Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 9

Aħrab mill-immoralità sesswali!

Aħrab mill-immoralità sesswali!

“Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína [jiġifieri “l-​immoralità sesswali”], in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.”—KOLOSSIN 3:5.

1, 2. Balgħam kif ipprova jagħmel ħsara lin-​nies taʼ Ġeħova?

 SAJJIED imur jistad f’post fejn jistaʼ jsib il-​ħut li jixtieq jaqbad. Hu jagħżel il-​lixka, jiġifieri l-​ikel li se juża mas-​sunnara, imbagħad jibda jistad u jistenna bil-​paċenzja. Meta l-​ħuta tmur għall-​ikel taʼ mas-​sunnara, is-​sajjied jiġbed il-​qasba lejh u jtellaʼ l-​ħuta.

2 In-​nies jistgħu jinqabdu f’nassa bħalma l-​ħut jinqabad bil-​lixka. Pereżempju, ftit qabel ma l-​Iżraelin waslu fl-​Art Imwiegħda, huma kkampjaw fid-​deżert taʼ Mowab. Is-​sultan taʼ Mowab wiegħed lil wieħed raġel jismu Balgħam, li jekk jirnexxilu jagħmel ħsara lin-​nies t’Iżrael, itih somma flus. Eventwalment, Balgħam sab mod kif iġiegħel lill-​Iżraelin jitfgħu l-​ġebla fuq saqajhom. Hu ħaddem moħħu meta għażel il-​lixka jew in-​nassa li se juża. Hu bagħat nisa żgħażagħ Mowabin fil-​kampijiet t’Iżrael biex iħajru lill-​irġiel ikollhom relazzjonijiet sesswali magħhom.—Numri 22:1-7; 31:15, 16; Rivelazzjoni 2:14.

3. L-​Iżraelin kif inqabdu fin-​nassa taʼ Balgħam?

3 Kienet effettiva n-​nassa taʼ Balgħam? Iva. Eluf taʼ rġiel Iżraelin kellhom “relazzjonijiet immorali mal-​bniet taʼ Mowab.” Huma saħansitra bdew iqimu allat foloz, fosthom lil Bagħal taʼ Pegħor, alla moqżież tas-​sess. B’hekk, 24,000 raġel Iżraeli miet eżatt ħdejn l-​Art Imwiegħda.—Numri 25:1-​9.

4. Eluf taʼ Iżraelin għala beda jkollhom relazzjonijiet immorali?

4 Għala kien hemm dawn l-​irġiel kollha li waqgħu għall-​pjan taʼ Balgħam? Huma kienu qed jaħsbu biss f’li jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom stess, u nsew dak kollu li Ġeħova kien għamel magħhom. L-​Iżraelin kellhom ħafna raġunijiet għala jkunu leali lejn Alla. Hu kien ħelishom milli jibqgħu skjavi fl-​Eġittu, temagħhom fid-​deżert, u wassalhom qawwijin u sħaħ ħdejn l-​Art Imwiegħda. (Ebrej 3:12) Imma huma xorta tħajru u waqgħu għall-​immoralità sesswali. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Lanqas nipprattikaw iż-​żína, kif żnew xi wħud minnhom, u spiċċaw biex waqgħu mejtin.”—1 Korintin 10:8.

5, 6. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara fid-​deżert taʼ Mowab?

5 Id-​dinja l-​ġdida hi qrib ħafna. Allura, sa ċertu punt, aħna qisna l-​Iżraelin meta kienu ħdejn l-​Art Imwiegħda. (1 Korintin 10:11) Bħalissa, in-​nies huma iktar moħħhom fis-​sess milli kienu l-​Mowabin. Din l-​attitudni tistaʼ faċilment teffettwa n-​nies taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, l-​immoralità sesswali hi l-​iktar nassa effettiva li juża x-​Xitan.—Numri 25:6, 14; 2 Korintin 2:11; Ġuda 4.

6 Staqsi lilek innifsek, ‘Xi jkun l-​aħjar, li nissodisfa x-​xewqa egoista tiegħi għal ħin qasir, jew li ngħix ferħan għal dejjem f’ġenna tal-​art?’ Ma taħsibx li jaqblilna nagħmlu kull sforz biex nobdu l-​kmand taʼ Ġeħova u naħarbu mill-​immoralità sesswali?—1 Korintin 6:18.

X’INHI L-​IMMORALITÀ SESSWALI?

7, 8. X’inhi l-​immoralità sesswali? Għala hi ħaġa serja?

7 Illum, ħafna nies għandhom kondotta laxka, jiġifieri attitudni bla mistħija. Huma ma jiddejqux juru diżrispett lejn il-​liġijiet t’Alla dwar is-​sess. Fil-​Bibbja, l-​immoralità sesswali tirreferi għal attività sesswali bejn żewġ persuni li mhumiex miżżewġin skont kif jixtieq Alla. L-​immoralità sesswali tinkludi wkoll attività sesswali bejn nies tal-​istess sess u bejn in-​nies u l-​annimali. Attività sesswali tistaʼ tkun relazzjoni sesswali, sess orali, sess anali, jew li wieħed imiss il-​partijiet privati taʼ xi ħadd ieħor b’mod sesswali. Għalkemm dan is-​suġġett jistaʼ jkun ftit imbarazzanti, hu importanti li niddiskutuh u nifhmuh ħalli nkunu nistgħu nevitaw dak li Ġeħova jobgħod.—Ara n-​Nota numru 23 fl-​aħħar.

8 Il-​Bibbja tagħmilha ċara li jekk xi ħadd ikompli jagħmel l-​immoralità sesswali, ma jistax jibqaʼ jagħmel parti mill-​kongregazzjoni. (1 Korintin 6:9; Rivelazzjoni 22:15) Barra minn hekk, persuna immorali titlef ir-​rispett lejha nfisha u l-​fiduċja t’oħrajn. L-​immoralità dejjem iġġib il-​problemi. Ġeneralment, din iġġiegħel lil dak li jkun iħossu ħati u spiss iġġib tqala mhux mixtieqa, problemi fiż-​żwieġ, mard, jew saħansitra mewt. (Aqra Galatin 6:7, 8.) Jekk persuna tieqaf ftit u taħseb dwar il-​konsegwenzi tal-​immoralità, probabbli ma tkunx tixtieq tagħmilha. Imma spiss, in-​nies jaħsbu biss dwar li jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom stess, u b’hekk jieħdu l-​ewwel pass lejn l-​immoralità. Ħafna drabi, l-​ewwel pass ikun il-​pornografija.

PORNOGRAFIJA—PASS LEJN L-​IMMORALITÀ

9. Il-​pornografija għala hi perikoluża?

9 Il-​pornografija hi ddisinjata biex tqanqal xewqat sesswali. Illum, il-​pornografija tinsab kullimkien—fir-​rivisti, kotba, mużika, programmi tat-​televixin, kif ukoll fuq l-​Internet. Ħafna jħossu li l-​pornografija mhix taʼ ħsara, imma fir-​realtà din hi perikoluża ħafna. Tistaʼ twassal persuna biex issir moħħha fis-​sess u jkollha xewqat mhux ikkontrollati. Ladarba persuna tibda tara l-​pornografija, hi taqbad triq li twassal għal affarijiet bħall-​vizzju tal-​masturbazzjoni, problemi fiż-​żwieġ, u saħansitra divorzju.—Rumani 1:24-​27; Efesin 4:19; ara n-​Nota numru 24 fl-​aħħar.

Ikun tajjeb li noqogħdu attenti meta nużaw l-​Internet

10. Il-​prinċipju li nsibu f’​Ġakbu 1:14, 15 kif jgħinna nevitaw l-​immoralità?

10 Hu importanti li tkun taf x’għandek tevita biex ma taqax fl-​immoralità. Innota t-​twissija li nsibu f’​Ġakbu 1:14, 15: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” Allura, meta jiġuk ħsibijiet ħżiena, neħħihom minn moħħok mill-​ewwel. Jekk bi żball tara stampi erotiċi, jiġifieri li jqajmu xewqat sesswali, dawwar wiċċek! Itfi l-​kompjuter, jew aqleb l-​istazzjon. Tħallix xewqat ħżiena jinżlu f’qalbek. Inkella, dawn jistgħu tant isiru qawwijin li jkun diffiċli biex tikkontrollahom.—Aqra Mattew 5:29, 30.

11. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna meta jkollna ħsibijiet ħżiena?

11 Ġeħova jafna aħjar milli nafu lilna nfusna. Allura jaf kemm aħna imperfetti. Imma jaf ukoll li nistgħu nikkontrollaw ix-​xewqat ħżiena tagħna. Ġeħova jgħidilna: “Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Għalkemm dan mhux faċli, Ġeħova hu paċenzjuż magħna u se jgħinna. (Salm 68:19) Wieħed żagħżugħ kien qabad il-​vizzju tal-​pornografija u l-​masturbazzjoni. Sħabu tal-​iskola ħassew li din kienet ħaġa normali fiż-​żgħożija. Imma hu qal: “Dan għamel ħsara l-​kuxjenza tiegħi u kien qed iħajjarni għal ħajja immorali.” Hu rrealizza li kellu jikkontrolla x-​xewqat tiegħu, u bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, irnexxielu jieqaf minn dan il-​vizzju. Jekk għandek ħsibijiet immorali, itlob lil Ġeħova biex itik “il-​qawwa iktar min-​normal” ħalli tkun tistaʼ żżomm il-​ħsibijiet tiegħek nodfa.—2 Korintin 4:7; 1 Korintin 9:27.

12. Għala rridu nipproteġu lil qalbna?

12 Salamun kiteb hekk: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares [jiġifieri pproteġi] lil qalbek, għax minn ġo fiha ġejjin is-​sorsi tal-​ħajja.” (Proverbji 4:23) F’dal-​każ, “qalbna” tirreferi għat-​tip taʼ persuna li aħna minn ġewwa, il-​persuna li jara Ġeħova. Dak li naraw b’għajnejna jistaʼ jkollu effett kbir fuqna. Ir-​raġel leali Ġob qal: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) Bħal Ġob, aħna rridu nikkontrollaw lejn xiex inħarsu u dwar xiex naħsbu. U bħas-​salmista, aħna nitolbu: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”—Salm 119:37.

L-​GĦAŻLA ĦAŻINA TAʼ DINA

13. X’tip taʼ ħbieb għażlet Dina?

13 Il-​ħbieb tagħna jistaʼ jkollhom effett kbir fuqna. Dawn jistgħu jeffettwawna b’mod tajjeb jew ħażin. Jekk tagħżel ħbieb li jżommu mal-​livelli t’Alla, huma jistgħu jgħinuk biex tagħmel l-​istess. (Proverbji 13:20; aqra l-1 Korintin 15:33.) L-​eżempju taʼ Dina jistaʼ jgħallimna kemm hu importanti li noqogħdu attenti meta nagħżlu l-​ħbieb tagħna. Hi kienet waħda mit-​tfal taʼ Ġakobb, allura trabbiet f’familja li kienu jqimu lil Ġeħova. Dina ma kinitx persuna immorali, imma hi bdiet tagħmilha maʼ tfajliet Kangħanin u saret ħabiba sew tagħhom. Il-​Kangħanin ma kinux iqimu lil Ġeħova. Huma kienu jqisu s-​sess b’mod differenti ħafna min-​nies t’Alla u kienu magħrufin bħala nies immorali. (Levitiku 18:6-​25) Waqt li Dina kienet magħhom, iltaqgħet maʼ ġuvni Kangħani jismu Sikem, li nġibed lejha. Sikem kien meqjus bħala “l-​iktar wieħed stmat” fil-​familja tiegħu. Imma hu ma kienx iħobb lil Ġeħova.—Ġenesi 34:18, 19.

14. X’ġaralha Dina?

14 Sikem għamel dak li deher normali u aċċettabbli għalih. Peress li Dina għoġbitu, hu “ħadha” u “stupraha.” (Aqra Ġenesi 34:1-​4.) Minħabba f’hekk, ġraw ħafna affarijiet li wasslu biex Dina u l-​familja kollha tagħha jgħaddu minn traġedja.—Ġenesi 34:7, 25-​31; Galatin 6:7, 8.

15, 16. Kif nistgħu nsiru għaqlin?

15 M’hemmx għalfejn nagħmlu l-​istess żball taʼ Dina biex nitgħallmu li l-​livelli t’Alla huma taʼ ġid għalina. “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Għamilha mira li tifhem “kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb,” u b’hekk tevita problemi u tbatija bla bżonn.—Proverbji 2:6-​9; Salm 1:1-​3.

16 Aħna nistgħu nsiru għaqlin billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nitolbuh qabel ma nieħdu deċiżjoni, u nimxu mal-​pariri tajbin li nirċievu mingħand l-​ilsir leali u għaqli. (Mattew 24:45; Ġakbu 1:5) Ovvjament, inti taf li lkoll kemm aħna imperfetti u jkollna mumenti fejn inkunu dgħajfin. (Ġeremija 17:9) Imma kif se tirreaġixxi jekk xi ħadd jiġi jwissik li qiegħed fil-​periklu li tagħmel l-​immoralità? Se tieħu għalik, jew se taċċetta l-​għajnuna b’umiltà?—2 Slaten 22:18, 19.

17. Agħti eżempju taʼ kif it-​twissija taʼ ħabib Kristjan tistaʼ tgħinna.

17 Pereżempju, immaġina din is-​sitwazzjoni. Fuq il-​post tax-​xogħol taʼ waħda oħt, raġel jibda jtiha attenzjoni speċjali u jistidinha biex toħroġ miegħu. Hu ma jaqdix lil Ġeħova, imma jidher raġel sew u qalbu tajba. Oħt oħra tarahom flimkien u iktar tard tipprova twissiha dwar is-​sitwazzjoni. Kif se tirreaġixxi l-​ewwel oħt? Se tipprova ġġib l-​iskużi, jew se tara li jkun tajjeb li tismaʼ mit-​twissija? Hi x’aktarx tħobb lil Ġeħova u tixtieq tagħmel dak li hu tajjeb. Imma jekk tibqaʼ toħroġ maʼ dan ir-​raġel, se tkun hi qed taħrab mill-​immoralità sesswali jew se tkun qed ‘tafda lil qalbha stess’?—Proverbji 22:3; 28:26; Mattew 6:13; 26:41.

TGĦALLEM MILL-​EŻEMPJU TAʼ ĠUŻEPPI

18, 19. Ġużeppi kif ħarab mill-​immoralità, u x’għenu jagħmel dan?

18 Meta kien żagħżugħ, Ġużeppi kien skjav fl-​Eġittu. Jum wara jum, il-​mara taʼ sidu kienet titolbu biex ikollu x’jaqsam magħha, imma Ġużeppi kien jaf li kien ħażin li jagħmel hekk. Ġużeppi kien iħobbu lil Ġeħova u ried jogħġbu. Għalhekk, kull meta din il-​mara kienet tipprova tħajru biex ikollu x’jaqsam magħha, hu ma kienx jaċċetta. Peress li kien skjav, hu ma setax jaqbad u jitlaq lil sidu. Darba, wara li l-​mara taʼ sidu ppruvat tisforzah biex ikollu x’jaqsam magħha, hu “ħarab u telaq ’il barra.”—Aqra Ġenesi 39:7-​12.

19 Kieku Ġużeppi qagħad jaħseb fuq affarijiet immorali jew qagħad jixxennaq għaliha, is-​sitwazzjoni setgħet spiċċat b’mod differenti ħafna. Imma għal Ġużeppi, l-​iktar ħaġa importanti kienet il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Hu qalilha hekk lill-​mara taʼ sidu: “Sidi . . . ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu. Allura, kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġenesi 39:8, 9.

20. Kif nafu li Ġeħova kien ferħan b’Ġużeppi?

20 Minkejja li Ġużeppi kien qed jgħix ’il bogħod mid-​dar u l-​familja tiegħu, hu baqaʼ leali lejn Alla, u Ġeħova bierku taʼ dan. (Ġenesi 41:39-​49) Il-​lealtà taʼ Ġużeppi kienet tferraħ lil Ġeħova. (Proverbji 27:11) Jistaʼ jkun diffiċli biex nirreżistu milli nagħmlu l-​immoralità. Imma ftakar f’dan il-​kliem: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin. Hu qed iħares ruħ il-​leali tiegħu; minn id dawk mill-​agħar jeħlishom.”—Salm 97:10.

21. Ħu żagħżugħ kif imita lil Ġużeppi?

21 Jum wara jum, in-​nies taʼ Ġeħova b’kuraġġ juru li ‘jobogħdu dak li hu ħażin, u jħobbu dak li hu tajjeb.’ (Għamos 5:15) Għandek kemm għandek żmien, int tistaʼ tkun leali lejn Ġeħova. Ħu żagħżugħ iffaċċja sfida l-​iskola tiegħu. Tfajla offrietlu li jkollha x’taqsam miegħu jekk jgħinha f’test tal-​iskola. X’għamel iż-​żagħżugħ? Hu aġixxa bħal Ġużeppi. Hu qal: “Mill-​ewwel għedtilha le. Peress li bqajt leali, ma tliftx id-​dinjità u r-​rispett lejja nnifsi.” Kull “tgawdija temporanja” li tiġi mill-​immoralità ġeneralment twassal għal problemi u wġigħ taʼ qalb. (Ebrej 11:25) Imma l-​fatt li nobdu lil Ġeħova se jġibilna ferħ li se jibqaʼ għal dejjem.—Proverbji 10:22.

ĦALLI LIL ĠEĦOVA JGĦINEK

22, 23. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna anki jekk nagħmlu dnub serju?

22 Satana se jipprova jaqbadna fin-​nassa tal-​immoralità sesswali, u din tistaʼ tkun sfida diffiċli għalina. Ilkoll kemm aħna probabbli jiġuna ħsibijiet ħżiena minn żmien għall-​ieħor. (Rumani 7:21-​25) Ġeħova jafu dan u “jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Allura, x’jiġri jekk Kristjan jaqaʼ fid-​dnub serju tal-​immoralità? Hi din sitwazzjoni bla tama? Le. Jekk persuna tindem minn qalbha, Ġeħova se jgħinha. Alla hu ‘lest li jaħfer.’—Salm 86:5; Ġakbu 5:16; aqra Proverbji 28:13.

23 Ġeħova jagħtina wkoll “irġiel bħala għotjiet”—l-​anzjani tal-​kongregazzjoni li jieħdu ħsiebna bi mħabba. (Efesin 4:8, 12; Ġakbu 5:14, 15) Hu pprovdielna l-​anzjani biex jgħinuna nirranġaw il-​ħbiberija tagħna miegħu.—Proverbji 15:32.

UŻA L-​ABBILTÀ LI TAĦSEB

24, 25. X’għandna bżonn biex nevitaw l-​immoralità, u għala?

24 Biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin, irridu nifhmu li l-​liġijiet taʼ Ġeħova huma taʼ ġid għalina. Aħna ma rridux inkunu bħaż-​żagħżugħ imsemmi fi Proverbji 7:6-​23. Hu ma kellux “qalb għarfa,” jiġifieri m’użax l-​abbiltà li jaħseb, allura hu nqabad fin-​nassa tal-​immoralità sesswali. Aħna jistaʼ jkollna l-​għerf kollu tad-​dinja imma ma jkollniex qalb għarfa. Meta jkollna qalb għarfa, aħna se nipprovaw nifhmu u nimitaw il-​mod kif jaħseb Ġeħova. Ftakar f’dan il-​kliem għaqli: “Min jikseb qalb għarfa jħobb lilu nnifsu. Min qed jgħasses id-​dixxerniment se jsib it-​tajjeb.” Fi kliem ieħor, min japprezza l-​abbiltà li jifhem se jirnexxi.—Proverbji 19:8.

25 Int konvint għalkollox li l-​livelli t’Alla huma ġusti? Temmen verament li jekk tgħix fi qbil magħhom se tkun ferħan? (Salm 19:7-​10; Isaija 48:17, 18) Jekk għadek m’intix ċert, ftakar f’kull ħaġa tajba li Ġeħova għamel għalik. “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.” (Salm 34:8) Int se tinduna li iktar ma timmedita fuq dak li Ġeħova għamel għalik, iktar se ssir tħobbu. Ħobb dak li hu jħobb, u obgħod dak li hu jobgħod. Imla moħħok bi ħsibijiet tajbin—affarijiet li huma veri, ġusti, nodfa, u jġibu l-​imħabba. (Filippin 4:8, 9) Aħna nistgħu nkunu bħal Ġużeppi, li bbenefika mill-​għerf t’Alla.—Isaija 64:8.

26. X’se niddiskutu fiż-​żewġ kapitli li jmiss?

26 Kemm jekk int single u kemm jekk int miżżewweġ, Ġeħova jridek tgawdi ħajtek u tkun ferħan. Iż-​żewġ kapitli li jmiss fihom informazzjoni li se tgħin lill-​koppji miżżewġin iżommu r-​relazzjoni taʼ bejniethom b’saħħitha.