Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 13

Iċ-ċelebrazzjonijiet—Kollha jogħġbuh lil Alla?

Iċ-ċelebrazzjonijiet—Kollha jogħġbuh lil Alla?

“Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.”—EFESIN 5:10.

1. Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-​qima tagħna tkun togħġob lil Ġeħova, u għala hemm bżonn nagħmlu hekk?

 ĠESÙ qal: “L-​aduraturi veri jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità, għax, tabilħaqq, il-​Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23; 6:44) Kull wieħed minnha għandu jibqaʼ jagħmel ċert dwar x’inhu aċċettabbli għal Alla. (Efesin 5:10) Dan mhuwiex dejjem faċli. Satana jipprova jfixkilna biex b’hekk nagħmlu affarijiet li Ġeħova ma jiħux pjaċir bihom.—Rivelazzjoni 12:9.

2. Spjega x’ġara ħdejn il-​Muntanja Sinaj.

2 Satana kif jipprova jfixkilna? Mod wieħed hu billi jipprova jġegħelna naħsbu li l-​ħażin hu tajjeb. Innota x’ġara lill-​poplu t’Iżrael meta kienu kkampjati viċin il-​Muntanja Sinaj. Mosè kien telaʼ fuq il-​muntanja, u n-​nies kienu qed jistennewh biex jerġaʼ lura lejn il-​kamp. Eventwalment, huma xebgħu jistennew u talbu lil Aron biex jagħmel alla għalihom. Hu għamel idolu tad-​deheb forma t’għoġol. Imbagħad in-​nies għamlu festa. Huma żifnu madwar l-​għoġol u mielu quddiemu. Huma ħasbu li meta jmilu quddiem l-​għoġol, kienu qed iqimu lil Ġeħova. Imma l-​fatt li n-​nies qiesu din iċ-​ċelebrazzjoni bħala “festa lil Ġeħova,” ma kienx ifisser li dak li kienu qed jagħmlu kien jogħġob lil Alla. Ġeħova qies dak li kienu qed jagħmlu bħala idolatrija, u ħafna minnhom spiċċaw mietu. (Eżodu 32:1-​6, 10, 28) X’nitgħallmu minn dan? Oqgħod attent li ma tiġix imqarraq. ‘Tmiss xejn li m’huwiex nadif,’ jiġifieri, tinvolvix ruħek fir-​reliġjon falza. Għandek tħalli lil Ġeħova jgħallmek x’inhu tajjeb u ħażin.—Isaija 52:11; Eżekjel 44:23; Galatin 5:9.

3, 4. Għala hu tajjeb li naraw kif bdew ħafna miċ-​ċelebrazzjonijiet popolari?

3 Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera lill-​appostli x’għandhom jagħmlu biex ikunu t’eżempju tajjeb fil-​qima vera. Wara li Ġesù miet, l-​appostli komplew jgħallmu l-​prinċipji taʼ Ġeħova lid-​dixxipli ġodda. Imma wara li l-​appostli mietu, għalliema foloz bdew idaħħlu drawwiet u ċelebrazzjonijiet pagani u ideat ħżiena fil-​kongregazzjoni. Huma saħansitra taw isem ġdid lil xi ċelebrazzjonijiet pagani biex jagħmluhom jidhru Kristjani. (Atti 20:29, 30; 2 Tessalonikin 2:7, 10; 2 Ġwanni 6, 7) Ħafna minn dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet għadhom popolari sal-​lum. Dawn għadhom jinkuraġġixxu twemmin falz u huma saħansitra influwenzati mid-​dimonji. *Rivelazzjoni 18:2-​4, 23.

4 Fid-​dinja llum, iċ-​ċelebrazzjonijiet u l-​festi huma importanti għan-​nies. Però, hekk kif tkompli ssir taf kif Ġeħova jqis l-​affarijiet, tistaʼ tinduna li hemm bżonn tbiddel il-​mod kif taħsibha dwar ċerti ċelebrazzjonijiet. Għalkemm dan jistaʼ jkun diffiċli għalik, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek. Ejja naraw minn xiex bdew ċerti ċelebrazzjonijiet popolari ħalli b’hekk inkunu nistgħu nifhmu kif Ġeħova jħossu dwarhom.

KIF BEDA L-​MILIED?

5. X’juri li Ġesù ma twilidx fil-​25 taʼ Diċembru?

5 F’ħafna partijiet tad-​dinja, il-​Milied jiġi ċċelebrat fil-​25 taʼ Diċembru. Ħafna nies jaħsbu li din hi d-​data li fiha twieled Ġesù. Il-​Bibbja la ssemmi l-​ġurnata u lanqas ix-​xahar meta twieled Ġesù, imma tagħtina indikazzjoni dwar liema żmien tas-​sena kien. Luqa kiteb li f’Betlem, meta twieled Ġesù, ‘xi ragħajja kienu jgħixu barra’ biex jieħdu ħsieb l-​imrieħel tagħhom. (Luqa 2:8-​11) Fix-​xahar taʼ Diċembru, it-​temp f’Betlem ikun kiesaħ, bix-​xita, u kultant jagħmel is-​silġ. Allura, ir-​ragħajja kieku ma kinux se joqogħdu barra mal-​merħliet tagħhom billejl. X’jgħallimna dan? Li Ġesù ma twilidx f’Diċembru, imma twieled fi żmien meta t-​temp ma kienx kiesaħ. Kemm il-​Bibbja u kemm evidenza tal-​passat juru li hu twieled f’xi żmien bejn ix-​xhur li issa nafuhom bħala Settembru u Ottubru.

6, 7. (a) Ħafna drawwiet popolari tal-​Milied kif bdew? (b) X’għandha tkun ir-​raġuni għala nagħtu r-​rigali?

6 Allura kif beda l-​Milied? Dan beda minn festi pagani, bħall-​festa Rumana Saturnalja. Din hi ċelebrazzjoni dedikata lill-​alla tal-​agrikoltura, li jissejjaħ Saturnu. Il-​ktieb The Encyclopedia Americana jgħid: “Is-​Saturnalja, festa Rumana ċċelebrata f’nofs Diċembru, ipprovdiet il-​mudell għal ħafna mid-​drawwiet ferriħin tal-​Milied. Pereżempju, minn din iċ-​ċelebrazzjoni, ħarġet id-​drawwa li jsiru ikliet kbar, jingħataw ir-​rigali, u jinxtegħlu x-​xemgħat.” Barra minn hekk, fil-​25 taʼ Diċembru kien jiġi ċċelebrat jum it-​twelid tal-​alla Persjan tax-​xemx, li jissejjaħ Mitra.

7 Minkejja dan, illum, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li jiċċelebraw il-​Milied ma jaħsbux dwar l-​oriġini pagani tiegħu. Huma sempliċiment iħarsu ’l quddiem għall-​Milied biex iqattgħu l-​ħin maʼ tal-​familja, igawdu l-​ikel, u jagħtu r-​rigali. Ovvjament, aħna nħobbuhom lil tal-​familja u l-​ħbieb, u Ġeħova jixtieq li nkunu ġenerużi maʼ xulxin. Bħalma jgħid it-​2 Korintin 9:7, “Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” Ġeħova ma jixtiqniex li naqsmu m’oħrajn biss f’okkażjonijiet speċjali. In-​nies taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jagħtu r-​rigali u jiltaqgħu mal-​ħbieb u l-​familja f’kull żmien tas-​sena, mingħajr ma jistennew xi ħaġa lura. Huma jaqsmu m’oħrajn għax iħobbuhom.—Luqa 14:12-​14.

Meta nkunu nafu kif bdew iċ-ċelebrazzjonijiet, se nifhmu xi rridu nevitaw

8. Veru li l-​astrologi taw ir-​rigali lil Ġesù meta kien għadu tarbija tat-​twelid? Spjega.

8 Ħafna nies jemmnu li tliet slaten maġi ħadu r-​rigali lil Ġesù meta kien għadu tarbija tat-​twelid fl-​istalla. Din hi waħda mir-​raġunijiet għala jagħtu r-​rigali fil-​Milied. Fi żmien il-​Bibbja, kien komuni li jingħataw ir-​rigali lil persuna importanti, u huwa veru li grupp taʼ rġiel żaru lil Ġesù u tawh ir-​rigali. (1 Slaten 10:1, 2, 10, 13) Imma kont taf li l-​Bibbja tgħid li dawn l-​irġiel kienu astrologi, jiġifieri nies li jagħmlu l-​maġija u li ma jqimux lil Ġeħova? Barra minn hekk, huma ma żarux lil Ġesù meta kien għadu tarbija tat-​twelid fl-​istalla. Huma żaruh iktar tard, meta kien qed jgħix ġo dar. Ukoll, x’aktarx l-​astrologi damu xi xhur jivvjaġġaw min-​naħa tal-​Lvant. Sakemm waslu ħdejn Ġesù, hu ma kienx għadu tarbija tat-​twelid.—Mattew 2:1, 2, 11.

IL-​BIBBJA X’TGĦID DWAR IL-​BIRTHDAYS?

9. Liema ċelebrazzjonijiet tal-​birthday jissemmew fil-​Bibbja?

9 Il-​ġurnata meta titwieled tarbija, hi ġurnata taʼ ferħ. (Salm 127:3) Imma dan ma jfissirx li għandna niċċelebraw il-​birthdays. Aħseb dwar dan: Fil-​Bibbja jissemmew biss żewġ ċelebrazzjonijiet tal-​birthday. Waħda taʼ meta għalaq żmienu Fargħun Eġizzjan, u darba oħra meta għalaq żmienu s-​Sultan Erodi Antipa. (Aqra Ġenesi 40:20-​22; Marku 6:21-​29.) L-​ebda wieħed minnhom ma kien iqim lil Ġeħova. Fil-​fatt, fil-​Bibbja mkien ma nsibu li xi wieħed mill-​qaddejja t’Alla ċċelebra għeluq sninu.

10. Il-​Kristjani tal-​bidu kif kienu jqisu ċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​birthday?

10 Il-​ktieb The World Book Encyclopedia jgħid li l-​Kristjani tal-​bidu “kienu jqisu ċ-​ċelebrazzjoni taʼ jum it-​twelid taʼ persuna bħala drawwa pagana.” Drawwiet bħal dawn kienu ġejjin minn twemmin falz. Pereżempju, fl-​antik, il-​Griegi kienu jemmnu li meta persuna titwieled, kien ikun hemm spirtu preżenti. Huma kienu jaħsbu li dan kien jipproteġiha u li kellu konnessjoni maʼ alla li jkun twieled fl-​istess ġurnata tal-​persuna. Huma kienu jemmnu li sabiex il-​persuna tkun protetta matul ħajjitha kellha tiċċelebra l-​birthday. Barra minn hekk, il-​birthdays għandhom x’jaqsmu wkoll mal-​astroloġija u l-​oroskopji.

11. Ġeħova kif iħossu dwar li nkunu ġenerużi?

11 Ħafna nies iħossu li l-​birthday tagħhom hu ġurnata speċjali li fiha oħrajn għandhom juruhom apprezzament u mħabba. Imma m’hemmx għalfejn tasal xi ġurnata partikolari biex nuru mħabba lejn tal-​familja u l-​ħbieb. Aħna nistgħu nagħmlu dan tul is-​sena kollha. Ġeħova jridna nkunu qalbna tajba u ġenerużi l-​ħin kollu. (Aqra Atti 20:35.) Aħna nuru l-​apprezzament tagħna lejn Alla għar-​rigal prezzjuż tal-​ħajja kuljum, u mhux biss dakinhar li nagħlqu żmienna.—Salm 8:3, 4; 36:9.

Il-Kristjani veri jagħtu r-rigali lil oħrajn għax iħobbuhom

12. Il-​jum li mmutu kif jistaʼ jkun aħjar mill-​jum li nitwieldu?

12 Ekkleżjasti 7:1 jgħid: “Isem tajjeb aħjar minn żejt tajjeb, u jum il-​mewt aħjar minn jum it-​twelid.” Il-​jum li mmutu kif jistaʼ jkun aħjar mill-​jum li nitwieldu? Meta nitwieldu, aħna nkunu għadna m’għamilna xejn f’ħajjitna, la tajjeb u lanqas ħażin. Imma meta nużaw ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova u nagħmlu affarijiet tajbin għal oħrajn, aħna se jkollna “isem tajjeb,” jew reputazzjoni tajba. B’hekk, Ġeħova se jiftakarna anki wara li mmutu. (Ġob 14:14, 15) In-​nies taʼ Ġeħova la jiċċelebraw il-​birthday tagħhom u lanqas dak taʼ Ġesù. Fil-​fatt, l-​unika okkażjoni li Ġesù kkmandana niċċelebraw hi t-​Tifkira tal-​mewt tiegħu.—Luqa 22:17-​20; Ebrej 1:3, 4.

KIF BEDA L-​GĦID?

13, 14. L-​Għid maʼ xiex għandu x’jaqsam?

13 Ħafna nies jaħsbu li meta jiċċelebraw l-​Għid ikunu qed jiċċelebraw l-​irxoxt taʼ Ġesù. Imma fil-​fatt, iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Għid (Easter) għandha x’taqsam maʼ Eostre, li hi l-​alla mara pagana Anglo-​Sassona tas-​sebħ u r-​rebbiegħa. The Dictionary of Mythology jgħid li din kienet ukoll alla tal-​fertilità. Ċerti drawwiet tal-​Għid għandhom x’jaqsmu maʼ dan. Pereżempju, il-​ktieb Encyclopædia Britannica jgħid li l-​bajd “kien popolari bħala simbolu tal-​ħajja ġdida u l-​irxoxt.” Barra minn hekk, il-​fniek intużaw għal żmien twil bħala simbolu tal-​fertilità fil-​qima pagana. Mela huwa ċar li l-​Għid m’għandux x’jaqsam mal-​irxoxt taʼ Ġesù.

14 Ġeħova xejn ma jieħu pjaċir meta jara lin-​nies iħalltu d-​drawwiet tar-​reliġjon falza mal-​irxoxt taʼ Ibnu. (2 Korintin 6:17, 18) Fil-​fatt, Ġeħova qatt ma talabna niċċelebraw l-​irxoxt taʼ Ġesù.

X’INHU L-​HALLOWEEN?

15. Il-​Halloween kif beda?

15 Il-​Halloween, jissejjaħ ukoll All Hallows’ Eve jew Lejlet il-​Qaddisin Kollha. Dan għandu x’jaqsam mas-​sħaħar, il-​goblins (ħlejjaq żgħar u koroh li jġibu l-​inkwiet), u l-​fatati. Din iċ-​ċelebrazzjoni mhix ġdida. Żmien ilu, nies Ċeltiċi fil-​Brittanja u l-​Irlanda kienu jiċċelebraw il-​festa tas-​Samhain meta jaħbat qamar sħiħ fl-​iktar data viċin l-​1 taʼ Novembru. Huma kienu jemmnu li matul din il-​festa, l-​ispirti tal-​mejtin kienu jerġgħu lura fid-​dinja. In-​nies kienu joħorġu l-​ikel u x-​xorb biex b’hekk l-​ispirti ma jagħmlulhomx ħsara. Illum, it-​tfal jilbsu l-​kostumi u jmorru jħabbtu l-​bibien għall-​ħelu billi jgħidu “Trick or treat,” u jekk in-​nies ma jtuhomx, jagħmlulhom ċajta kerha. Meta jagħmlu hekk, it-​tfal bla ma jafu jkunu qed jimitaw din id-​drawwa antika influwenzata mid-​dimonji.

TIĠIJIET LI JOGĦĠBU LIL ALLA

16, 17. Dwar xiex għandna naħsbu meta nkunu qed nippjanaw għat-​tieġ?

16 It-​tiġijiet huma okkażjonijiet taʼ ferħ. Madwar id-​dinja, it-​tiġijiet jiġu ċċelebrati b’ħafna modi differenti. In-​nies ġeneralment ma joqogħdux jaħsbu minn fejn ġejjin id-​drawwiet tat-​tiġijiet, allura forsi ma jkunux jafu li xi drawwiet ġejjin minn twemmin reliġjuż pagan. Imma koppja Kristjana li qed jagħmlu l-​pjanijiet għat-​tieġ se jkunu jridu jagħmlu ċert li t-​tieġ tagħhom jogħġob lil Ġeħova. Jekk jitgħallmu kif bdew id-​drawwiet tat-​tiġijiet, huma se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Marku 10:6-​9.

17 Ċerti nies jemmnu li xi drawwiet li jsiru fit-​tiġijiet iġibu l-​‘fortuna’ lill-​koppja l-​ġdida. (Isaija 65:11) Pereżempju, f’ċerti postijiet, in-​nies jitfgħu ross, biċċiet tal-​karti żgħar, jew affarijiet simili fuq l-​għarus u l-​għarusa. Huma jemmnu li dan se jipproteġi lill-​koppja mill-​ħażen u jberikhom bit-​tfal, ferħ, u ħajja twila. Imma l-​Kristjani għandhom joqogħdu attenti li jevitaw kull drawwa li għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza u s-​superstizzjoni.—Aqra t-2 Korintin 6:14-18.

18. Liema prinċipji oħra japplikaw għat-​tiġijiet?

18 Koppja Kristjana jkunu jixtiequ li t-​tieġ ikun okkażjoni taʼ dinjità u ferħ għal kulħadd. Dawk mistidnin għal tieġ Kristjan mhumiex se jagħmlu diskors pubbliku li fih kliem li jweġġaʼ, kliem doppju sens, jew kliem li hu taʼ diżrispett għall-​għarus u l-​għarusa jew oħrajn. (Proverbji 26:18, 19; Luqa 6:31; 10:27) Il-​Kristjani ma jużawx l-​okkażjoni tat-​tieġ biex jiffanfraw b’dak li għandhom. (1 Ġwanni 2:16) Jekk qed tippjana għat-​tieġ, agħmel ċert li jħallilek memorji sbieħ meta jgħaddi.—Ara n-​Nota numru 28 fl-​aħħar.

ID-​DRAWWA TAʼ LI JGĦOLLU T-​TAZZI FLIMKIEN

19, 20. Kif bdiet id-​drawwa taʼ li jgħollu t-​tazzi flimkien?

19 Drawwa komuni oħra fit-​tiġijiet u okkażjonijiet soċjali oħra hi li n-​nies jgħollu t-​tazzi flimkien jew, fi kliem ieħor, jagħmlu cheers. Din issir billi xi ħadd jesprimi xewqat sbieħ waqt li oħrajn jgħollu jew iħabbtu t-​tazzi flimkien. Il-​Kristjani kif għandhom iqisuha din id-​drawwa?

20 Il-​ktieb International Handbook on Alcohol and Culture jgħid li d-​drawwa taʼ li n-​nies jgħollu t-​tazzi waqt li jesprimu x-​xewqat tagħhom probabbilment ġejja minn drawwa antika pagana “fejn in-​nies kienu joffru likwidu sagru lill-​allat . . . biex b’hekk jisimgħu t-​talba tagħhom biex ikollhom ħajja twila jew saħħa tajba.” Fi kliem ieħor, huma kienu jgħollu t-​tazzi tagħhom biex jitolbu lill-​allat tagħhom għal barka. Imma dan mhuwiex il-​mod kif Ġeħova jagħti l-​barkiet.—Ġwanni 14:6; 16:23.

“INTOM LI TĦOBBU LIL ĠEĦOVA, OBOGĦDU DAK LI HU ĦAŻIN”

21. Liema ċelebrazzjonijiet oħra għandhom jevitaw il-​Kristjani?

21 Meta tiġi biex tiddeċiedi jekk tiħux sehem f’xi ċelebrazzjoni, aħseb dwar liema attitudni u mġiba tinkuraġġixxi din iċ-​ċelebrazzjoni. Pereżempju, xi ċelebrazzjonijiet u karnivali jkun fihom żfin senswali, xorb bl-​addoċċ, u saħansitra immoralità. Ċelebrazzjonijiet bħal dawn jistgħu anki jinkuraġġixxu stil taʼ ħajja omosesswali jew jinkuraġġixxu preferenzi bejn pajjiż jew ieħor. Se nkunu qed nuru li verament nobogħdu dak li jobgħod Ġeħova jekk nieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet bħal dawn?—Salm 1:1, 2; 97:10; 119:37.

22. X’jistaʼ jgħin lil Kristjan jiddeċiedi jekk hux se jieħu sehem f’ċelebrazzjoni?

22 Il-​Kristjani għandhom bżonn joqogħdu attenti ħafna biex jevitaw kwalunkwe ċelebrazzjoni li ma togħġobx lil Alla. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31; ara n-​Nota numru 29 fl-​aħħar.) Ovvjament, mhux kull ċelebrazzjoni għandha x’taqsam mal-​immoralità, ir-​reliġjon falza, jew tinkuraġġixxi preferenzi bejn pajjiż jew ieħor. Jekk ċelebrazzjoni ma tmurx kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja, għandna bżonn nieħdu deċiżjoni personali dwar jekk hux se nieħdu sehem fiha jew le. Irridu nikkunsidraw ukoll kif id-​deċiżjoni tagħna se teffettwa lil oħrajn.

FAĦĦAR LIL ĠEĦOVA B’DAK LI TGĦID U TAGĦMEL

23, 24. Kif nistgħu nispjegaw id-​deċiżjoni tagħna dwar iċ-​ċelebrazzjonijiet lil tal-​familja?

23 Int x’aktarx m’għadekx tieħu sehem f’ċelebrazzjonijiet li ma jġibux tifħir lil Ġeħova. Imma minħabba f’hekk, xi membri tal-​familja tiegħek li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jaħsbu li m’għadekx tieħu pjaċir tqattaʼ l-​ħin magħhom. Huma forsi jħossu li l-​festi huma l-​unika okkażjoni fejn jiltaqgħu flimkien bħala familja. Allura x’tistaʼ tagħmel? Hemm ħafna modi kif tistaʼ turihom li tħobbhom u li huma importanti għalik. (Proverbji 11:25; Ekkleżjasti 3:12, 13) Int tistaʼ tistidinhom biex iqattgħu ftit ħin miegħek drabi oħra.

24 Jekk dawk li jiġu minnek jixtiequ jkunu jafu għala m’għadekx tieħu sehem f’ċerti ċelebrazzjonijiet, int tistaʼ ssib informazzjoni li tistaʼ tgħinek twiġibhom fil-​pubblikazzjonijiet tagħna u fuq jw.org/mt. Tagħtihomx l-​impressjoni li qed tipprova tirbaħ l-​argument jew iġġegħelhom jaħsbuha bħalek. Għinhom jifhmu li int ikkunsidrajt ħafna informazzjoni qabel ma ħadt din id-​deċiżjoni personali. Ibqaʼ kalm, u ‘ħa jkun kliemek dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ.’—Kolossin 4:6.

25, 26. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom isiru jħobbu l-​livelli taʼ Ġeħova?

25 Hu importanti li kull wieħed minnha jifhem sew ir-​raġunijiet għala ma niħdux sehem f’ċerti ċelebrazzjonijiet. (Ebrej 5:14) Il-​mira tagħna hi li nogħġbu lil Ġeħova. U jekk aħna ġenituri, għandna nwarrbu ħin biex ngħinu lit-​tfal jifhmu l-​prinċipji tal-​Bibbja u jsiru jħobbuhom. Meta t-​tfal jiffurmaw ħbiberija personali maʼ Ġeħova, huma minn jeddhom se jkunu jixtiequ jagħmlu dak li jogħġob lilu.—Isaija 48:17, 18; 1 Pietru 3:15.

26 Ġeħova jieħu pjaċir jarana nagħmlu kulma nistgħu biex naqduh b’mod nadif u onest. (Ġwanni 4:23) Imma ħafna jaħsbu li hu impossibbli tkun onest f’dinja daqshekk diżonestà. Huwa veru dan? Din il-​mistoqsija se titwieġeb fil-​kapitlu li jmiss.

^ Int tistaʼ ssib informazzjoni dwar ċelebrazzjonijiet speċifiċi fil-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u fuq jw.org/mt.