Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 5

Kif tibqaʼ separat mid-dinja

Kif tibqaʼ separat mid-dinja

“M’intomx parti mid-​dinja.”—ĠWANNI 15:19.

1. Ġesù dwar xiex kien inkwetat fil-​lejl taʼ qabel il-​mewt tiegħu?

 KIEN il-​lejl taʼ qabel il-​mewt taʼ Ġesù. Hu kien jaf li kien wasal biex jitlaq lid-​dixxipli tiegħu, u kien inkwetat dwar il-​futur tagħhom. Ġesù qalilhom: “M’intomx parti mid-​dinja.” (Ġwanni 15:19) Iktar tard, hu semmiehom fit-​talba tiegħu lil Missieru billi qal: “M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġwanni 17:15, 16) X’ried ifisser Ġesù?

2. X’inhi “d-​dinja” li tkellem dwarha Ġesù?

2 Hawnhekk, il-​kelma “dinja” tirreferi għal nies li ma jafux lil Alla u li huma taħt il-​ħakma taʼ Satana. (Ġwanni 14:30; Efesin 2:2; Ġakbu 4:4; 1 Ġwanni 5:19) Kif nistgħu nevitaw li nkunu “parti mid-​dinja”? F’dan il-​kapitlu, se niddiskutu ħames modi kif nistgħu nagħmlu dan: (1) Aħna nibqgħu leali lejn is-​Saltna t’Alla u newtrali, jiġifieri ma nżommu ma ħadd fil-​politika. (2) Aħna nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja, jiġifieri ma nirraġunawx bħan-​nies tad-​dinja. (3) Aħna nkunu modesti fil-​mod kif nilbsu u nidhru, u (4) għandna ħarsa bilanċjata lejn il-​flus. Apparti minn hekk, (5) aħna nilbsu l-​armatura li tana Alla. Armatura hi lbies protettiv taʼ suldat.—Ara n-​Nota numru 16 fl-​aħħar.

KUN LEALI LEJN IS-​SALTNA T’ALLA

3. Ġesù kif kien iqis il-​politika?

3 Meta Ġesù kien fuq l-​art, ra li n-​nies kellhom ħafna problemi u li ma kellhomx ħajja faċli. Hu kien jimpurtah tassew minnhom u ried jgħinhom. Sar hu mexxej politiku? Le. Hu kien jaf li dak li verament kellhom bżonn kienet is-​Saltna, jiġifieri l-​gvern t’Alla. Din is-​Saltna kienet se titmexxa minn Ġesù u kienet l-​iktar ħaġa li kien jipprietka dwarha. (Danjel 7:13, 14; Luqa 4:43; 17:20, 21) Ġesù ma kienx jinvolvi ruħu fil-​politika u dejjem baqaʼ newtrali. Meta Ġesù kien quddiem il-​Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu, hu qal: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja.” (Ġwanni 18:36) Id-​dixxipli tiegħu wkoll kienu newtrali. Ktieb tal-​istorja bl-​isem On the Road to Civilization jgħid li l-​Kristjani tal-​bidu “ma kinux joħorġu għall-​politika.” Illum, il-​Kristjani veri għadhom bl-​istess ħsieb. B’lealtà nappoġġaw is-​Saltna t’Alla u nibqgħu newtrali f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​politika taʼ din id-​dinja.—Mattew 24:14.

Taf tispjega għala tappoġġa b’mod leali s-Saltna t’Alla?

4. Il-​Kristjani veri kif jappoġġaw is-​Saltna t’Alla?

4 L-​ambaxxaturi huma wħud li jirrappreżentaw lill-​gvern tagħhom f’pajjiż barrani. Allura, dawn ma jinvolvux ruħhom fil-​politika tal-​pajjiż li qegħdin fih. Il-​midlukin, li għandhom it-​tama li jmexxu maʼ Kristu fis-​sema, qegħdin f’sitwazzjoni simili. Pawlu xebbah lill-​Kristjani midlukin maʼ “ambaxxaturi” għax jirrappreżentaw il-​gvern t’Alla. (2 Korintin 5:20) Dawn ma jinvolvux ruħhom fi kwistjonijiet tal-​politika u tal-​gvernijiet taʼ din id-​dinja. (Filippin 3:20) Minflok, il-​midlukin kienu u għadhom qed jgħinu lil miljuni taʼ nies jitgħallmu dwar il-​gvern t’Alla. Huma jiġu appoġġati min-​“nagħaġ oħrajn,” li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Dawn ukoll jibqgħu newtrali. (Ġwanni 10:16; Mattew 25:31-​40) B’mod ċar, l-​ebda Kristjan veru mhu se jieħu sehem fil-​politika taʼ din id-​dinja.—Aqra Isaija 2:2-​4.

5. Għala l-​Kristjani ma jmorrux għall-​gwerra?

5 Il-​Kristjani veri jqisu lil sħabhom kollha fit-​twemmin bħala l-​familja tagħhom u huma magħqudin hu x’inhu l-​pajjiż jew il-​background tagħhom. (1 Korintin 1:10) Li kieku kellna mmorru għall-​gwerra, inkunu qed niġġieldu kontra sħabna fit-​twemmin. Dawn huma l-​familja tagħna stess, li skont il-​kmand taʼ Ġesù għandna nħobbuhom. (Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 3:10-​12) Iktar minn hekk, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex iħobbu anki lill-​għedewwa tagħhom.—Mattew 5:44; 26:52.

6. Dawk dedikati lil Ġeħova kif iqisu l-​gvernijiet?

6 Għalkemm bħala Kristjani nibqgħu newtrali, aħna nagħmlu l-​almu tagħna biex inkunu ċittadini tajbin. Pereżempju, aħna nuru rispett lejn il-​gvern meta nobdu l-​liġijiet u nħallsu t-​taxxi. Imma aħna dejjem nagħmlu ċert li nagħtu “lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:17; Rumani 13:1-​7; 1 Korintin 6:19, 20) “Dak li hu t’Alla” jinkludi l-​imħabba, l-​ubbidjenza, u l-​qima tagħna lejh. Aħna saħansitra lesti li nagħtu ħajjitna biex nobdu lil Ġeħova.—Luqa 4:8; 10:27; aqra Atti 5:29; Rumani 14:8.

IRREŻISTI “L-​ISPIRTU TAD-​DINJA”

7, 8. X’inhu “l-​ispirtu tad-​dinja,” u kif jeffettwa lin-​nies?

7 Li nkunu separati mid-​dinja taʼ Satana jfisser li ma nħallux “l-​ispirtu tad-​dinja” jikkontrollana. Dan l-​ispirtu huwa l-​irraġunar u l-​imġiba li ġejjin minn Satana. L-​ispirtu tad-​dinja jikkontrolla lil dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. Imma l-​Kristjani ma jħallux din l-​attitudni teffettwahom. Bħalma qal Pawlu, “aħna ma rċivejniex l-​ispirtu tad-​dinja, imma l-​ispirtu li ġej mingħand Alla.”—1 Korintin 2:12; Efesin 2:2, 3; ara n-​Nota numru 17 fl-​aħħar.

8 L-​ispirtu tad-​dinja jagħmel lin-​nies egoisti, kburin, u ribellużi. Dan iġegħelhom jaħsbu li m’għandhomx għalfejn jobdu lil Alla. Satana jrid lin-​nies jagħmlu li jridu mingħajr ma jaħsbu dwar il-​konsegwenzi. Hu jixtieq li n-​nies jemmnu li l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja hi li jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom, jiġifieri “x-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn.” (1 Ġwanni 2:16; 1 Timotju 6:9, 10) Ix-​Xitan qed jipprova jagħmel kulma jistaʼ biex ifixkel lill-​qaddejja taʼ Ġeħova u biex iqarraq bina ħalli naħsbuha bħalu.—Ġwanni 8:44; Atti 13:10; 1 Ġwanni 3:8.

9. L-​ispirtu tad-​dinja kif jistaʼ jeffettwana?

9 L-​ispirtu tad-​dinja hu bħall-​arja li nieħdu n-​nifs minnha. Dan l-​ispirtu jinsab kullimkien u se jeffettwana jekk ma nagħmlux kulma nistgħu biex nirreżistuh. (Aqra Proverbji 4:23.) Dan jistaʼ jibda b’mod li jidher innoċenti, bħal li nħallu lilna nfusna niġu effettwati mir-​raġunar u l-​attitudni tan-​nies li ma jqimux lil Ġeħova. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Jew inkella nistgħu niġu effettwati minn affarijiet bħall-​pornografija, l-​apostasija, jew l-​isports li jintlagħab b’attitudni kompetittiva ħafna.—Ara n-​Nota numru 18 fl-​aħħar.

10. Kif nistgħu nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja?

10 Allura, kif nistgħu nevitaw li niġu kkontrollati mill-​ispirtu tad-​dinja? Għandna bżonn nibqgħu qrib Ġeħova u nħallu l-​għerf tiegħu jiggwidana. Hemm bżonn li nibqgħu nitolbu għall-​ispirtu qaddis u nibqgħu beżlin fis-​servizz tagħna lejh. Ġeħova huwa l-​aktar Wieħed b’saħħtu fl-​univers. Allura, aħna ċerti li jistaʼ jgħinna nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja.—1 Ġwanni 4:4.

ILBES B’MOD LI JĠIB UNUR LIL ALLA

11. L-​ispirtu tad-​dinja kif jeffettwa x’jilbsu n-​nies?

11 Aħna nuru li m’aħniex parti mid-​dinja anki bil-​mod kif nilbsu u nidhru. Ħafna min-​nies tad-​dinja jilbsu biex jiġbdu l-​attenzjoni, biex iqanqlu ħsibijiet immorali, biex jirribellaw kontra n-​nies taʼ madwarhom, jew biex jiffanfraw b’kemm għandhom flus. Oħrajn ma jagħtux kas kif jidhru. Għandhom mnejn jilbsu kif ġie ġie jew ikunu maħmuġin. Ma nistgħux inħallu dawn l-​attitudnijiet jeffettwaw x’nilbsu u kif nidhru.

Nonora lil Ġeħova b’dak li nilbes?

12, 13. Liema prinċipji għandhom jgħinuna niddeċiedu x’se nilbsu?

12 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna dejjem irridu nilbsu pulit, nadif, sabiħ, u addattat għall-​okkażjoni. Aħna nilbsu “bil-​modestja u b’moħħ f’loku,” jew b’mod raġunevoli, ħalli b’hekk nuru li qed ‘inqimu lil Alla.’—1 Timotju 2:9, 10; Ġuda 21.

13 Dak li nilbsu jistaʼ jeffettwa kif oħrajn iqisu lil Ġeħova u n-​nies tiegħu. Aħna rridu ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’ (1 Korintin 10:31) Il-​modestja tinvolvi li nuru rispett għas-​sentimenti u l-​opinjonijiet t’oħrajn. Allura meta niġu biex nagħżlu l-​ħwejjeġ jew kif nidhru, irridu niftakru li dak li nagħżlu jeffettwa lil nies oħra.—1 Korintin 4:9; 2 Korintin 6:3, 4; 7:1.

14. X’għandna niftakru meta niġu biex nagħżlu x’nilbsu għall-​attivitajiet Kristjani?

14 Aħna kif nilbsu meta mmorru għal-​laqgħat tagħna jew għal-​ministeru tal-​għalqa? Niġbdu wisq attenzjoni lejna nfusna? Il-​ħwejjeġ tagħna jimbarazzaw lil oħrajn? Inħossu li ħadd m’għandu jindaħlilna x’nilbsu? (Filippin 4:5; 1 Pietru 5:6) M’għandniex xi ngħidu, kulħadd irid jidher tajjeb. Imma l-​affarijiet li verament se jagħmluna attraenti huma l-​kwalitajiet Kristjani. Dawn huma l-​kwalitajiet li Ġeħova jara meta jħares lejna. Dawn juru min aħna, “il-​persuna minn ġewwa.” U dan hu “taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pietru 3:3, 4.

15. Ġeħova għala ma taniex ħafna regoli dwar kif għandna nilbsu?

15 Ġeħova ma taniex xi lista bir-​regoli dwar x’għandna u m’għandniex nilbsu. Minflok, hu pprovdielna l-​prinċipji tal-​Bibbja, li jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Ebrej 5:14) Hu jrid li nibbażaw id-​deċiżjonijiet kollha tagħna fuq l-​imħabba li għandna għalih u għal oħrajn. (Aqra Marku 12:30, 31.) Madwar id-​dinja kollha, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jilbsu b’modi differenti li jvarjaw skont il-​kultura tagħhom u dak li jogħġobhom b’mod personali. Din il-​varjetà hi sabiħa ħafna.

ĦARSA BILANĊJATA LEJN IL-​FLUS

16. Il-​mod kif ħafna nies iqisu l-​flus kif imur kontra t-​tagħlim taʼ Ġesù? X’mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna?

16 Satana jrid li n-​nies jaħsbu li l-​flus u l-​affarijiet li jkollhom se jagħmluhom kuntenti, imma l-​qaddejja taʼ Ġeħova jafu li dan mhux minnu. Aħna nafdaw fi kliem Ġesù: “Anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Il-​flus ma jistgħux jagħmluna verament ferħanin. Dawn ma jġibux ħbieb veri, paċi taʼ veru, jew ħajja taʼ dejjem. Ovvjament, għandna bżonn xi affarijiet materjali, u rridu ngawdu ħajjitna. Imma Ġesù għallimna li se nkunu kuntenti jekk ikollna relazzjoni tajba m’Alla u jekk il-​qima tagħna tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. (Mattew 5:3; 6:22) Saqsi lilek innifsek: ‘Ġejt effettwat mill-​mod kif id-​dinja tħares lejn il-​flus? Naħseb u nitkellem fuq il-​flus biss?’—Luqa 6:45; 21:34-​36; 2 Ġwanni 6.

17. X’benefiċċji jkollok jekk tiffoka fuq Ġeħova minflok fuq il-​flus?

17 Jekk niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova u ma naċċettawx il-​ħarsa tad-​dinja dwar il-​flus, ħajjitna se jkollha skop. (Mattew 11:29, 30) Aħna se nkunu kuntenti u jkollna moħħna mistrieħ. (Mattew 6:31, 32; Rumani 15:13) Aħna se nkunu inqas ansjużi dwar l-​affarijiet materjali. (Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.) Aħna se nieħdu pjaċir nagħtu u ngħinu lil oħrajn. (Atti 20:35) U l-​mod kif ngħixu se jippermettilna nqattgħu iktar ħin maʼ dawk li nħobbu. Nistgħu saħansitra norqdu aħjar.—Ekkleżjasti 5:12.

“L-​ARMATURA SĦIĦA”

18. Satana x’qed jipprova jagħmlilna?

18 Satana qed jipprova jeqred ir-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova, allura hemm bżonn li nagħmlu kulma nistgħu biex nipproteġuha. Il-​ġlieda tagħna hi “kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.” (Efesin 6:12) Satana u d-​dimonji tiegħu ma jriduniex inkunu kuntenti jew ngħixu għal dejjem. (1 Pietru 5:8) Dawn l-​għedewwa b’saħħithom qed jiġġieldu kontrina, imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova aħna nistgħu nirbħu l-​ġlieda!

19. Minn xiex tikkonsisti “l-​armatura” Kristjana?

19 Żmien ilu, is-​suldati kienu jilbsu armatura biex jipproteġu lilhom infushom fil-​gwerra. B’mod simili, aħna għandna nilbsu “l-​armatura” li tana Ġeħova. (Efesin 6:13) Din se tipproteġina. F’​Efesin 6:14-​18 naqraw hekk fuq din l-​armatura: “Għalhekk, żommu sod, b’ġenbejkom imħażżmin bil-​verità, u lebsin il-​kurazza tas-​sewwa, u b’saqajkom mixdudin [jew imlibbsin] bit-​tagħmir taʼ l-​aħbar tajba tal-​paċi. Fuq kollox, aqbdu f’idejkom it-​tarka kbira tal-​fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​Ħażin. Ukoll, aċċettaw l-​elmu tas-​salvazzjoni, u s-​sejf taʼ l-​ispirtu, jiġifieri, il-​kelma t’Alla, waqt li b’kull xorta taʼ talb u suppliki ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni bl-​ispirtu.”

20. X’għandna nagħmlu biex “l-​armatura” tkun t’għajnuna?

20 Jekk suldat jinsa xi parti mill-​armatura tiegħu u jħalli parti minn ġismu bla protezzjoni, l-​għadu se jattakkah propju hemm! Jekk irridu li “l-​armatura” tipproteġina, ma nistgħux ninsew xi parti minnha. Hemm bżonn li nilbsuha l-​ħin kollu u nżommuha f’kundizzjoni tajba. Il-​ġlieda tagħna se tkompli sakemm Satana, id-​dimonji tiegħu, u l-​ħażen jitneħħew mill-​art. (Rivelazzjoni 12:17; 20:1-​3) Allura m’għandniex naqtgħu qalbna jekk qed niġġieldu kontra xewqat ħżiena jew jekk għandna xi dgħufijiet.—1 Korintin 9:27.

21. Kif nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna?

21 M’aħniex b’saħħitna biżżejjed biex niġġieldu lix-​Xitan waħedna. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu! Biex nibqgħu leali, hemm bżonn li nitolbu lil Ġeħova, nistudjaw il-​Kelma tiegħu, u niltaqgħu maʼ ħutna. (Ebrej 10:24, 25) Meta nagħmlu hekk, se nkunu lesti biex niddefendu l-​fidi tagħna.

KUN LEST BIEX TIDDEFENDI L-​FIDI TIEGĦEK

22, 23. (a) Kif nistgħu nibqgħu lesti biex niddefendu l-​fidi? (b) X’se niddiskutu fil-​kapitlu li jmiss?

22 Hemm bżonn li l-​ħin kollu nkunu lesti biex niddefendu l-​fidi tagħna. (Ġwanni 15:19) F’ċerti kwistjonijiet, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu l-​affarijiet b’mod differenti mill-​maġġoranza tan-​nies. Saqsi lilek innifsek: ‘Jien verament nifhem għala nagħmlu l-​affarijiet b’dan il-​mod? Jien ċert li l-​Bibbja u l-​ilsir leali u għaqli qed jgħidu l-​verità? (Mattew 24:45; Ġwanni 17:17) Jien kburi li jien Xhud taʼ Ġeħova? (Salm 34:2; Mattew 10:32, 33) Nistaʼ nispjega dak li nemmen lil oħrajn?ʼ—Aqra l-1 Pietru 3:15.

23 F’ħafna mis-​sitwazzjonijiet, m’hemmx dubju dwar x’għandna nagħmlu biex nibqgħu separati mid-​dinja. Imma drabi oħra, mhuwiex daqshekk ċar. Satana jipprova jaqbadna b’nases differenti. Waħda min-​nases hi d-​divertiment. Kif nistgħu nuru li aħna bil-​għaqal meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment tagħna? Dan se narawh fil-​kapitlu li jmiss.