Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 15

Agħmel ix-xogħol bil-ferħ

Agħmel ix-xogħol bil-ferħ

“Kull bniedem għandu . . . jgawdi affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tiegħu.”—EKKLEŻJASTI 3:13.

1-3. (a) Ħafna nies kif iħossuhom dwar xogħolhom? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

 NIES minn madwar id-​dinja jaħdmu iebes biex imantnu lilhom infushom u lill-​familja. Ħafna għandhom xogħol li ma jogħġobhomx, u xi wħud hi l-​qatla tagħhom imorru għax-​xogħol. Jekk tħossok b’dan il-​mod, x’tistaʼ tagħmel biex tkun iktar kuntent f’xogħlok? Kif tistaʼ tħossok tajjeb dwar ix-​xogħol li tagħmel?

2 Ġeħova jgħidilna: “Kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-​għotja t’Alla.” (Ekkleżjasti 3:13) Ġeħova ħalaqna bil-​bżonn u x-​xewqa li naħdmu. Hu jixtieq li nħossuna tajjeb dwar dak li nagħmlu.—Aqra Ekkleżjasti 2:24; 5:18.

3 Allura, x’jistaʼ jgħinna biex inkunu kuntenti f’xogħolna? Kristjan x’tip taʼ xogħol għandu jevita? Kif nistgħu nsibu bilanċ bejn ix-​xogħol u l-​qima tagħna lil Ġeħova? U x’inhu l-​iktar xogħol importanti li nistgħu nagħmlu?

L-​AQWA ŻEWĠ ĦADDIEMA

4, 5. Ġeħova kif iqis ix-​xogħol?

4 Ġeħova stess iħobb jaħdem. Ġenesi 1:1 jgħid: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” Wara li Alla lesta d-​dinja u kulma hemm fiha, hu qal li dak li ħalaq kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Il-​Ħallieq tagħna kien sodisfatt b’dak li għamel.—1 Timotju 1:11.

5 Ġeħova qatt ma jieqaf jaħdem. Ġesù qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa.” (Ġwanni 5:17) Għalkemm ma nafux dwar kull ħaġa mill-​isbaħ li Ġeħova għamel matul is-​snin, hemm xi affarijiet li nafu dwarhom. Pereżempju, parti mix-​xogħol kien li jagħżel lil dawk li se jmexxu maʼ Ibnu, Ġesù, fis-​Saltna tas-​sema. (2 Korintin 5:17) Barra minn hekk, Ġeħova qed jiggwida u jieħu ħsieb lill-​bnedmin. Grazzi għax-​xogħol tal-​ippritkar li qed isir madwar id-​dinja, miljuni taʼ nies qed isiru jafu lil Ġeħova u jkollhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fil-​ġenna tal-​art.—Ġwanni 6:44; Rumani 6:23.

6, 7. X’tip taʼ ħaddiem hu Ġesù?

6 Bħal Missieru, Ġesù wkoll iħobb jaħdem. Qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù ħadem m’Alla bħala “ħaddiem tas-​sengħa.” Flimkien, huma ħalqu kull ħaġa fis-​sema u fuq l-​art. (Proverbji 8:22-​31; Kolossin 1:15-​17) Ġesù kompla jaħdem iebes anki waqt li kien fuq l-​art. Bħala żagħżugħ, hu sar mastrudaxxa tas-​sengħa. Hu x’aktarx għamel travi għas-​soqfa tad-​djar, bibien, imwejjed u siġġijiet. Ġesù tant sar tajjeb f’xogħlu li kien magħruf bħala “l-​mastrudaxxa.”—Marku 6:3.

7 Minkejja dan, l-​iktar xogħol importanti għal Ġesù meta kien fuq l-​art kien li jipprietka l-​aħbar tajba u jgħallem lin-​nies dwar Ġeħova. Matul it-​tliet snin u nofs li kellu biex ilesti l-​ministeru tiegħu, hu ħadem iebes minn kmieni filgħodu sa tard billejl. (Luqa 21:37, 38; Ġwanni 3:2) Ġesù mexa mijiet taʼ kilometri f’toroq kollha trab biex jitkellem dwar l-​aħbar tajba maʼ kemm jistaʼ jkun nies.—Luqa 8:1.

8, 9. Ġesù għala ħa pjaċir fix-​xogħol tiegħu?

8 Għal Ġesù, li jagħmel ix-​xogħol li tah Alla kien bħall-​ikel. Dan ix-​xogħol tah is-​saħħa u l-​enerġija. Kien hemm ġranet fejn Ġesù tant ħadem li lanqas biss waqaf biex jiekol. (Ġwanni 4:31-​38) Hu uża kull opportunità biex jgħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Missieru. Allura, hu setaʼ jgħid lil Ġeħova: “Jien igglorifikajtek fuq l-​art, billi temmejt ix-​xogħol li tajtni nagħmel.”—Ġwanni 17:4.

9 Jidher ċar li kemm Ġeħova u kemm Ġesù jaħdmu iebes ħafna u jħossuhom ferħanin u sodisfatti b’xogħolhom. Aħna rridu ‘nimitaw lil Alla,’ u ‘nimxu mill-​qrib wara l-​passi’ taʼ Ġesù. (Efesin 5:1; 1 Pietru 2:21) Huwa għalhekk li nipprovaw naħdmu iebes u nagħtu l-​aħjar f’dak kollu li nagħmlu.

KIF GĦANDNA NQISU XOGĦOLNA?

10, 11. X’jistaʼ jgħinna biex ikollna attitudni pożittiva dwar xogħolna?

10 Bħala n-​nies taʼ Ġeħova, aħna naħdmu iebes biex immantnu lilna nfusna u l-​familja tagħna. Aħna nixtiequ nħossuna tajbin dwar xogħolna, imma dan jistaʼ jkun diffiċli. Allura x’nistgħu nagħmlu jekk ma niħdux pjaċir fix-​xogħol tagħna?

Attitudni pożittiva tistaʼ tgħinna nieħdu iktar pjaċir bi kwalunkwe xogħol li jkollna

11 Żomm attitudni pożittiva. Għalkemm forsi ma nistgħux nibdlu x-​xogħol jew kemm naħdmu, nistgħu nibdlu l-​attitudni tagħna. Li nifhmu dak li Ġeħova jistenna minna jistaʼ jgħinna. Pereżempju: Ġeħova jistenna li l-​kap tal-​familja jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ familtu bl-​aħjar mod li jistaʼ. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li min ma jipprovdix għall-​familja “jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Jekk int kap taʼ familja, se taħdem iebes biex tmantni l-​familja tiegħek. Kemm jekk ix-​xogħol li għandek jogħġbok u kemm jekk le, inti taf li meta tipprovdi għall-​familja tkun qed togħġob ukoll lil Ġeħova.

12. Kif ikun taʼ benefiċċju għalina jekk inkunu biżlin u onesti?

12 Kun bieżel u onest. Dan jistaʼ jagħmilha iktar faċli għalik biex tieħu pjaċir fix-​xogħol tiegħek. (Proverbji 12:24; 22:29) Raġuni waħda hi għax dan se jgħin biex l-​imgħallem tiegħek jafdak. Dawk li jimpjegaw in-​nies iqisu l-​onestà tal-​ħaddiema tagħhom bħala xi ħaġa importanti għax b’hekk mhux se jiskartaw jew jisirqu mill-​flus u l-​oġġetti. (Efesin 4:28) Iktar importanti minn hekk, Ġeħova jkun jaf meta nkunu biżlin u onesti. Int jistaʼ jkollok “kuxjenza onesta,” jew nadifa, għax taf li qed togħġob lill-​Alla li tħobb.—Ebrej 13:18; Kolossin 3:22-​24.

13. X’jistaʼ jiġri jekk inkunu onesti fuq ix-​xogħol?

13 Ftakar li l-​mod kif iġġib ruħek jistaʼ jġib tifħir lil Ġeħova. Dan jagħtina raġuni oħra biex inħossuna tajjeb dwar xogħolna. (Titu 2:9, 10) Apparti minn hekk, xi ħadd minn sħabek tax-​xogħol jistaʼ jkun irid jistudja l-​Bibbja minħabba l-​eżempju tajjeb tiegħek.—Aqra Proverbji 27:11; l-1 Pietru 2:12.

X’TIP TAʼ XOGĦOL GĦANDI NAGĦŻEL?

14-16. Xi rridu nikkunsidraw meta niġu biex nagħżlu xogħol?

14 Il-​Bibbja ma fihiex lista taʼ xogħlijiet li Kristjan għandu jagħżel jew jevita. Imma din fiha prinċipji li jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar ix-​xogħol. (Proverbji 2:6) Il-​prinċipji tal-​Bibbja se jgħinuna biex nikkunsidraw il-​mistoqsijiet li ġejjin.

Fittex xogħol li ma jmurx kontra l-​livelli taʼ Ġeħova

15 Dan ix-​xogħol jitlob li nagħmel xi ħaġa li għal Ġeħova hi ħażina? Aħna tgħallimna dwar affarijiet li Ġeħova jobgħod, bħas-​serq u l-​gideb. (Eżodu 20:4; Atti 15:29; Efesin 4:28; Rivelazzjoni 21:8) Allura aħna noqogħdu attenti biex nevitaw kwalunkwe xogħol li jmur kontra dak li jħobb Ġeħova.—Aqra l-1 Ġwanni 5:3.

16 Dan ix-​xogħol jappoġġa jew jinkuraġġixxi xi ħaġa li Ġeħova jobgħod? Pereżempju, li taħdem bħala bennej ma fiha xejn ħażin. Imma xi ngħidu jekk tiġi mitlub taħdem fuq bini taʼ knisja? Għalkemm mhux se tkun involut direttament f’li tgħallem affarijiet foloz, inti taf li Alla jobgħod it-​tagħlim falz li jiġi mgħallem fil-​knisja. Allura jekk tagħmel dan ix-​xogħol, ma tkunx int qed tinkuraġġixxi li jiġu mgħallmin affarijiet foloz dwar il-​Bibbja?—Rivelazzjoni 18:4.

17. X’jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Alla?

17 Billi nużaw il-​prinċipji tal-​Bibbja, aħna nistgħu nkunu t-​tip taʼ nies deskritti f’​Ebrej 5:14, “dawk li bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” Staqsi lilek innifsek: ‘Jekk naċċetta dan ix-​xogħol, se nfixkel lil oħrajn? Dan ix-​xogħol jitlob li mmur ngħix ’il bogħod mir-​raġel jew il-​mara u t-​tfal tiegħi? Dan kif se jeffettwahom?’

‘AĊĊERTAW RUĦKOM MINN DAK LI HU IKTAR IMPORTANTI’

18. Għala jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu ffokati fuq il-​qima tagħna lil Alla?

18 Jistaʼ jkun diffiċli li npoġġu l-​qima tagħna lil Ġeħova l-​ewwel matul dawn iż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Li ssib xogħol u żżommu jistaʼ jkun diffiċli ħafna. Għalkemm hemm bżonn li nipprovdu għall-​familja tagħna, nafu li l-​qima lil Ġeħova trid tiġi l-​ewwel. Il-​flus u l-​affarijiet li nistgħu nixtru bihom m’għandhomx isiru importanti wisq għalina. (1 Timotju 6:9, 10) Allura kif nistgħu ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti’ u fl-​istess ħin nipprovdu għall-​familja?—Filippin 1:10.

19. X’se jgħinna biex ikollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol?

19 Afda għalkollox f’Ġeħova. (Aqra Proverbji 3:5, 6.) Aħna nafu li Alla jaf eżatt x’għandna bżonn u li jimpurtah ħafna minna. (Salm 37:25; 1 Pietru 5:7) Il-​Kelma tiegħu tgħidilna: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’” (Ebrej 13:5) Ġeħova ma jridx li noqogħdu ninkwetaw il-​ħin kollu dwar li nipprovdu għall-​familja. Għal darba wara l-​oħra, hu wera li jistaʼ jipprovdi għall-​bżonnijiet tan-​nies tiegħu. (Mattew 6:25-​32) Hi x’inhi s-​sitwazzjoni tagħna rigward ix-​xogħol, aħna nistudjaw il-​Kelma t’Alla regolarment, nippritkaw l-​aħbar tajba, u nattendu l-​laqgħat Kristjani tagħna.—Mattew 24:14; Ebrej 10:24, 25.

20. Kif nistgħu nżommu ħajjitna sempliċi?

20 Żomm għajn sempliċi. (Aqra Mattew 6:22, 23.) Dan ifisser li nżommu ħajjitna sempliċi biex inkunu nistgħu niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova. Aħna nafu li ma jagħmilx sens li nħallu l-​flus, ħajja komda, jew l-​affarijiet tal-​aħħar teknoloġija jsiru iktar importanti mill-​ħbiberija tagħna m’Alla. Allura x’se jgħinna biex inpoġġu l-​iktar affarijiet importanti l-​ewwel? Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex ma nidħlux fid-​dejn. Jekk int diġà għandek id-​dejn, agħmel pjan prattiku biex tnaqqsu jew tħallsu kollu. Jekk ma noqogħdux attenti, il-​flus u l-​affarijiet li nixtru bihom jistgħu jiħdulna ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tagħna, u ma jkollniex biżżejjed ħin biex nitolbu, nistudjaw, jew nippritkaw. Minflok ma nħallu l-​flus u oġġetti oħra jikkumplikaw ħajjitna, irridu nitgħallmu nkunu kuntenti bl-​affarijiet taʼ kuljum, bħall-​ikel u l-​ħwejjeġ. (1 Timotju 6:8) Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, ikun tajjeb li minn żmien għal żmien naraw x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna ħalli naraw jekk nistgħux inqattgħu iktar ħin f’li naqdu lil Ġeħova.

21. Għala hemm bżonn niddeċiedu xi npoġġu l-​ewwel f’ħajjitna?

21 Kun af x’għandu jiġi l-​ewwel. Irridu nużaw il-​ħin, l-​enerġija, u dak kollu li għandna bil-​għaqal. Jekk ma noqogħdux attenti, affarijiet inqas importanti, bħall-​edukazzjoni jew il-​flus, jistgħu jiħdulna ħafna mill-​ħin prezzjuż tagħna. Ġesù qal: “Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna.” (Mattew 6:33) L-​għażliet li nagħmlu, id-​drawwiet tagħna, ir-​rutina taʼ kuljum, u l-​miri tagħna kollha jikxfu x’hemm l-​ewwel f’qalbna.

L-​IKTAR XOGĦOL IMPORTANTI LI NISTGĦU NAGĦMLU

22, 23. (a) X’inhu l-​iktar xogħol importanti li jistaʼ jkollna bħala Kristjani? (b) X’se jgħinna ngawdu x-​xogħol tagħna?

22 L-​iktar xogħol importanti li għandna hu li naqdu lil Ġeħova u nippritkaw l-​aħbar tajba lil oħrajn. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Bħal Ġesù, aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu f’dan ix-​xogħol. Xi wħud marru jgħixu f’post fejn hemm iktar bżonn fix-​xogħol tal-​ippritkar. Oħrajn qed jitgħallmu lingwa barranija biex ikunu jistgħu jaqsmu l-​messaġġ maʼ iktar nies. Għala ma titkellimx magħhom u tistaqsihom kif sejrin? Int se ssir taf li saru iktar ferħanin u għandhom iktar skop f’ħajjithom.—Aqra Proverbji 10:22.

L-iktar xogħol importanti li nistgħu nagħmlu hu li naqdu lil Ġeħova

23 Illum, ħafna minna jkollhom jaħdmu sigħat twal jew ikollhom iktar minn xogħol wieħed sempliċiment biex jipprovdu għall-​bżonnijiet bażiċi tal-​familja. Ġeħova jafu dan, u hu japprezza kulma nagħmlu biex nieħdu ħsieb il-​familja tagħna. Għalhekk, ejja nkomplu nimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù billi naħdmu iebes hu x’inhu x-​xogħol li nagħmlu. U jalla niftakru li l-​iktar xogħol importanti li għandna hu li naqdu lil Ġeħova u nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Dan se jtina ferħ veru.