Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 8

Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu nodfa

Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu nodfa

“Maʼ dak li qed iżomm nadif int se tkun nadif.”—SALM 18:26.

1-3. (a) Omm għala tagħmel ċert li t-​tifel tagħha hu nadif? (b) Ġeħova għala jrid li n-​nies tiegħu jkunu nodfa?

 IMMAĠINA omm li bi mħabba qed tlesti lit-​tifel tagħha għall-​iskola. Hi tagħmel ċert li nħasel u li ħwejġu huma puliti u nodfa. Dan jipproteġih mill-​mard u juri lil oħrajn li l-​ġenituri tiegħu jieħdu ħsiebu.

2 Missierna, Ġeħova, iridna nkunu nodfa u puri. (Salm 18:26) Hu jaf li hu għall-​ġid tagħna li nkunu nodfa. Barra minn hekk, meta nkunu nodfa, inġibu tifħir lilu.—Eżekjel 36:22; aqra l-1 Pietru 2:12.

3 Xi jfisser li nkunu nodfa? U għala hu tajjeb għalina li nkunu nodfa? Hekk kif naraw it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, nistgħu nindunaw li għandna bżonn nagħmlu xi bidliet.

GĦALA HEMM BŻONN LI NKUNU NODFA?

4, 5. (a) Għala rridu nkunu nodfa? (b) Il-​ħolqien x’jgħallimna dwar kif Ġeħova jqis l-​indafa?

4 Aħna nitgħallmu dwar li nkunu nodfa u puri mill-​eżempju taʼ Ġeħova stess. (Levitiku 11:44, 45) Allura, l-​iktar raġuni importanti għala għandna nkunu nodfa hi għax irridu ‘nimitaw lil Alla.’—Efesin 5:1.

5 Mill-​ħolqien nitgħallmu ħafna dwar kif Ġeħova jqis l-​indafa. Ġeħova ħalaq ċikli tan-​natura biex iżommu l-​arja u l-​ilma nodfa. (Ġeremija 10:12) Aħseb dwar il-​ħafna modi kif id-​dinja tnaddaf lilha nfisha, anki wara li n-​nies iħammġuha. Pereżempju, Ġeħova ħalaq tip taʼ mikrobi tajbin. Dawn tant huma żgħar li trid mikroskopju biex tarahom. Dawn il-​mikrobi jistgħu jbiddlu materjal tossiku f’xi ħaġa nadifa. Dan hu proċess effettiv. Ix-​xjentisti saħansitra jużaw dawn il-​mikrobi tajbin biex inaddfu xi ħaġa li kienet imniġġsa.—Rumani 1:20.

6, 7. Kif nafu li dawk li jaqdu lil Alla għandhom ikunu nodfa?

6 Aħna nitgħallmu wkoll dwar l-​importanza tal-​indafa mil-​Liġi li Alla ta lill-​Iżraelin permezz taʼ Mosè. Pereżempju, in-​nies kellhom ikunu nodfa fiżikament biex Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħhom. F’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir kellu jinħasel darbtejn. (Levitiku 16:4, 23, 24) U qabel ma l-​qassisin l-​oħrajn joffru s-​sagrifiċċji, kellhom jaħslu saqajhom u jdejhom. (Eżodu 30:17-​21; 2 Kronaki 4:6) F’xi sitwazzjonijiet, il-​kastig talli ma jobdux dawn il-​liġijiet kien il-​mewt.—Levitiku 15:31; Numri 19:17-​20.

7 Xi ngħidu għal-​lum? Il-​Liġi t’Alla tgħallimna ħafna dwar il-​livelli tiegħu fejn tidħol l-​indafa. (Malakija 3:6) Bla dubju, il-​Liġi wriet li l-​qaddejja taʼ Ġeħova kellhom ikunu nodfa. Il-​livelli t’Alla ma nbidlux. Illum, hu xorta jistenna li l-​qaddejja tiegħu jkunu nodfa u puri.—Ġakbu 1:27.

XI JFISSER LI NKUNU NODFA?

8. Fiex irridu nkunu nodfa?

8 Mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, li nkunu nodfa jinvolvi iktar milli nżommu ġisimna, ħwejjiġna, u darna nodfa. L-​indafa tinvolvi ħajjitna kollha. Tinkludi l-​qima, l-​imġiba, u l-​ħsibijiet tagħna. Iva, sabiex Ġeħova jqisna nodfa, irridu nkunu nodfa u puri f’kull aspett taʼ ħajjitna.

9, 10. Xi jfisser li nkunu nodfa fil-​qima tagħna?

9 Qima nadifa. Aħna bl-​ebda mod m’għandna nkunu involuti fir-​reliġjon falza. Meta l-​Iżraelin kienu priġunieri f’Babilonja, huma kienu mdawrin b’nies li kienu jagħmlu affarijiet immorali waqt li jqimu lill-​idoli tagħhom u anki jgħallmu ħafna gideb reliġjuż. Isaija pprofetizza li l-​Iżraelin kienu se jmorru lura f’Iżrael u jerġgħu jagħtu bidu għall-​qima vera. Ġeħova qalilhom: “Oħorġu minn hemmhekk, tmissu xejn li m’huwiex nadif; oħorġu minn ġo nofsha, ibqgħu nodfa.” Il-​qima tagħhom lil Alla ma kellhiex titħallat mat-​tagħlim, id-​drawwiet, jew it-​tradizzjonijiet tar-​reliġjon falza taʼ Babilonja.—Isaija 52:11.

10 Anki l-​Kristjani veri tal-​lum jevitaw ir-​reliġjon falza. (Aqra l-1 Korintin 10:21.) Madwar id-​dinja, hemm ħafna tradizzjonijiet, drawwiet, u twemmin popolari li huma bbażati fuq tagħlim reliġjuż falz. Pereżempju, f’ħafna kulturi, in-​nies jemmnu li hemm xi ħaġa ġo fina li tibqaʼ ħajja wara li mmutu. Hemm ħafna drawwiet ibbażati fuq dan it-​twemmin falz, bħal meta xi nies jixegħlu xemgħa għall-​mejtin. (Ekkleżjasti 9:5, 6, 10) Il-​Kristjani jridu jevitaw drawwiet bħal dawn. Il-​membri tal-​familja tagħna forsi jisforzawna biex nieħdu sehem f’xi drawwa minn dawn. Imma peress li aħna rridu nkunu nodfa quddiem Ġeħova, ma nċedux biex nagħmlu xi ħaġa bħal din.—Atti 5:29.

11. Xi jfisser li nkunu nodfa fl-​imġiba tagħna?

11 Imġiba nadifa. Biex inkunu nodfa f’għajnejn Ġeħova, irridu nevitaw kull tip taʼ immoralità sesswali. (Aqra Efesin 5:5.) Fil-​Bibbja, Ġeħova jgħidilna biex ‘naħarbu miż-​żína,’ jiġifieri mill-​immoralità sesswali. Hu jagħmilha ċara li dawk li jagħmlu l-​immoralità u ma jindmux ‘ma jirtux is-​saltna t’Alla.’—1 Korintin 6:9, 10, 18; Ara n-​Nota numru 22 fl-​aħħar.

12, 13. Ħsibijietna għala għandhom ikunu nodfa?

12 Ħsibijiet nodfa. Ġeneralment, aħna naġixxu fuq dak li naħsbu. (Mattew 5:28; 15:18, 19) Ħsibijiet nodfa se jgħinuna biex naġixxu b’mod nadif. Ovvjament, aħna imperfetti, allura se jiġuna xi ħsibijiet ħżiena minn żmien għall-​ieħor. Imma meta jiġri dan, irridu nibdlu ħsibijietna mill-​ewwel. Jekk ma nagħmlux hekk, maż-​żmien nistgħu nindunaw li qalbna m’għadhiex nadifa. Jistaʼ jibda jkollna x-​xewqa li nagħmlu l-​affarijiet ħżiena li naħsbu dwarhom. Imma minflok, aħna għandna naħsbu fuq affarijiet nodfa. (Aqra Filippin 4:8.) Allura, għandna nevitaw divertiment li fih l-​immoralità u l-​vjolenza. Aħna noqogħdu attenti meta nagħżlu x’se naqraw, naraw, jew nitkellmu dwaru.—Salm 19:8, 9.

13 Biex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, irridu nibqgħu nodfa fil-​qima, l-​imġiba, u l-​ħsibijiet tagħna. Imma għal Ġeħova, hu importanti wkoll li nkunu nodfa fiżikament u li l-​affarijiet taʼ madwarna nżommuhom nodfa.

KIF NISTGĦU NŻOMMU LILNA NFUSNA U L-​AFFARIJIET TAʼ MADWARNA NODFA?

14. Għala hu importanti li nżommu lilna nfusna u l-​affarijiet taʼ madwarna nodfa?

14 Il-​fatt li nżommu lilna nfusna u l-​affarijiet taʼ madwarna nodfa hu taʼ ġid kemm għalina u kemm għal taʼ madwarna. Aħna se nħossuna tajbin, u oħrajn se jieħdu pjaċir ikunu magħna. Imma hemm raġuni iktar importanti għala għandna nkunu nodfa. Li nkunu nodfa se jġib tifħir lil Alla. Aħseb dwar dan: Jekk tara tifel li dejjem ikun maħmuġ, int tistaʼ taħseb b’mod negattiv dwar il-​ġenituri tiegħu. B’mod simili, jekk ma niħdux ħsieb tagħna nfusna sew u ma nżommux ruħna nodfa, nistgħu nġibu isem ħażin fuq Ġeħova. Pawlu qal: “Bl-​ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-​ministeru tagħna; imma b’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.”—2 Korintin 6:3, 4.

Bħala n-nies taʼ Ġeħova, irridu nżommu lilna nfusna u l-affarijiet taʼ madwarna nodfa

15, 16. X’nistgħu nagħmlu biex inżommu ruħna nodfa?

15 Ġisimna u ħwejjiġna. Li nżommu lilna nfusna nodfa għandu jkun parti mir-​rutina tagħna taʼ kuljum. Pereżempju, aħna ninħaslu regolarment, kuljum jekk jistaʼ jkun. Aħna naħslu jdejna bis-​sapun u l-​ilma qabel ma nsajru jew nieklu u speċjalment wara li nużaw it-​toilet jew immissu xi ħaġa maħmuġa. Li naħslu jdejna tistaʼ tidher xi ħaġa sempliċi, imma meta nagħmluha, inkunu qed inwaqqfu l-​mikrobi u l-​mard milli jinfirxu. Dan jistaʼ jsalva l-​ħajjiet. Jekk m’għandniex toilet jew sistema tad-​dranaġġ, xorta nistgħu nsibu modi tajbin kif narmu l-​ħmieġ. L-​Iżraelin tal-​qedem ma kellhomx sistema tad-​dranaġġ. Allura kellhom imorru ’l bogħod mid-​djar tan-​nies u minn kull sors tal-​ilma biex jarmu ħmieġhom f’ħofra u jgħattuh.—Dewteronomju 23:12, 13.

16 Ħwejjiġna m’għandhomx għalfejn ikunu elaborati, għaljin, jew tal-​aħħar moda. Imma għandhom ikunu puliti u nodfa. (Aqra l-1 Timotju 2:9, 10.) Aħna dejjem irridu nġibu tifħir lil Ġeħova bil-​mod kif nidhru.—Titu 2:10.

17. Għala rridu nżommu d-​dar tagħna u l-​affarijiet taʼ madwarna nodfa?

17 Id-​dar tagħna u l-​affarijiet taʼ madwarna. Ngħixu fejn ngħixu, aħna nżommu d-​dar tagħna nadifa. Aħna nagħmlu ċert ukoll li l-​karozza, il-​mutur, ir-​rota, jew kwalunkwe ħaġa li nużaw bħala trasport tkun nadifa, speċjalment jekk nużawha biex immorru għal-​laqgħat jew biex nippritkaw. Wara kollox, aħna nitkellmu m’oħrajn dwar ħajja f’ġenna tal-​art nadifa. (Luqa 23:43; Rivelazzjoni 11:18) Il-​mod kif inżommu d-​dar u l-​affarijiet tagħna jistaʼ juri li qed nippreparaw minn issa biex ngħixu f’dinja nadifa fil-​futur.

18. Għala rridu nżommu l-​post fejn nagħtu qima nadif?

18 Il-​post fejn nagħtu qima. Aħna nuru kemm l-​indafa hi importanti għalina billi nżommu l-​post tal-​laqgħa nadif, kemm jekk hi s-​Sala tas-​Saltna u anki fejn ikollna l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. Meta n-​nies jiġu s-​Sala tas-​Saltna għall-​ewwel darba, spiss jinnutaw kemm hi nadifa. Dan iġib tifħir lil Ġeħova. Bħala membri tal-​kongregazzjoni, ilkoll kemm aħna għandna l-​opportunità li nżommu s-​Sala tas-​Saltna nadifa u f’kundizzjoni tajba.—2 Kronaki 34:10.

NAQTGĦU VIZZJI ĦŻIENA

19. Xi rridu nevitaw?

19 Għalkemm il-​Bibbja ma ssemmix kull vizzju ħażin li għandna nevitaw, tagħtina prinċipji li jgħinuna nifhmu kif Ġeħova jħossu dwarhom. Hu ma jridniex inpejpu, nieħdu d-​droga, jew nixorbu wisq alkoħol. Jekk aħna ħbieb t’Alla, dawn l-​affarijiet se nevitawhom. Għala? Għax għandna rispett kbir lejn ir-​rigal tal-​ħajja. Vizzji bħal dawn jistgħu jqassrulna ħajjitna, ikunu taʼ ħsara għal saħħitna, u jagħmlu ħsara lin-​nies taʼ madwarna. Ħafna nies jipprovaw jaqtgħu dawn il-​vizzji biex jibżgħu għal saħħithom. Imma bħala l-​ħbieb taʼ Ġeħova, aħna għandna l-​aqwa raġuni biex naqtgħuhom—imħabbitna għal Alla. Waħda żagħżugħa qalet: “Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, bdejt ngħix ħajja nadifa u qtajt il-​vizzji ħżiena. . . . Naħseb kien ikun impossibbli li nagħmel dawn il-​bidliet waħdi.” Ejja niddiskutu ħames prinċipji tal-​Bibbja li se jgħinu lil xi ħadd biex jaqtaʼ vizzji ħżiena.

20, 21. X’inhuma xi raġunijiet għala Ġeħova ma jridx li jkollna vizzji ħżiena?

20 “Maħbubin, ladarba għandna dawn il-​wegħdi ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu, u nipperfezzjonaw il-​qdusija fil-​biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) Ġeħova ma jridx li jkollna vizzji ħżiena li jistgħu jagħmlu ħsara lil moħħna u ġisimna.

21 Raġuni soda għala għandna “nitnaddfu minn kull tinġis” insibuha fit-​2 Korintin 6:17, 18. Hemmhekk Ġeħova jgħidilna: “Tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.” Imbagħad hu jwiegħed: “Jien nilqagħkom. U nkun missier għalikom, u intom tkunu għalija wlied subien u bniet.” Iva, jekk nevitaw kull ħaġa li mhix nadifa u nibqgħu puri f’għajnejn Alla, hu se jħobbna bħalma missier iħobb lit-​tfal tiegħu.

22-25. Liema prinċipji Skritturali jistgħu jgħinuna nevitaw vizzji ħżiena?

22 “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Dan hu l-​iktar kmandament importanti. (Mattew 22:38) Ġeħova jistħoqqlu li nħobbuh b’qalbna kollha. Imma nkunu aħna qed nuru li nħobbuh b’qalbna kollha jekk nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa li se tqassrilna ħajjitna jew li se tkun taʼ ħsara għal moħħna? Mhux talli m’għandniex nagħmlu hekk, imma rridu nagħmlu kulma nistgħu biex nuru li napprezzaw il-​ħajja li tana.

23 “[Ġeħova] jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:24, 25) Kieku ħabib itik rigal speċjali, sejjer int tarmih jew tkissru? Żgur li le! Il-​ħajja hi rigal mill-​isbaħ mingħand Ġeħova. Aħna napprezzaw dan ir-​rigal immens. Allura rridu ngħixu ħajjitna b’mod li jġib tifħir lil Alla.—Salm 36:9.

24 “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Il-​vizzji ħżiena tagħna ma jagħmlux ħsara lilna biss. Jistgħu jkunu taʼ ħsara anki għal dawk taʼ madwarna, li ġeneralment ikunu l-​iktar nies li nħobbu. Pereżempju, persuna li tgħix maʼ xi ħadd li jpejjep jistaʼ jkollha problemi serji taʼ saħħa sempliċiment minħabba d-​duħħan li tiblaʼ. Imma meta naqtgħu l-​vizzji l-​ħżiena, aħna nuru li nħobbu lil dawk taʼ madwarna.—1 Ġwanni 4:20, 21.

25 “Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u ubbidjenti lejn il-​gvernijiet u l-​awtoritajiet.” (Titu 3:1) F’ħafna pajjiżi hu kontra l-​liġi li jkollok jew tuża ċerti drogi. Ladarba Ġeħova kkmandana biex nirrispettaw il-​gvernijiet, aħna nobdu l-​liġijiet tagħhom dwar id-​drogi.—Rumani 13:1.

Meta nkunu nodfa u puri, aħna nfaħħru lil Ġeħova

26. (a) Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħna? (b) Għala rridu nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nibqgħu puri u nodfa?

26 Jekk irridu nkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu xi bidliet. F’dal-​każ, irridu nibdew minn issa. Mhux dejjem ikun faċli li naqtgħu vizzju ħażin, imma jistaʼ jirnexxilna! Ġeħova jwegħedna li se jgħinna. Hu jgħid: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, li mmexxik fit-​triq li għandek timxi.” (Isaija 48:17) Meta nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu nodfa u puri, nistgħu nkunu ċerti li qed inġibu tifħir lil Alla tagħna.