsidra dan, hu f’idejk jekk taċċettax ir-​rigal jew le. Aħna rridu li jkollna kuxjenza tajba u nkunu leali lejn Ġeħova f’kull deċiżjoni li nieħdu.—Atti 23:1.

Kapitlu 13, paragrafu 22

 30 KWISTJONIJIET LEGALI U TAʼ NEGOZJU

F’ħafna każi, jekk nirranġaw nuqqas taʼ qbil mill-​ewwel u bil-​paċi, il-​problema ma tibqax tikber. (Mattew 5:23-​26) L-​iktar ħaġa importanti għal kull Kristjan hi li jġib tifħir lil Ġeħova u jżomm l-​għaqda fil-​kongregazzjoni.—Ġwanni 13:34, 35; 1 Korintin 13:4, 5.

Jekk żewġ Kristjani jkollhom xi nuqqas taʼ qbil minħabba xi negozju, għandhom jipprovaw jirranġawh bejniethom mingħajr ma jtellgħu lil xulxin il-​qorti. Fl-​1 Korintin 6:1-​8 nsibu l-​parir taʼ Pawlu dwar il-​kawżi taʼ bejn il-​Kristjani. Li nieħdu lil ħutna l-​qorti jistaʼ jitfaʼ dell ikrah fuq Ġeħova u l-​kongregazzjoni. F’​Mattew 18:15-​17 jissemmew tliet passi li l-​Kristjani għandhom jieħdu biex jirranġaw akkużi serji bħal qlajja jew qerq. (1) Huma l-​ewwel għandhom jipprovaw jirranġaw il-​kwistjoni bejniethom. (2) Jekk dan ma jsolvix il-​problema, huma jistgħu jitolbu l-​għajnuna taʼ ħu matur jew tnejn mill-​kongregazzjoni. (3) Imbagħad, jekk il-​problema xorta tkun għada ma ssolvietx, jistgħu jgħidu lill-​ġemgħa tal-​anzjani bil-​kwistjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsiebha. Jekk is-​sitwazzjoni tasal sa dan il-​punt, l-​anzjani jużaw prinċipji tal-​Bibbja biex jipprovaw jgħinuhom jilħqu ftehim u jżommu l-​paċi. Jekk xi ħadd minnhom ma jkunx irid jimxi mal-​livelli tal-​Bibbja, jistaʼ jkun hemm bżonn li l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jieħdu azzjoni ġudizzjali.

Hemm ċerti sitwazzjonijiet fejn jistaʼ jkun hemm bżonn li tinfetaħ kawża bil-​liġi. Dawn jistgħu jinkludu divorzju, min se jieħu ħsieb it-​tfal, manteniment, ħlas mingħand l-​insurance, falliment, jew testment. Jekk Kristjan juża mezzi legali biex isolvi l-​kwistjoni bil-​paċi kemm jistaʼ, hu ma jkunx qed imur kontra l-​parir taʼ Pawlu.

Kristjan li jirrapporta kriminalità serja lill-​awtoritajiet tal-​gvern, bħal serqa kbira, stupru, abbuż fuq it-​tfal, attakk fiżiku, jew qtil, ma jkunx qed jikser il-​parir taʼ Pawlu.

Kapitlu 14, paragrafu 14

 31 IL-QERQ TAʼ SATANA

Satana ilu minn żmien il-​ġnien tal-​Għeden jipprova jqarraq bin-​nies. (Ġenesi 3:1-​6; Rivelazzjoni 12:9) Hu jaf li jekk jirnexxilu jbiddlilna l-​mod kif naħsbu, jistaʼ jinfluwenzana biex nagħmlu affarijiet ħżiena. (2 Korintin 4:4; Ġakbu 1:14, 15) Hu juża l-​politika, ir-​reliġjon, il-​kummerċ, id-​divertiment, l-​edukazzjoni, u ħafna affarijiet oħra biex iġiegħel lin-​nies jaħsbu bħalu u jaċċettaw l-​ideat tiegħu.—Ġwanni 14:30; 1 Ġwanni 5:19.

Satana jaf li ma fadallux ħafna żmien biex jidħaq bin-​nies. Allura bħalissa qed jagħmel ħiltu kollha biex ifixkel lil kemm jistaʼ jkun nies. Hu jrid ifixkel l-​iktar lil dawk li jaqdu lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 12:12) Jekk ma noqogħdux attenti, ix-​Xitan jistaʼ bil-​mod il-​mod iġegħelna nirraġunaw kif irid hu. (1 Korintin 10:12) Pereżempju, aħna nafu li Ġeħova jrid li ż-​żwiġijiet jibqgħu b’saħħithom. (Mattew 19:5, 6, 9) Imma llum, ħafna nies iqisu ż-​żwieġ bħala ftehim li jistgħu joħorġu minnu faċilment. Anki ħafna films u programmi tat-​televixin jinkuraġġixxu din l-​idea. Irridu nagħmlu ċert li jibqaʼ jkollna l-​ħarsa t-​tajba lejn iż-​żwieġ u ma niġux effettwati minn dawn l-​ideat ħżiena.

Mod ieħor kif Satana jipprova jqarraq bina hu billi jġegħelna naħsbu li m’għandna bżonn lil ħadd. (2 Timotju 3:4) Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nitilfu r-​rispett lejn dawk li Ġeħova għażel biex ikollhom l-​awtorità. Pereżempju, ħu għandu mnejn ma jaċċettax parir mingħand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Ebrej 12:5) Oħt forsi tibda taħseb li mhux raġonevoli li Ġeħova poġġa r-​raġel bħala l-​kap tal-​familja.—1 Korintin 11:3.

Għandna nkunu determinati li ma nħallux lix-​Xitan jeffettwalna ħsibijietna. Anzi, aħna rridu nimitaw il-​mod kif jaħseb Ġeħova u ‘nżommu moħħna fiss [jiġifieri ffokat] fuq l-​affarijiet taʼ fuq.’—Kolossin 3:2; 2 Korintin 2:11.

Kapitlu 16, paragrafu 9

 32 TRATTAMENT MEDIKU

Kollha kemm aħna nixtiequ nkunu f’saħħitna u li jkollna l-​aqwa kura medika meta nkunu morda. (Isaija 38:21; Marku 5:25, 26; Luqa 10:34) Illum, tobba u oħrajn joffru ħafna proċeduri u trattamenti mediċi differenti. Meta niġu biex nagħżlu trattament, ikun importanti li nżommu mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Aħna nżommu f’moħħna li s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tfejjaqna għalkollox u għal dejjem. Jekk niffokaw iżżejjed fuq saħħitna, hemm ċans kbir li nittraskuraw il-​qima tagħna lil Ġeħova.—Isaija 33:24; 1 Timotju 4:16.

Għandna noqogħdu attenti biex nevitaw kull trattament li jidher li fih il-​qawwa tad-​dimonji. (Dewteronomju 18:10-​12; Isaija 1:13) Allura qabel ma naċċettaw xi trattament jew mediċina, irridu nsiru nafu minn fejn ġej u l-​proċedura tat-​trattament biex naraw jekk għandux x’jaqsam mal-​ispiritiżmu. (Proverbji 14:15) Ma rridux ninsew li Satana jixtieq jidħaq bina u jdaħħalna fl-​ispiritiżmu. Anki jekk nissuspettaw li t-​trattament jistaʼ jkollu x’jaqsam mal-​ispiritiżmu, ikun aħjar jekk nevitawh.—1 Pietru 5:8.

Kapitlu 16, paragrafu 18

^ Xi tobba għandhom mnejn iqisu l-​erbaʼ partijiet primarji tad-​demm bħala frazzjonijiet. Allura, għandu mnejn ikollok tispjega li ddeċidejt li ma taċċettax demm sħiħ jew l-​erbaʼ partijiet primarji tiegħu, jiġifieri, ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, u plażma.