Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 17

Ibqaʼ fl-imħabba t’Alla

Ibqaʼ fl-imħabba t’Alla

“Billi tinbnew fuq il-​fidi l-​iktar qaddisa tagħkom, . . . żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla.”—ĠUDA 20, 21.

1, 2. Kif nistgħu nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

 ILKOLL kemm aħna nixtiequ nkunu b’saħħitna. Allura nipprovaw nieklu ikel bnin, nagħmlu eżerċizzju regolari, u nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Għalkemm dan jinvolvi sagrifiċċju, aħna nieħdu pjaċir meta naraw ir-​riżultati, allura ma naqtgħux qalbna. Imma hemm bżonn li nkunu b’saħħitna f’xi ħaġa oħra.

2 Għalkemm diġà bdejt issir taf lil Ġeħova, hemm bżonn li tkompli ssaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek miegħu. Meta Ġuda inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex jibqgħu fl-​imħabba t’Alla, hu spjega kif setgħu jagħmlu dan. Hu qalilhom: “Billi tinbnew fuq il-​fidi l-​iktar qaddisa tagħkom.” (Ġuda 20, 21) Allura kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna?

KOMPLI SAĦĦAĦ IL-​FIDI TIEGĦEK

3-5. (a) Satana xi jridek taħseb dwar il-​livelli taʼ Ġeħova? (b) Int kif tħossok dwar il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova?

3 Hu importanti li tkun konvint li Ġeħova jaf x’inhu l-​aħjar għalik. Satana jridek taħseb li hu diffiċli wisq li żżomm mal-​livelli t’Alla. Hu jrid iġegħelna naħsbu li nkunu iktar ferħanin jekk niddeċiedu aħna x’inhu tajjeb u ħażin. Satana ilu minn żmien Adam u Eva jipprova jġiegħel lin-​nies jemmnu dan. (Ġenesi 3:1-​6) Hu għadu qed jipprova jagħmel dan b’ħiltu kollha.

4 Għandu raġun Satana? Huma l-​livelli taʼ Ġeħova stretti wisq? Le. Biex nagħtu eżempju, immaġina li qed timxi fi ġnien kbir u sabiħ. Int u miexi tinnota li parti mill-​ġnien hi mdawra b’fence għoli. Forsi tgħid, ‘Dan għala qiegħed fin-​nofs?’ Imma wara ftit tismaʼ ljun jgħajjat min-​naħa l-​oħra. Issa kif tħossok dwar il-​fence? Bla dubju, int tieħu r-​ruħ li qiegħed hemm jipproteġik mill-​iljun! Il-​prinċipji taʼ Ġeħova huma bħal dan il-​fence, u Satana hu bħall-​iljun. Il-​Kelma t’Alla twissina hekk: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pietru 5:8.

5 Ġeħova jixtieq li jkollna l-​aqwa ħajja. Hu ma jridx li Satana jidħaq bina. Għalhekk, hu tana liġijiet u prinċipji biex jipproteġuna u jagħmluna ferħanin. (Efesin 6:11) Ġakbu kiteb: “Min iħares fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà u jibqaʼ jagħmel hekk, . . . ikun hieni li qed jagħmilha.”—Ġakbu 1:25.

6. Kif nistgħu nsiru konvinti li Ġeħova jixtiqilna l-​aħjar?

6 Meta nobdu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, se ngħixu ħajja aħjar u nsaħħu l-​ħbiberija tagħna miegħu. Pereżempju, meta nitolbu spiss bħalma jixtieqna nagħmlu Alla, se jkun taʼ benefiċċju għalina. (Mattew 6:5-​8; 1 Tessalonikin 5:17) Aħna nkunu ferħanin meta nobdu d-​direzzjoni biex niltaqgħu flimkien ħalli nqimu lil Alla u fl-​istess ħin ninkuraġġixxu lil xulxin. Anki li nippritkaw u ngħallmu lil oħrajn jagħmilna ferħanin. (Mattew 28:19, 20; Galatin 6:2; Ebrej 10:24, 25) It-​talb, il-​laqgħat, u l-​ippritkar jgħinuna biex inżommu fidi b’saħħitha. Meta naħsbu dwar il-​benefiċċji li jiġu minn dawn l-​affarijiet, se nkunu iktar konvinti li Ġeħova jixtiqilna l-​aħjar.

7, 8. X’se jgħinna biex ma ninkwetawx dwar provi li nistgħu ngħaddu minnhom?

7 Għandna mnejn ninkwetaw li ’l quddiem se niltaqgħu maʼ provi li se jagħmluha diffiċli wisq għalina biex nibqgħu leali. Jekk ġieli tħossok hekk, ftakar fil-​kliem li Ġeħova qal fil-​ktieb t’Isaija: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, li mmexxik fit-​triq li għandek timxi. O li kieku fil-​fatt tagħti kas il-​kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-​paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-​sewwa tiegħek bħall-​mewġ tal-​baħar.”—Isaija 48:17, 18.

8 Din l-​iskrittura tuża żewġ affarijiet biex turi kif se nibbenefikaw meta nobdu lil Ġeħova. Tgħid li l-​paċi tagħna se tkun bħal xmara, jiġifieri abbundanti u ma tispiċċax. Ukoll, tqabbel “is-​sewwa” tagħna mal-​mewġ tal-​baħar, li jistaʼ jibqaʼ għaddej għal żmien twil bla ma jieqaf. Meta nobdu ’l Ġeħova, hu se jgħinna nkomplu nagħmlu dak li hu sewwa. Jiġri x’jiġri f’ħajjitna, aħna nistgħu nibqgħu leali. Il-​Bibbja twiegħed: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-​ġust jogħtor,” jew jaqaʼ.—Salm 55:22.

“ĦA NIRSISTU LEJN IL-​MATURITÀ”

9, 10. Xi jfisser li tkun matur?

9 Int u ssaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, se tkun qed ‘tirsisti lejn il-​maturità.’ (Ebrej 6:1) Xi jfisser li tkun matur?

10 Aħna ma nsirux Kristjani maturi sempliċiment għax nikbru. Biex insiru maturi, irridu nqisu lil Ġeħova bħala l-​akbar Ħabib tagħna u nipprovaw naraw l-​affarijiet bħalma jarahom hu. (Ġwanni 4:23) Pawlu kiteb: “Għax dawk li huma f’armonija mal-​laħam jixħtu moħħhom fuq l-​affarijiet tal-​laħam, imma dawk li huma f’armonija maʼ l-​ispirtu fuq l-​affarijiet taʼ l-​ispirtu.” (Rumani 8:5) Xi ħadd matur ma jiffokax fuq “l-​affarijiet tal-​laħam,” bħall-​pjaċiri tal-​ħajja jew l-​affarijiet materjali. Anzi, jiffoka fuq li jaqdi lil Ġeħova u jagħmel għażliet tajbin. (Proverbji 27:11; aqra Ġakbu 1:2, 3.) Hu joqgħod attent li ma jitħajjarx biex jagħmel xi ħaġa ħażina. Persuna matura taf x’inhu tajjeb u tkun determinata li tagħmlu.

11, 12. (a) Kif għandhom ikunu “s-​sensi” taʼ Kristjan? (b) X’hemm simili bejn atleta u Kristjan matur?

11 Hemm bżonn nagħmlu sforz biex insiru maturi. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Imma l-​ikel solidu hu għan-​nies maturi, għal dawk li bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Il-​kelma “mħarrġin,” tistaʼ tfakkarna fit-​trejning t’atleta.

12 Meta naraw dak li atleta professjonali kapaċi jagħmel, nistgħu nkunu ċerti li din il-​kapaċità ma ġietx mix-​xejn. Żgur li kien hemm bżonn li jittrennja għal tul taʼ żmien biex isir daqshekk tajjeb. Hu ma twilidx b’din il-​kapaċità. Meta dan l-​atleta kien għadu tarbija, ma kienx jaf eżatt kif juża jdejh u saqajh. Imma maż-​żmien, hu tgħallem kif iżomm l-​oġġetti u kif jimxi. Mela persuna għandha bżonn tittrennja biex tkun tistaʼ ssir atleta. B’mod simili, biex insiru Kristjani maturi hemm bżonn iż-​żmien u t-​trejning.

13. X’se jgħinna naħsbu bħalma jaħseb Ġeħova?

13 F’dan il-​ktieb, rajna kif nistgħu naħsbu bħalma jaħseb Ġeħova u kif inqisu l-​affarijiet bħalma jqishom hu. Tgħallimna wkoll napprezzaw u nħobbu l-​livelli taʼ Ġeħova. Meta nkunu se nieħdu xi deċiżjoni, hemm bżonn li nsaqsu lilna nfusna: ‘Liema liġijiet jew prinċipji mill-​Bibbja japplikaw f’din is-​sitwazzjoni? Kif nistaʼ napplikahom? Ġeħova x’jixtieqni nagħmel?’—Aqra Proverbji 3:5, 6; Ġakbu 1:5.

14. Xi rridu nagħmlu biex inkabbru l-​fidi tagħna?

14 Aħna għandna nkomplu nkabbru l-​fidi tagħna f’Ġeħova. Bħalma l-​ikel bnin jgħinna nkunu f’saħħitna, it-​tagħlim dwar Ġeħova jgħinna jkollna fidi b’saħħitha. Meta bdejna nistudjaw il-​Bibbja, tgħallimna veritajiet bażiċi dwar Ġeħova u dak li għamel. Imma maż-​żmien, hemm bżonn nifhmu wkoll affarijiet iktar profondi. Fil-​fatt, Pawlu hekk ried jgħid meta qal: “Imma l-​ikel solidu hu għan-​nies maturi.” Meta napplikaw dak li nitgħallmu, aħna jkollna l-​għerf. Il-​Bibbja tgħidilna: “L-​għerf hu l-​aqwa ħaġa.”—Proverbji 4:5-​7; 1 Pietru 2:2.

15. Għala hu importanti ħafna li nħobbu lil Ġeħova u lil ħutna?

15 Sabiex persuna tibqaʼ f’saħħitha hemm bżonn li tkompli tieħu ħsieb tagħha nfisha. Bl-​istess mod, persuna matura għandha tkompli taħdem iebes biex iżżomm il-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova b’saħħitha. Pawlu jfakkarna biex ‘nibqgħu ngħarblu jekk aħniex fil-​fidi’ u ‘nibqgħu nagħtu prova taʼ x’aħna.’ Fi kliem ieħor, irridu naraw li ħajjitna hi fi qbil maʼ dak li nemmnu. (2 Korintin 13:5) Imma flimkien mal-​fidi rridu nkomplu nkabbru wkoll imħabbitna għal Ġeħova u għal ħutna. Pawlu qal: “Kieku għandi . . . l-​għarfien kollu, u għandi l-​fidi kollha biex inċaqlaq il-​muntanji minn posthom, iżda m’għandix imħabba, ma jien xejn.”—1 Korintin 13:1-​3.

IFFOKA FUQ IT-​TAMA LI GĦANDEK

16. Satana kif jixtieq li nħossuna?

16 Satana, il-​mexxej taʼ din id-​dinja, iridna naħsbu li qatt ma nistgħu nkunu tajbin biżżejjed biex naqdu lil Ġeħova. Hu jixtieq jiskuraġġina u jġegħelna naħsbu li l-​problemi tagħna ma jistgħux jissolvew. Hu jrid li nkunu mdejqin u ma nafdawx f’ħutna l-​Kristjani. (Efesin 2:2) Satana jaf li ħsibijiet negattivi jistgħu jkunu taʼ ħsara għalina u għall-​ħbiberija tagħna m’Alla. Imma Ġeħova tana xi ħaġa li tistaʼ tgħinna nneħħu dawn il-​ħsibijiet. Hu tana t-​tama.

17. It-​tama għala hi importanti ħafna?

17 Fl-​1 Tessalonikin 5:8, il-​Bibbja tqabbel “it-​tama tas-​salvazzjoni” maʼ elmu li suldat kien jilbes f’rasu bħala protezzjoni fil-​battalja. It-​tama fil-​wegħdi taʼ Ġeħova tistaʼ tipproteġi ’l moħħna minn ħsibijiet negattivi.

18, 19. It-​tama kif għenet lil Ġesù?

18 It-​tama li kellu Ġesù tatu l-​kuraġġ. Fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, hu baqaʼ sod minkejja s-​sitwazzjonijiet diffiċli li ffaċċja. Wieħed mill-​ħbieb kbar tiegħu ttradieh u ieħor qal li lanqas biss kien jafu. Oħrajn abbandunawh u ħarbu. In-​nies taʼ pajjiżu stess daru kontrih sal-​punt li talbu li jiġi ttorturat sal-​mewt. X’għenu jissaporti dawn l-​affarijiet kollha? Hu ffoka fuq “il-​ferħ li tqiegħed quddiemu.” Dan għenu biex ma jagħtix kas id-​diżunur u biex iktar tard ikun jistaʼ jgawdi l-​privileġġ li ‘joqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.’—Ebrej 12:2.

19 Ġesù kien jaf li jekk jibqaʼ leali kien se jġib tifħir lil Missieru u juri li Satana hu giddieb. Din it-​tama tatu ferħ kbir. Ġesù kien jaf ukoll li ma kienx se jdum ma jerġaʼ jmur ħdejn Missieru fis-​sema. Din it-​tama għenitu jissaporti. Bħal Ġesù, aħna għandna niffokaw fuq it-​tama li għandna. It-​tama se tgħinna nissaportu jiġri x’jiġri f’ħajjitna.

20. X’jistaʼ jgħinek tkun pożittiv?

20 Ġeħova jinnota l-​fidi u l-​paċenzja tagħna. (Isaija 30:18; aqra Malakija 3:10.) Hu wiegħed li se ‘jagħtina dak li tixtieq qalbna.’ (Salm 37:4) Allura kompli ffoka fuq it-​tama. Satana jixtieqek titlef it-​tama u tħoss li l-​wegħdi taʼ Ġeħova qatt mhu se jitwettqu. Imma ċċedix għal dawn il-​ħsibijiet negattivi! Jekk tinnota li qed jidħlulek id-​dubji dwar it-​tama, itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Ftakar fil-​kliem li nsibu f’​Filippin 4:6, 7: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”

21, 22. (a) Ġeħova xi skop għandu għad-​dinja? (b) X’inti determinat li tagħmel?

21 Sib ħin regolarment biex taħseb u timmedita fuq il-​futur mill-​isbaħ li hemm jistenniena. Ftit żmien ieħor, fid-​dinja se jkun hawn biss nies li jqimu lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Aħseb ftit dwar il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. Se tkun ħafna aħjar milli nistgħu nimmaġinaw! Satana, id-​dimonji, u l-​ħażen mhux se jibqgħu jeżistu. Int la se timrad u lanqas tmut. Anzi, mhux se tgħaddi ġurnata li tkun imdejjaq jew bla saħħa, imma se tkun dejjem ferħan u mimli enerġija. Ilkoll se naħdmu flimkien biex id-​dinja ssir ġenna. Kulħadd se jgawdi ikel tajjeb u jkollu post sabiħ fejn jgħix. In-​nies se jkunu qalbhom tajba u mhux vjolenti jew kattivi. Maż-​żmien, in-​nies kollha se jgawdu “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.

22 Ġeħova jixtieqek li tqisu bħala l-​akbar Ħabib tiegħek. Mela agħmel dak kollu li tistaʼ biex tobdih u ssir ħabib aħjar tiegħu. Jalla kollha kemm aħna nibqgħu fl-​imħabba t’Alla għal dejjem!—Ġuda 21.