Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 7

Tapprezza l-ħajja daqskemm japprezzaha Alla?

Tapprezza l-ħajja daqskemm japprezzaha Alla?

“Għandek hemm is-​sors tal-​ħajja.”—SALM 36:9.

1, 2. (a) X’rigal prezzjuż tana Ġeħova? (b) X’tana Ġeħova biex jgħinna ħalli jkollna l-​aqwa ħajja possibbli?

 ĠEĦOVA ta rigal mill-​isbaħ lil kulħadd. Dan hu r-​rigal tal-​ħajja. (Ġenesi 1:27) Hu jrid li jkollna l-​aqwa ħajja possibbli. Allura tana prinċipji li jgħallmuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Għandna nużaw dawn il-​prinċipji biex jgħinuna ‘nagħrfu nagħżlu’ bejn ‘it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (Ebrej 5:14) Meta nagħmlu hekk, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jgħinna naħsbu b’mod ċar. Meta ngħixu fi qbil mal-​prinċipji t’Alla u naraw kemm jgħinuna f’ħajjitna, aħna nifhmu kemm dawn huma prezzjużi.

2 Il-​ħajja tistaʼ tkun ikkumplikata ħafna. Spiss jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm liġi speċifika dwarhom fil-​Bibbja. Pereżempju, għandu mnejn ikollna nieħdu deċiżjonijiet dwar trattamenti mediċi li jinvolvu d-​demm. Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova? Fil-​Bibbja nsibu prinċipji li jgħallmuna kif Ġeħova jqis il-​ħajja u d-​demm. Jekk nifhmu dawn il-​prinċipji, se nkunu nistgħu nagħżlu b’mod għaqli u nibqgħu b’kuxjenza nadifa. (Proverbji 2:6-​11) Issa ejja neżaminaw xi ftit minn dawn il-​prinċipji.

ALLA KIF IQIS IL-​ĦAJJA U D-​DEMM?

3, 4. (a) Alla kif wera li jqis id-​demm? (b) Id-​demm x’jirrappreżenta?

3 Il-​Bibbja tgħallimna li d-​demm hu qaddis minħabba li jirrappreżenta l-​ħajja. U l-​ħajja hi prezzjuża għal Ġeħova. Wara li Kajjin qatel lil ħuh, Ġeħova qallu: “Demm ħuk qed jgħajjatli mill-​art.” (Ġenesi 4:10) Id-​demm t’Abel kien jirrappreżenta ħajtu; meta Ġeħova tkellem dwar id-​demm t’Abel, hu kien qed jirreferi għall-​ħajja taʼ Abel.

4 Wara d-​Dulluvju fi żmien Noè, Alla qal lin-​nies li setgħu jieklu l-​laħam. Imma b’mod speċifiku qal: “Huwa biss il-​laħam b’ruħu—demmu—li ma tistgħux tieklu.” (Ġenesi 9:4) Dan il-​kmand japplika għal dawk kollha li twieldu wara Noè, jiġifieri anki għalina. B’mod ċar, għal Ġeħova, id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. U hemm bżonn li aħna nqisu d-​demm bl-​istess mod.—Salm 36:9.

5, 6. Skont il-​Liġi taʼ Mosè, Ġeħova kif iqis il-​ħajja u d-​demm?

5 Fil-​Liġi li Ġeħova ta lil Mosè, Hu qal: “Jien żgur li se ndawwar wiċċi kontra r-​ruħ li tkun qed tiekol id-​demm, u tabilħaqq li se naqtagħha minn fost il-​poplu tagħha. Għax ir-​ruħ [jew “il-​ħajja”] tal-​laħam hi fid-​demm.”—Levitiku 17:10, 11.

6 Il-​Liġi taʼ Mosè kienet tgħid li meta xi ħadd joqtol annimal għall-​ikel, hu kellu jferraʼ demmu fl-​art. Dan wera li l-​ħajja tal-​annimal, jew ruħu, kienet tal-​Ħallieq, Ġeħova. (Dewteronomju 12:16; Eżekjel 18:4) Dment li l-​Iżraelin kienu jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex ineħħu d-​demm mill-​annimal, dawn setgħu jieklu l-​laħam b’kuxjenza nadifa. Imma Ġeħova ma kienx jistenna li l-​Iżraelin ineħħu kull qatra demm. Billi jobdu l-​liġi dwar id-​demm tal-​annimali, huma kienu juru li qed jirrispettaw lil Dak li jagħti l-​ħajja, Ġeħova. Apparti minn hekk, il-​Liġi kienet tikkmanda l-​Iżraelin biex joffru annimali bħala sagrifiċċju għat-​tpattija jew il-​maħfra tad-​dnubiet.—Ara n-​Nota numru 1920 fl-​aħħar.

7. David kif wera rispett lejn il-​ħajja?

7 Nistgħu nifhmu kemm id-​demm hu prezzjuż minn dak li għamel David meta ġġieled mal-​Filistin. L-​irġiel li kienu maʼ David indunaw li kellu ħafna għatx, allura marru fit-​territorju tal-​għadu li kien perikoluż u rriskjaw ħajjithom biex jiħdulu l-​ilma. Imma meta ġabuh għand David, hu rrifjuta li jixorbu u “sawbu [jiġifieri “ferrgħu”] quddiem Ġeħova.” David qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi, O Ġeħova, li nagħmel dan! Se nixrob jien id-​demm taʼ l-​irġiel li marru jissograw ħajjithom?” Għal David, l-​ilma kien jirrappreżenta l-​ħajja taʼ dawn l-​irġiel. David kien fehem kemm il-​ħajja u d-​demm huma prezzjużi għal Alla.—2 Samwel 23:15-​17.

8, 9. Il-​Kristjani tal-​lum kif għandhom iqisu d-​demm?

8 Wara l-​mewt taʼ Ġesù, in-​nies t’Alla ma baqgħux taħt il-​Liġi taʼ Mosè. Imma Ġeħova ried li l-​Kristjani jobdu xi partijiet tal-​Liġi. Għalkemm ma kienx għad hemm il-​bżonn li joffru sagrifiċċji tal-​annimali, xorta kellhom ‘jitbiegħdu mid-​demm.’ Dan kien importanti daqs li jevitaw l-​immoralità jew l-​idolatrija.—Atti 15:28, 29.

Kif se nispjega d-deċiżjoni tiegħi dwar l-użu tal-frazzjonijiet tad-demm?

9 Anki llum, bħala Kristjani, aħna nafu li Ġeħova huwa s-​Sors tal-​ħajja u li kull ħajja hi tiegħu. Nirrealizzaw ukoll li d-​demm hu qaddis u jirrappreżenta l-​ħajja. Allura nagħmlu ċert li nikkunsidraw il-​prinċipji tal-​Bibbja meta nkunu se nieħdu xi deċiżjoni dwar trattament mediku li jinvolvi l-​użu tad-​demm.

L-​UŻU MEDIKU TAD-​DEMM

10, 11. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisu t-​trasfużjoni tad-​demm sħiħ jew tal-​erbaʼ partijiet primarji tad-​demm? (b) X’deċiżjonijiet personali għandu jieħu kull Kristjan?

10 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jifhmu li biex ‘jitbiegħdu mid-​demm’ ma jridux biss jevitaw li jikluh u jixorbuh. Imma jfisser ukoll li ma jaċċettawx trasfużjoni tad-​demm, ma jagħtux demm bħala donazzjoni, u ma jerfgħux demmhom minn qabel. Dan ifisser ukoll li ma jaċċettawx trasfużjoni taʼ xi waħda mill-​erbaʼ partijiet primarji tad-​demm—ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, u plażma.

11 Dawn l-​erbaʼ partijiet primarji tad-​demm jistgħu jinqasmu f’partijiet iżgħar li jissejħu frazzjonijiet tad-​demm. Kull Kristjan għandu jiddeċiedi jekk hux se jaċċetta frazzjonijiet tad-​demm jew le. L-​istess għandu jiġri għal proċeduri mediċi li jagħmlu użu mid-​demm tal-​pazjent stess. Kull individwu għandu jiddeċiedi kif demmu se jiġi użat matul operazzjoni, matul test mediku, jew matul sessjoni taʼ trattament.—Ara n-​Nota numru 21 fl-​aħħar.

12. (a) Id-​deċiżjonijiet li jinvolvu l-​kuxjenza, għala huma importanti għal Ġeħova? (b) Kif nistgħu niddeċiedu bil-​għaqal dwar proċeduri mediċi?

12 Ġeħova jimpurtah ħafna mid-​deċiżjonijiet li nieħdu bbażati fuq il-​kuxjenza tagħna. Għala? Għax dawn juru x’għandna f’qalbna, u Ġeħova jinteressah ħafna dwar x’naħsbu u xi nħossu. (Aqra Proverbji 17:3; 24:12.) Allura, meta nkunu qed nieħdu deċiżjoni li tinvolvi trattament mediku, għandna bżonn nitolbu għall-​gwida taʼ Ġeħova u wara nagħmlu riċerka fuq it-​trattament. Imbagħad, aħna nużaw il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja biex nieħdu deċiżjoni. Aħna m’għandniex insaqsu lil oħrajn x’jagħmlu kieku qegħdin minflokna, u ħaddieħor m’għandux jipprova jinfluwenza d-​deċiżjoni tagħna. Kull Kristjan għandu “jġorr it-​tagħbija tiegħu.”—Galatin 6:5; Rumani 14:12.

IL-​LIĠIJIET TAʼ ĠEĦOVA JURU KEMM IĦOBBNA

13. Il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova rigward id-​demm, x’jgħallmuna dwaru?

13 Kulma Ġeħova jitlobna nagħmlu hu għall-​ġid tagħna u juri kemm iħobbna. (Salm 19:7-​11) Imma aħna ma nobdux il-​kmandi tiegħu għax sempliċiment jaqblilna. Aħna nobduh għax inħobbuh. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova timmotivana biex ma niħdux trasfużjoni tad-​demm. (Atti 15:20) Wara kollox dan hu taʼ protezzjoni għas-​saħħa tagħna. Illum, il-​maġġorparti tan-​nies jafu dwar xi ftit mir-​riskji tat-​trasfużjoni tad-​demm, u ħafna mit-​tobba jemmnu li jkun aħjar għas-​saħħa tal-​pazjent meta jiġi operat bla demm. Huwa ċar li l-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet juri kemm hu intelliġenti u jaf iħobb.—Aqra Isaija 55:9; Ġwanni 14:21, 23.

14, 15. (a) Ġeħova x’liġijiet ta lill-​poplu tiegħu biex jipproteġihom? (b) Kif nistgħu napplikaw il-​prinċipji li nsibu f’dawn il-​liġijiet?

14 Il-​liġijiet t’Alla dejjem kienu għall-​ġid tal-​poplu tiegħu. Lill-​Iżraelin tal-​qedem, Ġeħova tahom liġijiet biex jipproteġihom minn inċidenti serji. Pereżempju, waħda mil-​liġijiet kienet tgħid li sid id-​dar kellu jibni ċint mad-​dawra tal-​bejt ħalli ma jaqaʼ ħadd. (Dewteronomju 22:8) Liġi oħra kienet rigward l-​annimali. Jekk xi ħadd kien ikollu barri salvaġġ, hu kien ikun responsabbli li jżommu taħt kontroll ħalli ma jattakka jew joqtol lil ħadd. (Eżodu 21:28, 29) Jekk Iżraeli ma kienx jobdi dawn il-​liġijiet, kien ikun tort tiegħu jekk xi ħadd imut minħabba f’hekk.

15 Minn dawn il-​liġijiet nistgħu nifhmu li l-​ħajja hi prezzjuża għal Ġeħova. Dan kif għandu jeffettwana? Aħna għandna nuru li nirrispettaw il-​ħajja bil-​mod kif nieħdu ħsieb id-​dar u l-​karozza tagħna, bil-​mod kif insuqu, u b’dak li nagħżlu bħala divertiment. Xi nies, speċjalment iż-​żgħażagħ, jaħsbu li mhu se jiġrilhom xejn ħażin, allura jirriskjaw ħajjithom u jinjoraw il-​perikli. Imma dan mhuwiex il-​mod kif Ġeħova jridna naġixxu. Hu jridna nqisu kull ħajja bħala importanti—il-​ħajja tagħna stess u t’oħrajn.—Ekkleżjasti 11:9, 10.

16. Ġeħova kif iqis l-​abort?

16 Kull ħajja taʼ bniedem hi importanti għal Ġeħova. Anki tarbija li tkun għadha ma twilditx hi prezzjuża għalih. Skont il-​Liġi taʼ Mosè, jekk individwu bla ma jrid iweġġaʼ lil mara tqila u hi jew it-​tarbija tmut, Ġeħova jżommu ħati taʼ qtil. Dan kien ifisser li dak li jkun qatel kellu jħallas b’ħajtu stess anki jekk ma jkunx għamel dan apposta. (Aqra Eżodu 21:22, 23.) Għal Alla, tarbija mhux imwielda hi persuna ħajja. Il-​fatt li taf dan, kif taħseb li jħossu Alla dwar l-​abort? Kif taħseb li jħossu meta jara lil miljuni taʼ trabi mhux imweldin jinqatlu kull sena?

17. X’jistaʼ jfarraġ lil mara li tkun għamlet abort qabel ma saret taf lil Ġeħova?

17 Xi ngħidu jekk mara tkun għamlet abort qabel ma saret taf x’inhi l-​ħarsa taʼ Ġeħova? Hi tistaʼ tkun ċerta li Ġeħova jistaʼ jaħfrilha permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Luqa 5:32; Efesin 1:7) Mara li tkun għamlet żball bħal dan fil-​passat m’għandhiex għalfejn tibqaʼ tħossha ħatja jekk jiddispjaċiha b’mod sinċier. “Ġeħova ħanin u grazzjuż . . . Daqskemm tlugħ ix-​xemx huwa ’l bogħod minn inżulha, daqshekk biegħed minna nuqqasijietna.”—Salm 103:8-​14.

EVITA ĦSIBIJIET TAʼ MIBEGĦDA

18. Għala għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inneħħu ħsibijiet taʼ mibegħda?

18 Ir-​rispett lejn ir-​rigal tal-​ħajja li tana Alla jibda minn qalbna. Dan jinvolvi kif inħossuna dwar oħrajn. “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel,” kiteb l-​appostlu Ġwanni. (1 Ġwanni 3:15) Bla ma nindunaw, sentimenti negattivi lejn xi ħadd jistgħu jwassluna biex nobogħduh. Il-​mibegħda tistaʼ ġġiegħel lil xi ħadd ma jurix rispett lejn oħrajn, jigdeb dwarhom, jew saħansitra jixtieqhom mejtin. Ġeħova jaf kif inħossuna dwar oħrajn. (Levitiku 19:16; Dewteronomju 19:18-​21; Mattew 5:22) Jekk nindunaw li għandna ħsibijiet taʼ mibegħda dwar xi ħadd, hemm bżonn li naħdmu iebes biex inneħħu dawn il-​ħsibijiet.—Ġakbu 1:14, 15; 4:1-​3.

19. B’liema mod ieħor nistgħu nuru li napprezzaw il-​ħajja?

19 Hemm mod ieħor kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​ħajja. F’​Salm 11:5, nitgħallmu li ‘Ġeħova jobgħod lil kulmin iħobb il-​vjolenza.’ Jekk nagħżlu divertiment vjolenti, għandu mnejn nibdew nuru li nħobbu l-​vjolenza. Kliem, ideat, u xeni vjolenti m’għandniex x’nambuhom f’moħħna. Minflok, irridu li jkollna ħsibijiet nodfa u li jġibu l-​paċi.—Aqra Filippin 4:8, 9.

TINVOLVIX RUĦEK MAʼ ORGANIZZAZZJONIJIET LI MA JIRRISPETTAWX IL-​ĦAJJA

20-22. (a) Ġeħova kif iqis id-​dinja taʼ Satana? (b) In-​nies taʼ Ġeħova kif juru li “m’humiex parti mid-​dinja”?

20 Matul is-​sekli, qawwiet politiċi, jew gvernijiet, ippermettew li jinqatlu miljuni taʼ nies, inkluż ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova. Organizzazzjonijiet bħal dawn huma kkontrollati minn Satana. Peress li ma jirrispettawx il-​ħajja, Ġeħova jqishom ħatjin tad-​demm, jiġifieri ħatjin taʼ qtil. Fil-​Bibbja, dawn il-​gvernijiet huma deskritti bħala bhejjem feroċi u salvaġġi. (Danjel 8:3, 4, 20-​22; Rivelazzjoni 13:1, 2, 7, 8) Fid-​dinja tal-​lum, jinbiegħu ħafna armamenti qattiela, u n-​nies jaqilgħu ħafna flus talli jbigħuhom. B’mod ċar, “id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

21 Imma l-​Kristjani veri “m’humiex parti mid-​dinja.” In-​nies taʼ Ġeħova jibqgħu newtrali f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​politika u l-​gwerra. Huma la joqtlu n-​nies u lanqas ma jappoġġaw xi organizzazzjoni li tikkaġuna l-​qtil tan-​nies. (Ġwanni 15:19; 17:16) Il-​Kristjani ma jkunux vjolenti, lanqas meta jiġu ppersegwitati. Ġesù għallem li għandna nħobbu anki l-​għedewwa tagħna.—Mattew 5:44; Rumani 12:17-​21.

22 Ir-​reliġjon ukoll wasslet għall-​mewt taʼ miljuni taʼ nies. Meta l-​Bibbja titkellem dwar Babilonja l-​Kbira, jiġifieri l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, din tgħid: “Fiha nstab id-​demm tal-​profeti u tal-​qaddisin u taʼ dawk kollha li nqatlu fuq l-​art.” Tifhem int għala Ġeħova kmandana: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi”? Dawk li jqimu lil Ġeħova ma jagħmlux parti mir-​reliġjon falza.—Rivelazzjoni 17:6; 18:2, 4, 24.

23. X’hemm bżonn li nagħmlu biex ‘noħorġu’ minn Babilonja l-​Kbira?

23 Sabiex ‘noħorġu’ minn Babilonja l-​Kbira hemm bżonn li nagħmluha ċara kemm jistaʼ jkun li m’għadniex nagħmlu parti minn xi reliġjon falza. Pereżempju, jekk isimna jkun għadu mniżżel maʼ xi reliġjon oħra, ikollna bżonn nagħmlu ċert li nneħħuh. Imma hemm bżonn li jsir iktar minn hekk. Hemm bżonn ukoll li nobogħdu u nirrifjutaw l-​affarijiet ħżiena li r-​reliġjon falza tagħmel. Ir-​reliġjon falza tippermetti u tippromwovi l-​immoralità, il-​politika, u l-​egoiżmu. (Aqra Salm 97:10; Rivelazzjoni 18:7, 9, 11-​17) Minħabba f’hekk, mietu miljuni taʼ nies matul is-​snin.

24, 25. Il-​fatt li nafu lil Ġeħova kif jgħinna biex ikollna l-​paċi u kuxjenza tajba?

24 Qabel ma sirna nafu lil Ġeħova, b’xi mod jew ieħor kull wieħed minna kien jappoġġa l-​affarijiet ħżiena li hemm fid-​dinja taʼ Satana. Imma issa m’għadniex l-​istess. Aħna aċċettajna l-​fidwa u ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova. Aħna qed nesperjenzaw “staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu.” Fi kliem ieħor, aħna għandna l-​paċi u kuxjenza tajba mill-​fatt li nafu li qed nogħġbu ’l Alla.—Atti 3:19; Isaija 1:18.

25 Anki jekk xi darba konna parti minn organizzazzjoni li ma tirrispettax il-​ħajja, Ġeħova jistaʼ jaħfrilna fuq il-​bażi tal-​fidwa. Aħna napprezzaw ħafna r-​rigal tal-​ħajja li tana Ġeħova. Aħna nuru l-​apprezzament tagħna billi nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova, jitilqu d-​dinja taʼ Satana, u jgawdu ħbiberija mill-​qrib m’Alla.—2 Korintin 6:1, 2.

TKELLEM M’OĦRAJN DWAR IS-​SALTNA

26-28. (a) Ġeħova liema xogħol speċjali ta lil Eżekjel? (b) Ġeħova x’qed jitlobna nagħmlu llum?

26 F’Iżrael tal-​qedem, Ġeħova qal lill-​profeta Eżekjel biex iwissi lin-​nies li Ġerusalemm dalwaqt kienet se tinqered u biex jispjegalhom x’kellhom bżonn jagħmlu biex jibqgħu ħajjin. Li kieku Eżekjel ma wissiex in-​nies, Ġeħova kien se jżommu responsabbli għal ħajjithom. (Eżekjel 33:7-​9) Eżekjel wera li apprezza l-​ħajja billi għamel kulma setaʼ biex ixandar dan il-​messaġġ importanti.

27 Ġeħova tana l-​inkarigu biex inwissu n-​nies li d-​dinja taʼ Satana se tinqered dalwaqt. Barra minn hekk, għandna ngħinuhom isiru jafu lil Ġeħova u jidħlu fid-​dinja l-​ġdida. (Isaija 61:2; Mattew 24:14) Aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inxandru dan il-​messaġġ lil oħrajn. Jalla bħal Pawlu ngħidu: “Jien nadif mid-​demm tal-​bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​iskop kollu t’Alla.”—Atti 20:26, 27.

28 Hemm aspetti oħra fil-​ħajja fejn hemm bżonn li nkunu nodfa. Ejja neżaminaw xi ftit minnhom fil-​kapitlu li jmiss.