Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

“Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”

“Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”

“Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni.”—EFESIN 4:29.

1-3. (a) X’inhu wieħed mir-​rigali li tana Ġeħova? Kif nistgħu nkunu qed nużawh b’mod ħażin? (b) Kif għandna nużaw ir-​rigal tal-​abbiltà li nitkellmu?

 MISSIER jagħti rota lit-​tifel żagħżugħ tiegħu. Hu ferħan li ta dan ir-​rigal speċjali lil ibnu. Imma xi ngħidu jekk it-​tifel isuq ir-​rota bl-​addoċċ, jolqot lil xi ħadd, u jweġġgħu? Kif se jħossu l-​missier?

2 Ġeħova hu Dak li jagħti “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġakbu 1:17) Pereżempju, hu tana l-​abbiltà li nitkellmu. Dan ir-​rigal jagħmilhielna possibbli li nesprimu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħna. Aħna nistgħu ngħidu kliem li bih ngħinu lin-​nies u nġegħluhom iħossuhom aħjar. Imma dak li ngħidu jistaʼ anki jkun taʼ ħsara u jweġġagħhom.

3 Il-​kliem iħalli effett kbir, u Ġeħova jgħallimna kif għandna nużaw ir-​rigal tal-​abbiltà li nitkellmu. Hu jgħidilna: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29) Ejja naraw kif nistgħu nużaw dan ir-​rigal mingħand Alla b’mod li jogħġob lilu u li jinkuraġġixxi lil oħrajn.

OQGĦOD ATTENT X’TGĦID

4, 5. X’nistgħu nitgħallmu dwar l-​effett taʼ kliemna minn xi proverbji tal-​Bibbja?

4 Il-​kliem iħalli effett kbir fuq in-​nies, allura rridu noqogħdu attenti x’ngħidu u kif ngħiduh. Proverbji 15:4 jgħid: “Il-​kalma taʼ l-​ilsien hi siġra tal-​ħajja, imma t-​tagħwiġ tiegħu jfisser spirtu mkisser.” Meta tkun ħafna sħana, aħna nieħdu pjaċir inkunu taħt xi siġra fid-​dell. B’mod simili, jekk inkellmu n-​nies b’qalb tajba, huma se jħossuhom komdi magħna. Imma jekk nitkellmu bl-​aħrax, nistgħu nweġġgħuhom u ħadd ma jkun jixtieq jitkellem magħna.—Proverbji 18:21.

Bħalma l-ilma jiffriska siġra, kliem kalm jagħti l-kuraġġ

5 Proverbji 12:18 jgħid: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” Kliem bla ħsieb jistaʼ jwassal għal uġigħ emozzjonali u jkisser il-​ħbiberija tagħna m’oħrajn. Forsi int tiftakar meta xi ħadd kellmek b’dan il-​mod u weġġgħek ħafna. Imma Proverbji 12:18 ikompli jgħid: “Ilsien l-​għorrief hu fejqan.” Meta naħsbu qabel nitkellmu, nistgħu ngħidu affarijiet li bihom ngħinu lil xi ħadd b’qalb maqsuma u nirranġaw ħbiberiji li kienu tkissru minħabba nuqqas taʼ qbil. (Aqra Proverbji 16:24.) Jekk niftakru li kliemna jeffettwa lil oħrajn, aħna se noqogħdu attenti għal dak li ngħidu.

6. Għala mhux faċli li nikkontrollaw dak li ngħidu?

6 Raġuni oħra għala għandna noqogħdu attenti x’ngħidu hi għax aħna lkoll imperfetti. “L-​inklinazzjoni taʼ qalb il-​bniedem hi ħażina,” u kliemna spiss juri x’hemm f’qalbna. (Ġenesi 8:21; Luqa 6:45) Jistaʼ jkun diffiċli ħafna li nikkontrollaw dak li ngħidu. (Aqra Ġakbu 3:2-​4.) Imma rridu nkomplu nipprovaw intejbu l-​mod kif inkellmu lil oħrajn.

7, 8. Kliemna kif jistaʼ jeffettwa l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

7 Irridu noqogħdu attenti għal kliemna anki minħabba li rridu nagħtu kont lil Ġeħova għal dak li ngħidu u kif ngħiduh. Ġakbu 1:26 jgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa.” Il-​kelma oriġinali li ġiet tradotta “fiergħa” tistaʼ tfisser ukoll “ma tiswa xejn.” (1 Korintin 15:17) Allura jekk nitkellmu bl-​addoċċ, aħna nistgħu ndgħajfu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u saħansitra nkissruha.—Ġakbu 3:8-​10.

8 Biċ-​ċar, għandna raġunijiet tajbin għala noqogħdu attenti għal dak li ngħidu u kif ngħiduh. Sabiex nużaw l-​abbiltà li nitkellmu bil-​mod kif jixtieqna Ġeħova, għandna nkunu nafu liema tip taʼ kliem irridu nevitaw.

KLIEM LI JISKURAĠĠIXXI

9, 10. (a) Liema tip taʼ kliem hu komuni ħafna llum? (b) Aħna għala ma nużawx kliem maħmuġ?

9 Illum, hu komuni ħafna li n-​nies jgħidu kliem oxxen, jiġifieri maħmuġ. Ħafna jaħsbu li jridu jidgħu jew jużaw kliem ħamallu biex iwasslu l-​punt tagħhom. Il-​kummidjanti spiss jużaw ċajt doppju sens u kliem ħamallu biex idaħħqu n-​nies. Però, l-​appostlu Pawlu qal: “Qisu li twarrbuhom kollha, il-​korla, ir-​rabja, il-​ħażen, it-​tgħajjir, u l-​kliem oxxen minn fommkom.” (Kolossin 3:8) Hu qal ukoll li “ċajt oxxen” ‘lanqas biss għandu jissemmaʼ fost’ il-​Kristjani veri.—Efesin 5:3, 4.

10 Kliem oxxen idejjaq lil Ġeħova u lin-​nies tiegħu. Dan il-​kliem mhuwiex nadif. Fil-​Bibbja, “in-​nuqqas taʼ ndafa” hu parti mill-​“għemejjel tal-​laħam.” (Galatin 5:19-​21) “In-​nuqqas taʼ ndafa” jistaʼ jinkludi ħafna tipi taʼ dnubiet, u vizzju ħażin jistaʼ jwassal għal ieħor. Jekk persuna tiħodha drawwa li tgħid kliem maħmuġ ħafna u ma tkunx trid tieqaf, dan jistaʼ jkun sinjal li m’għandhiex tibqaʼ tagħmel parti mill-​kongregazzjoni.—2 Korintin 12:21; Efesin 4:19; Ara n-​Nota numru 23 fl-​aħħar.

11, 12. (a) Konversazzjoni dwar xi ħadd ieħor kif tistaʼ twassal għal gossip li jagħmel il-​ħsara? (b) Għala għandna nevitaw li nigdbu dwar xi ħadd?

11 Aħna rridu nevitaw ukoll gossip li jagħmel il-​ħsara. Hu normali li nkunu interessati f’oħrajn u li nitkellmu dwar sħabna u l-​familja tagħna. Anki fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani tal-​bidu xtaqu jkunu jafu kif ħuthom kienu sejrin u x’setgħu jagħmlu biex jgħinuhom. (Efesin 6:21, 22; Kolossin 4:8, 9) Imma konversazzjonijiet dwar nies oħra malajr jistgħu jinbidlu f’gossip li jagħmel il-​ħsara. Jekk nirrepetu l-​gossip li nisimgħu dwar xi ħadd, nistgħu nkunu qed ngħidu affarijiet li mhumiex veri jew li għandhom jinżammu privati. Jekk ma noqogħdux attenti, dan il-​kliem negattiv jistaʼ jwassal għal qlajjiet jew gideb. Il-​Fariżej gidbu dwar Ġesù meta qalu li għamel affarijiet li fir-​realtà ma kienx għamilhom. (Mattew 9:32-​34; 12:22-​24) Il-​gideb dwar oħrajn jagħmel ħsara għar-​reputazzjoni tagħhom, iwassal għal argumenti u wġigħ, u jkisser il-​ħbiberiji.—Proverbji 26:20.

12 Ġeħova jixtieqna nużaw kliemna biex ngħinu u ninkuraġġixxu lil oħrajn, u mhux biex niksruha minn magħhom. Ġeħova jobgħod lil “kulmin jaqlaʼ l-​ġlied fost l-​aħwa.” (Proverbji 6:16-​19) L-​ewwel wieħed li qalaʼ l-​gideb fuq xi ħadd ieħor kien Satana x-​Xitan, li gideb dwar Alla. (Rivelazzjoni 12:9, 10) Fid-​dinja tal-​lum, hu komuni li n-​nies jigdbu fuq oħrajn. Imma dan m’għandux isir fost il-​Kristjani. (Galatin 5:19-​21) Allura għandna noqogħdu attenti x’ngħidu u dejjem naħsbu qabel nitkellmu. Qabel ma tirrepeti xi ħaġa li smajt fuq xi ħadd, staqsi lilek innifsek: ‘Huwa veru dak li se ngħid? Se nkun qed nuri qalb tajba b’dak li ngħid? Huwa t’għajnuna? Nixtieq li l-​persuna l-​oħra tismaʼ dak li se ngħid fuqha? Kif inħossni kieku xi ħadd jgħid l-​istess kliem fuqi?’—Aqra l-1 Tessalonikin 4:11.

13, 14. (a) Kliem offensiv kif jistaʼ jeffettwa lil oħrajn? (b) X’inhu ż-​żebliħ? Kristjan għala m’għandux iżeblaħ lil ħaddieħor?

13 Xi drabi, ilkoll ngħidu kliem li iktar tard jiddispjaċina li nkunu għednieh. Imma ma rridux niħduha drawwa li mmaqdru jew ngħidu kliem li jkisser lil ħaddieħor. It-​tgħajjir m’għandux ikun parti minn ħajjitna. Pawlu qal: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Efesin 4:31) Xi Bibbji jittraduċu “t-​tgħajjir” bħala “kliem kattiv,” “kliem li jweġġaʼ,” u “kliem offensiv.” Kliem offensiv inaqqas id-​dinjità taʼ dak li jkun u jġiegħlu jħossu ma jiswa għal xejn. Dan il-​kliem iweġġaʼ b’mod speċjali lit-​tfal, allura rridu noqogħdu attenti ħafna kif inkellmuhom.—Kolossin 3:21.

14 Il-​Bibbja twissina dwar wieħed mill-​agħar tipi taʼ kliem offensiv—iż-​żebliħ. Li wieħed iżeblaħ jew imaqdar ifisser li kontinwament joffendi lil oħrajn bl-​intenzjoni li jweġġagħhom. Kemm tkun xi ħaġa kerha jekk xi ħadd jittratta lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ jew lit-​tfal b’dan il-​mod! Fil-​fatt, persuna li ma tkunx trid tieqaf milli tgħid kliem bħal dan, ma tibqax tikkwalifika biex tkun parti mill-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:11-​13; 6:9, 10) Bħalma tgħallimna, jekk ngħidu kliem maħmuġ, kliem li mhux veru, jew kliem li jweġġaʼ, se nagħmlu ħsara lir-​relazzjoni tagħna m’Alla u m’oħrajn.

KLIEM LI JINKURAĠĠIXXI

15. Liema tip taʼ kliem isaħħaħ il-​ħbiberiji?

15 Kif nistgħu nużaw l-​abbiltà li nitkellmu bil-​mod kif jixtieqna Ġeħova? Il-​Bibbja ma tgħidilniex bl-​eżatt x’għandna jew x’m’għandniex ngħidu. Imma tgħidilna biex ngħidu biss “dak li hu tajjeb biex jibni.” (Efesin 4:29) Kliem li jibni, jew jinkuraġġixxi, hu nadif, veru, u jirrifletti qalb tajba. Ġeħova jixtieq li nużaw kliemna biex ninkuraġġixxu u ngħinu lil oħrajn. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida għax li ngħidu affarijiet pożittivi hu iktar diffiċli milli ngħidu affarijiet bl-​addoċċ u li jweġġgħu. (Titu 2:8) Ejja niddiskutu xi modi kif nistgħu ninkuraġġixxu lil ħaddieħor bi kliemna.

16, 17. (a) Għala għandna nfaħħru lil oħrajn? (b) Lil min nistgħu nfaħħru?

16 Ġeħova u Ġesù jfaħħru lil oħrajn b’mod ġeneruż. Aħna rridu nimitawhom. (Mattew 3:17; 25:19-​23; Ġwanni 1:47) Sabiex verament ninkuraġġixxu lil oħrajn meta nfaħħruhom, irridu naħsbu sew dwar dak li se ngħidu u nieħdu interess personali fihom. Proverbji 15:23 jgħid: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!” Aħna niġu inkuraġġiti meta xi ħadd ifaħħarna b’mod sinċier għax-​xogħol iebes tagħna jew juri apprezzament għal xi ħaġa li nkunu għamilna.—Aqra Mattew 7:12; ara n-​Nota numru 27 fl-​aħħar.

17 Jekk tiħodha drawwa li tfittex it-​tajjeb f’ħaddieħor, se jkun iktar faċli li tfaħħarhom b’mod sinċier. Pereżempju, forsi tinnota li xi ħadd fil-​kongregazzjoni pprepara tajjeb għal taħdita jew għamel sforz biex jikkummenta fil-​laqgħa. Tifel jew tifla forsi ħadet deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova l-​iskola, jew xi ħadd kbir fl-​età joħroġ regolarment fil-​ministeru. Il-​kliem tiegħek t’apprezzament jistaʼ jkun eżatt dak li jkollhom bżonn. Barra minn hekk, hu importanti ħafna li raġel jgħid lil martu li jħobbha u japprezzaha. (Proverbji 31:10, 28) Bħalma pjanta għandha bżonn id-​dawl tax-​xemx u l-​ilma, in-​nies għandhom bżonn iħossu li huma apprezzati. It-​tfal, b’mod speċjali, għandhom bżonn iħossu li oħrajn japprezzawhom. Fittex modi kif tistaʼ tfaħħarhom għall-​kwalitajiet tajbin tagħhom u l-​isforzi li jagħmlu. Meta nfaħħruhom, nistgħu ngħinuhom irabbu iktar kuraġġ u fiduċja, u b’hekk jagħmlu iktar sforz biex jagħmlu dak li hu tajjeb.

Aħna nistgħu ninkuraġġixxu u nfarrġu lil oħrajn b’dak li ngħidu u kif ngħiduh

18, 19. (a) Għala għandna nagħmlu ħilitna biex ninkuraġġixxu u nfarrġu lil oħrajn? (b) Kif nistgħu ninkuraġġixxu u nfarrġu lil oħrajn?

18 Meta ninkuraġġixxu u nfarrġu lil oħrajn, aħna nkunu qed nimitaw lil Ġeħova. Hu jinteressah ħafna mill-​“umli” u minn dawk li jħossuhom “imfarrkin.” (Isaija 57:15) Ġeħova jridna ‘nibqgħu nfarrġu lil xulxin’ u ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:11, 14) Ġeħova jinnota u japprezza l-​isforzi tagħna biex nagħmlu dan.

19 Forsi tinnota li xi ħadd fil-​kongregazzjoni hu skuraġġit jew dipress. X’tistaʼ tgħid biex tgħinu? Forsi ma tistax issolvilu l-​problema, imma tistaʼ turih li jinteressak minnu. Pereżempju, int tistaʼ twarrab ftit ħin biex tkun miegħu. Tistaʼ taqralu vers inkuraġġanti mill-​Bibbja jew toffri li tgħid talba miegħu. (Salm 34:18; Mattew 10:29-​31) Fakkru li l-​aħwa tal-​kongregazzjoni jħobbuh. (1 Korintin 12:12-​26; Ġakbu 5:14, 15) U tkellem b’mod konvinċenti u minn qalbek.—Aqra Proverbji 12:25.

20, 21. X’inhu li jagħmilha iktar faċli għal oħrajn biex jaċċettaw parir?

20 Mod ieħor kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn hu billi ntuhom pariri tajbin. Bħala nies imperfetti, ilkoll ikollna bżonn il-​pariri minn żmien għall-​ieħor. Proverbji 19:20 jgħid: “Ismaʼ mill-​pariri u aċċetta d-​dixxiplina, sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-​futur tiegħek.” Mhux l-​anzjani tal-​kongregazzjoni biss jistgħu jagħtu suġġeriment jew parir. Il-​ġenituri għandhom jiggwidaw lil uliedhom. (Efesin 6:4) U l-​aħwa nisa jistgħu jagħtu pariri tajbin lil xulxin. (Titu 2:3-​5) Minħabba li nħobbu lil ħutna, aħna rridu nagħmlu ċert li l-​mod kif nagħtu parir mhux se jiskuraġġihom. X’jistaʼ jgħinna?

21 Forsi int tiftakar xi każ meta xi ħadd tak parir tajjeb b’mod li kien faċli biex taċċettah. X’kien li għamel il-​parir daqshekk effettiv? Probabbli int ħassejt li l-​persuna kien jimpurtaha minnek ġenwinament. Jew forsi din tkellmet bi mħabba u qalb tajba. (Kolossin 4:6) U wisq probabbli, il-​parir kien ibbażat fuq il-​Bibbja. (2 Timotju 3:16) Kemm jekk nikkwotaw direttament mill-​Bibbja u kemm jekk le, irid ikun hemm bażi Skritturali għal kull parir li nagħtu. Ħadd m’għandu jisforza lil xi ħadd biex ikollu l-​istess opinjoni tiegħu. U ħadd m’għandu japplika b’mod ħażin l-​iskritturi biex jappoġġa l-​ideat tiegħu stess. Il-​fatt li tiftakar il-​mod kif oħrajn taw parir lilek jistaʼ jgħinek meta tiġi biex tagħti parir lil ħaddieħor.

22. Kif tixtieq tuża r-​rigal tal-​abbiltà li titkellem?

22 L-​abbiltà li nitkellmu hi rigal mingħand Alla. Imħabbitna għalih għandha timmotivana biex nużaw dan ir-​rigal sew. Ftakar li l-​kliem jistaʼ jibni jew ikisser lil ħaddieħor. Għalhekk, ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninkuraġġixxu u nsaħħu lil oħrajn bi kliemna.