Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 16

Irreżisti lix-Xitan

Irreżisti lix-Xitan

“Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—ĠAKBU 4:7.

1, 2. X’hemm bżonn li nkunu nafu dwar Satana u d-​dimonji?

 IL-​ĦAJJA fid-​dinja l-​ġdida taʼ Ġeħova se tkun xi ħaġa mill-​isbaħ. Fl-​aħħar, se ngħixu ħajjitna bil-​mod kif xtaq Alla fil-​bidu. Imma bħalissa qed ngħixu f’dinja kkontrollata minn Satana u d-​dimonji tiegħu. (2 Korintin 4:4) Għalkemm ma nistgħux narawhom, dawn jeżistu u huma b’saħħithom ħafna.

2 F’dan il-​kapitlu, se niddiskutu kif nistgħu nżommu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u nipproteġu ruħna minn Satana. Ġeħova jwiegħed li se jgħinna. Imma hemm bżonn li nitgħallmu dwar il-​metodi li Satana u d-​dimonji jużaw biex jidħqu bina u jattakkawna.

“BĦAL ILJUN JGĦAJJAT”

3. Ix-​Xitan x’jixtieq jagħmlilna?

3 Satana jgħid li n-​nies iqimu lil Ġeħova għax jaqblilhom. Hu jgħid li jekk niġu f’ċirkustanzi diffiċli ħafna ma nibqgħux naqdu lil Alla. (Aqra Ġob 2:4, 5.) Satana u d-​dimonji jinnotaw meta xi ħadd juri li jrid jitgħallem dwar Ġeħova, u huma jipprovaw iwaqqfuh. Huma jirrabjaw meta persuna tiddedika ħajjitha lil Ġeħova u titgħammed. Il-​Bibbja tqabbel lix-​Xitan maʼ “ljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Satana jixtieq ikissrilna l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.—Salm 7:1, 2; 2 Timotju 3:12.

Satana jirrabja meta nużaw ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova

4, 5. (a) Satana x’ma jistax jagħmel? (b) Kif nistgħu ‘nopponu lix-​Xitan’?

4 Imma m’għandniex għalfejn nibżgħu minn Satana u d-​dimonji tiegħu. Ġeħova għamel limitu għal dak li jistgħu jagħmlulna. Ġeħova jwiegħed li “folla kbira” taʼ Kristjani veri se jibqgħu ħajjin wara “t-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Rivelazzjoni 7:9, 14) Ix-​Xitan ma jistaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf dan, għax Alla qed jipproteġi lin-​nies Tiegħu.

5 Jekk nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, Satana mhux se jkun jistaʼ jbegħedna minn Ġeħova. Il-​Kelma t’Alla sserrħilna moħħna b’dan il-​kliem: “Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tkunu miegħu.” (2 Kronaki 15:2; aqra l-1 Korintin 10:13.) Ħafna nies leali li jissemmew fil-​Bibbja, bħal Abel, Enok, Noè, Sara, u Mosè, irreżistew lix-​Xitan billi baqgħu jżommu qrib taʼ Ġeħova. (Ebrej 11:4-​40) Aħna nistgħu nagħmlu l-​istess. Il-​Kelma t’Alla twiegħed: “Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġakbu 4:7.

AĦNA GĦANDNA ĠLIEDA

6. Satana x’qed jipprova jagħmel?

6 Satana jaf li Ġeħova ma jħallihx jagħmlilna kulma jrid. Minkejja dan, Satana xorta jipprova jagħmel minn kollox biex ibegħedna minn Alla. Illum, ix-​Xitan jattakka b’ħafna modi differenti. Hu għadu juża l-​istess metodi li uża għal eluf taʼ snin. Liema huma xi ftit minnhom?

7. Satana għala qed jattakka lin-​nies t’Alla? Kif qed jagħmel dan?

7 L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Bħalissa, Satana għandu kontroll fuq id-​dinja u jixtieq jikkontrolla lin-​nies t’Alla wkoll. (Mikea 4:1; Ġwanni 15:19; Rivelazzjoni 12:12, 17) Ix-​Xitan jaf li ma tantx fadallu żmien, allura qed jagħmel kulma jistaʼ biex iwaqqafna milli nkunu leali lejn Alla. Kultant ix-​Xitan juża attakki diretti, imma drabi oħra hu jattakka fin fin.

8. X’għandu jirrealizza kull Kristjan?

8 Efesin 6:12 jgħid li aħna nissaraw jew niġġieldu “kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.” Kull Kristjan għandu ġlieda personali kontra x-​Xitan u d-​dimonji. Hemm bżonn nirrealizzaw li kull min jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova qiegħed f’din il-​ġlieda. Fl-​ittra li l-​appostlu Pawlu bagħat lill-​Efesin, hu inkuraġġixxa lill-​Kristjani għal tliet darbiet biex ‘iżommu sod.’—Efesin 6:11, 13, 14.

9. Satana u d-​dimonji x’jipprovaw jagħmlulna?

9 Satana u d-​dimonji jipprovaw jidħqu bina b’modi differenti. Il-​fatt li nkunu bqajna sodi f’xi prova partikolari kontra Satana ma jfissirx li se nibqgħu sodi fi prova oħra. Ix-​Xitan jipprova jara fiex aħna dgħajfin biex ikun jistaʼ jagħżel l-​aħjar nases biex iwaqqagħna. Imma m’għandniex għalfejn naqgħu, għax il-​Bibbja tgħallimna dwar in-​nases tax-​Xitan. (2 Korintin 2:11; ara n-​Nota numru 31 fl-​aħħar.) Waħda minn dawn hi s-​sataniżmu.

ŻOMM ’IL BOGĦOD MID-​DIMONJI

10. (a) X’inhu s-​sataniżmu? (b) Ġeħova kif iqis is-​sataniżmu?

10 Is-​sataniżmu, jew l-​ispiritiżmu, jinvolvi li jkollok kuntatt mad-​dimonji, pereżempju permezz tal-​qari tax-​xorti, il-​maġija, il-​magħmul, jew il-​komunikazzjoni mal-​mejtin. Il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova jobgħod is-​sataniżmu. Tgħidilna wkoll li ma nistgħux inkunu involuti fih u fl-​istess ħin naqdu lil Alla. (Dewteronomju 18:10-​12; Rivelazzjoni 21:8) Il-​Kristjani għandhom jevitaw għalkollox kull tip taʼ sataniżmu.—Rumani 12:9.

11. X’jistaʼ jiġri jekk inkunu kurjużi dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-​dimonji?

11 Satana jaf li jekk jogħġbuna affarijiet li jġibuna f’kuntatt mad-​dimonji, se jkun faċli għalih biex jiġbidna lejn l-​ispiritiżmu. Kull tip taʼ spiritiżmu se jkissrilna l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.

SATANA JIPPROVA JIDĦAQ BINA

12. Satana x’qed jipprova jġegħelna naħsbu?

12 Satana jipprova jħawwad lin-​nies. Bil-​mod il-​mod hu jdaħħlilhom id-​dubji sakemm jibdew jaħsbu li “t-​tajjeb hu ħażin u l-​ħażin hu tajjeb.” (Isaija 5:20) Ix-​Xitan jipprova jġegħelna nemmnu li l-​pariri tal-​Bibbja mhumiex tajbin u li nkunu iktar ferħanin jekk ninjoraw il-​livelli t’Alla.

13. Satana kif ipprova jqajjem id-​dubji?

13 Wieħed mill-​iktar metodi effettivi taʼ Satana hu li jipprova jqajjem id-​dubji. Hu ilu ħafna juża dan il-​metodu. Fil-​ġnien tal-​Għeden, hu pprova jqajjem id-​dubji billi staqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-​ġnien?” (Ġenesi 3:1) Fi żmien Ġob, Satana staqsa lil Ġeħova quddiem l-​anġli: “Huwa għalxejn li Ġob jibżaʼ minn Alla?” (Ġob 1:9) Wara li Ġesù tgħammed, Satana sfidah billi qallu: “Jekk int bin Alla, għid lil dan il-​ġebel isir ħobż.”—Mattew 4:3.

14. Satana kif jipprova jġiegħel lin-​nies jiddubitaw jekk is-​sataniżmu huwiex perikoluż?

14 Illum, ix-​Xitan għadu qed iqajjem id-​dubji. Hu jipprova jġiegħel lin-​nies jiddubitaw jekk is-​sataniżmu huwiex daqshekk ħażin. Hu jidħaq bihom billi jagħmel ċerti tipi taʼ sataniżmu jidhru li ma fihom xejn ħażin. Anki xi Kristjani ġieli jaqgħu f’din in-​nassa. (2 Korintin 11:3) Allura, x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna? Kif nistgħu nagħmlu ċert li Satana mhux qed jidħaq bina? Ejja naraw żewġ affarijiet li Satana jistaʼ juża biex jidħaq bina: id-​divertiment u trattamenti mediċi.

SATANA JINQEDA BIX-​XEWQAT NATURALI TAGĦNA

15. Kif nistgħu nkunu qed inħallu x-​xjaten jinfluwenzawna permezz tad-​divertiment tagħna?

15 Illum, ħafna films, vidjows, programmi tat-​televixin, video games, u siti fuq l-​Internet ikollhom xeni li jkun fihom id-​dimonji, il-​maġija, u qawwa sopranaturali. Ħafna jieħdu pjaċir b’dawn l-​affarijiet u ma jaraw xejn ħażin fihom. Imma huma ma jirrealizzawx kemm hu perikoluż li jħallu x-​xjaten jinfluwenzawhom. Dak li jkun jistaʼ jinvolvi ruħu fl-​ispiritiżmu anki permezz tal-​oroskopju, il-​ballun tal-​kristall, u l-​qari tax-​xorti mill-​idejn jew bil-​kards. Ix-​Xitan jaħbi l-​perikli li fihom u jipprova jagħmel dawn l-​affarijiet jidhru misterjużi, affaxxinanti, u sbieħ. Dak li jkun jistaʼ anki jaħseb li m’hemm xejn ħażin billi jara xi ħaġa li għandha x’taqsam mad-​dimonji ladarba hu mhux qed jipprattika s-​sataniżmu. Għala hu perikoluż li naħsbu b’dan il-​mod?—1 Korintin 10:12.

16. Għala għandna nwarrbu divertiment li għandu x’jaqsam mad-​dimonji?

16 Satana u d-​dimonji ma jistgħux ikunu jafu x’hemm f’moħħna. Imma huma jistgħu jsiru jafu dwar dak li nixtiequ u kif naħsbuha billi jinnotaw dak li nagħżlu għalina u għall-​familja tagħna, inkluż id-​divertiment li nagħżlu. Jekk nagħżlu films, mużika, jew kotba dwar il-​mediums tal-​ispirti, il-​maġija, il-​pussess mid-​dimonji, is-​sħaħar, il-​vampiri, jew affarijiet simili, Satana u d-​dimonji se jsiru jafu li aħna kurjużi dwarhom. Huma jistgħu jipprovaw jinvolvuna iktar fis-​sataniżmu.—Aqra Galatin 6:7.

17. Satana kif jistaʼ jieħu vantaġġ mix-​xewqa tagħna biex inkunu f’saħħitna?

17 Satana jistaʼ anki jieħu vantaġġ mix-​xewqa tagħna biex inkunu f’saħħitna. Illum, ħafna għandhom saħħa batuta. Persuna forsi tkun pruvat ħafna trattamenti li ma ħadmux. (Marku 5:25, 26) Din forsi tispiċċa bla tama u tkun lesta li tipprova kwalunkwe ħaġa li tiġi. Imma bħala Kristjani, hemm bżonn noqogħdu attenti biex ma nagħżlux trattamenti mediċi li fihom “il-​qawwa maġika.”—Isaija 1:13.

Strieħ fuq Ġeħova meta tkun marid

18. Il-​Kristjani liema trattamenti mediċi għandhom jevitaw?

18 Ħafna żmien ilu, f’Iżrael, kien hemm xi wħud li kienu jużaw “il-​qawwa maġika.” Ġeħova qalilhom: “Meta tiftħu idejkom, jien naħbi għajnejja minnkom. Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ.” (Isaija 1:15) Aħseb ftit: Ġeħova lanqas biss kien se jismaʼ talbhom! Aħna ma rridux nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tkun taʼ ħsara għall-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u li biha nżommuh lura milli jgħinna, speċjalment meta nkunu morda. (Salm 41:3) Allura, irridu nsiru nafu jekk it-​trattament għandux x’jaqsam mas-​sataniżmu jew il-​qawwa sopranaturali. (Mattew 6:13) Jekk hemm possibiltà li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-​affarijiet, irridu nevitawh!—Ara n-​Nota numru 32 fl-​aħħar.

STEJJER DWAR ID-​DIMONJI

19. Xi jġiegħel lil ħafna nies jibżgħu mix-​Xitan?

19 Xi wħud jaħsbu li x-​xjaten ma jeżistux, imma oħrajn jafu li jeżistu minħabba l-​esperjenzi personali li kellhom. Ħafna huma mwerwrin minn dawn l-​ispirti u għalhekk iżommu maʼ drawwiet li għandhom x’jaqsmu mas-​superstizzjoni. Oħrajn iġiegħlu lil ħaddieħor jibżaʼ mid-​dimonji billi jgħidu stejjer dwar l-​affarijiet ħżiena li d-​dimonji għamlu lin-​nies. Dawk li jisimgħu dawn l-​istejjer spiss jimpressjonaw ruħhom u jkunu jridu jgħiduhom lil oħrajn. Stejjer bħal dawn spiss iġiegħlu lin-​nies jibżgħu mix-​Xitan.

20. Kif nistgħu nkunu qed inxerrdu l-​gideb taʼ Satana?

20 Aħseb dwar dan: Satana jrid li n-​nies jibżgħu minnu. (2 Tessalonikin 2:9, 10) Hu giddieb u jaf kif jinfluwenza lil dawk li jaffaxxinaw ruħhom bl-​ispiritiżmu. Hu jġiegħel lin-​nies jemmnu affarijiet li mhux bilfors huma veri. Dawn in-​nies għandhom mnejn jgħidu stejjer dwar x’jaħsbu li raw u semgħu. Iktar kemm dawn l-​istejjer jiġu ripetuti, iktar jiġu esaġerati. Jekk nirrepetu stejjer bħal dawn, inkunu qed ngħinu lil Satana jxerred il-​biżaʼ—xi ħaġa li żgur ma rridux nagħmluha.—Ġwanni 8:44; 2 Timotju 2:16.

21. Minflok ma nirrakkontaw stejjer dwar id-​dimonji, fuqiex nistgħu niffokaw?

21 Jekk xi ħadd min-​nies taʼ Ġeħova kellu xi esperjenza li tinvolvi d-​dimonji, dan mhux se joqgħod jirrakkontaha għall-​gost. In-​nies taʼ Ġeħova m’għandhomx għalfejn jibżgħu minn dak li x-​Xitan u d-​dimonji jistgħu jagħmlu. Minflok, aħna rridu niffokaw fuq Ġesù u l-​qawwa li tah Ġeħova. (Ebrej 12:2) Ġesù ma qagħadx jirrakkonta stejjer dwar id-​dimonji mad-​dixxipli għall-​gost. Hu ffoka fuq il-​messaġġ tas-​Saltna u “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 2:11; Luqa 8:1; Rumani 1:11, 12.

22. X’int determinat li tagħmel?

22 Ħa ma ninsewx li x-​xewqa taʼ Satana hi li jkisser il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Hu lest li jagħmel minn kollox biex jiġri hekk. Imma aħna nafu x’inhuma l-​metodi li juża x-​Xitan u aħna determinati biex nirreżistu kull tip taʼ sataniżmu. Aħna mhux se ‘nagħtu wisaʼ lix-​Xitan,’ jiġifieri mhux se ntuh opportunità biex inaqqsilna d-​determinazzjoni tagħna. (Aqra Efesin 4:27.) Iva, jekk nirreżistu lix-​Xitan, se nevitaw in-​nases tiegħu u se jkollna l-​protezzjoni taʼ Ġeħova.—Efesin 6:11.