Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 14

Kun onest f’kollox

Kun onest f’kollox

“Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—EBREJ 13:18.

1, 2. Ġeħova kif iħossu meta jarana nagħmlu ħilitna biex inkunu onesti?

 IMMAĠINA tifel fi triqtu lejn id-​dar mill-​iskola. Hu u miexi jsib kartiera mimlija flus. X’se jagħmel? Hu jistaʼ jagħżel li jżommha. Imma minflok, hu jsib taʼ min hi u jmur itihielu. Meta omm it-​tifel issir taf b’dan, hi tħossha kburija ħafna bih.

2 Ħafna mill-​ġenituri jifirħu meta t-​tfal tagħhom ikunu onesti. Missierna tas-​sema, Ġeħova, hu “l-​Alla tal-​verità,” u jkun ferħan meta aħna nkunu onesti. (Salm 31:5) Aħna nixtiequ li nogħġbuh u “nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Ejja niddiskutu erbaʼ aspetti tal-​ħajja fejn jistaʼ jkun diffiċli li nkunu onesti. Imbagħad se nikkunsidraw kif nibbenifikaw meta jirnexxilna nkunu onesti.

ONESTI MAGĦNA NFUSNA

3-5. (a) Kif nistgħu nkunu qed nidħqu bina nfusna? (b) X’se jgħinna nkunu onesti magħna nfusna?

3 Sabiex jirnexxilna nkunu onesti m’oħrajn, l-​ewwel irridu nkunu onesti magħna nfusna. Dan mhux dejjem ikun faċli. F’xi żmien wara li miet Ġesù, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni taʼ Laodiċija kkonvinċew lilhom infushom li kienu qed jogħġbu lil Alla mentri fir-​realtà ma kinux qed jagħmlu hekk. (Rivelazzjoni 3:17) Anki aħna nistgħu nidħqu bina nfusna meta naħsbu dwar x’tip taʼ persuna aħna.

4 Id-​dixxiplu Ġakbu spjega: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa,” jiġifieri għalxejn. (Ġakbu 1:26) Aħna nkunu qed nidħqu bina nfusna jekk naħsbu li billi nagħmlu xi affarijiet tajbin, Alla mhux se jagħti kas jekk inkunu maledukati, sarkastiċi, jew nigdbu. X’jistaʼ jgħinna biex ma nidħqux bina nfusna?

5 Meta nħarsu f’mera, aħna naraw kif nidhru minn barra. Bl-​istess mod, meta naqraw il-​Bibbja, aħna nkunu nistgħu naraw x’tip taʼ persuna aħna minn ġewwa. Il-​Bibbja tgħinna nkunu nafu fiex aħna tajbin u fiex irridu naħdmu. Permezz tagħha, aħna nsiru nafu x’bidliet għandna bżonn nagħmlu fil-​mod kif naħsbu, naġixxu, u nitkellmu. (Aqra Ġakbu 1:23-​25.) Imma jekk nikkonvinċu lilna nfusna li m’għandniex difetti, mhux se nkunu nistgħu nirranġaw fejn hemm bżonn. Allura rridu nużaw il-​Bibbja biex neżaminaw lilna nfusna bl-​onestà. (Lamentazzjonijiet 3:40; Ħaggaj 1:5) It-​talb ukoll jistaʼ jgħinna naraw min aħna verament. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jeżaminana u jgħinna naraw id-​difetti tagħna biex b’hekk inkunu nistgħu nirranġawhom. (Salm 139:23, 24) Ikun tajjeb niftakru li “l-​qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova,” imma Hu għandu ħbiberija kbira maʼ dawk onesti.—Proverbji 3:32.

ONESTI FIL-​FAMILJA

6. Raġel u mara miżżewġin għala għandhom ikunu onesti maʼ xulxin?

6 L-​onestà hi importanti ferm fil-​familja. Meta raġel u mara miżżewġin ikunu onesti maʼ xulxin, huma se jkollhom moħħhom mistrieħ u se jkunu jistgħu jafdaw lil xulxin kompletament. Jeżistu ħafna tipi taʼ diżonestà fiż-​żwieġ. Pereżempju, persuna miżżewġa tistaʼ tkun qed tagħti kunfidenza żejda lil xi ħadd ieħor, tara l-​pornografija, jew tifforma relazzjoni romantika bil-​moħbi maʼ xi ħadd ieħor. Innota x’qal is-​salmista: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-​verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” (Salm 26:4) Aħna għandna nkunu onesti mal-​mara jew ir-​raġel tagħna anki fi ħsibijietna, inkella xorta se nagħmlu ħsara liż-​żwieġ tagħna.

Kun ħafif biex twarrab kull ħaġa li tistaʼ tagħmel ħsara liż-żwieġ

7, 8. Kif tistaʼ tuża l-​Bibbja biex tgħallem lit-​tfal kemm l-​onestà hi importanti?

7 It-​tfal ukoll għandhom bżonn jitgħallmu li l-​onestà hi importanti. Il-​ġenituri jistgħu jgħallmuhom dwar dan mill-​Bibbja. Din fiha eżempji taʼ nies li kienu diżonesti: Għakan, li sar ħalliel; Geħażi, li gideb għall-​flus; u Ġuda, li seraq il-​flus u iktar tard ittradixxa lil Ġesù għal 30 munita tal-​fidda.—Ġożwè 6:17-​19; 7:11-​25; 2 Slaten 5:14-​16, 20-​27; Mattew 26:14, 15; Ġwanni 12:6.

8 Il-​Bibbja fiha wkoll ħafna eżempji taʼ nies li kienu onesti: Ġakobb, li ħeġġeġ lil uliedu biex jagħtu lura l-​flus li kienu sabu; Ġefta u bintu, li żammu mal-​wegħda li hu għamel m’Alla; u Ġesù, li kien onest saħansitra f’sitwazzjonijiet diffiċli. (Ġenesi 43:12; Imħallfin 11:30-​40; Ġwanni 18:3-​11) Dawn l-​eżempji jistgħu jgħinu lit-​tfal biex jifhmu kemm l-​onestà hi importanti.

9. Il-​fatt li l-​ġenituri jkunu onesti kif se jgħin lit-​tfal?

9 Il-​ġenituri jistgħu jitgħallmu minn dan il-​prinċipju Bibliku importanti: “Int, mela, li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int li tippriedka ‘Tisraqx,’ tisraq int?” (Rumani 2:21) It-​tfal jindunaw meta l-​ġenituri jgħidu mod u jagħmlu mod ieħor. Jekk ngħidu lil uliedna biex ikunu onesti mentri aħna m’aħniex onesti, huma se jitħawdu. Jekk it-​tfal jinnotaw li l-​ġenituri tagħhom jigdbu, anki f’affarijiet żgħar, huma probabbli se jagħmlu l-​istess. (Aqra Luqa 16:10.) Mill-​banda l-​oħra, meta t-​tfal jaraw li l-​ġenituri tagħhom huma onesti, dan jistaʼ jgħinhom biex fil-​futur ikunu ġenituri taʼ min jafdahom jekk ikollhom it-​tfal.—Proverbji 22:6; Efesin 6:4.

ONESTI FIL-​KONGREGAZZJONI

10. Kif nistgħu nkunu onesti fil-​konversazzjonijiet tagħna maʼ Kristjani oħra?

10 Irridu nkunu onesti wkoll maʼ ħutna l-​Kristjani. Huwa faċli li l-​konversazzjonijiet taʼ kuljum iwassluna biex ngħidu kontra xi ħadd jew anki naqilgħu qlajjiet fuqu. Jekk nirrepetu xi ħaġa li nkunu smajna bla ma nkunu nafu jekk hix vera, nistgħu nkunu qed inxerrdu gidba. Ikun ħafna aħjar li nikkontrollaw ilsienna. (Proverbji 10:19) Li nkunu onesti ma jfissirx li ngħidu kull ħaġa li naħsbu, nafu, jew li nkunu smajna. Anki jekk dak li nkunu se ngħidu huwa veru, jistaʼ jkun li m’hemmx għalfejn ngħiduh, jew jekk ngħiduh inkunu qed nindaħlu fejn ma jesagħniex jew inweġġgħu lil ħaddieħor. (1 Tessalonikin 4:11) Xi nies li b’maledukazzjoni jgħidu dak li jiġihom f’moħħhom jirraġunaw: “Wara kollox, dik hi l-​verità.” Imma bħala n-​nies taʼ Ġeħova, aħna dejjem irridu nitkellmu bil-​ħlewwa u b’qalb tajba.—Aqra Kolossin 4:6.

11, 12. (a) Persuna li għamlet dnub għala se tiggrava s-​sitwazzjoni jekk tipprova taħbih? (b) Jekk ħabib jagħmel żball serju, kif m’għandniex nirraġunaw, u għala? (ċ) Kif nistgħu nkunu onesti mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

11 Ġeħova ta lill-​anzjani r-​responsabbiltà li jgħinu lil dawk fil-​kongregazzjoni. Meta aħna nkunu onesti magħhom, se jkun iktar faċli għalihom biex jgħinuna. Għala? Pereżempju, jekk tkun ma tiflaħx u tmur għand it-​tabib biex jgħinek, sejjer int taħbilu xi ftit mis-​sintomi? Żgur li le! Inkella kif se jkun jistaʼ jgħinek? B’mod simili, jekk nagħmlu żball serju, m’għandniex nigdbu dwaru. Anzi, għandna mmorru għand l-​anzjani u ngħidu dak li ġara bl-​onestà kollha. (Salm 12:2; Atti 5:1-​11) Issa immaġina sitwazzjoni differenti: Xi ngħidu jekk issir taf li l-​ħabib tiegħek għamel żball serju? (Levitiku 5:1) Se tirraġuna li jekk int ħabib veru se żżomm sigriet? Jew se tiftakar li l-​anzjani qegħdin hemm biex jagħtuh l-​għajnuna li għandu bżonn ħalli jkun jistaʼ jirranġa u jsaħħaħ il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova?—Ebrej 13:17; Ġakbu 5:14, 15.

12 Hemm bżonn li nkunu onesti wkoll mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova meta nimlew ir-​rapport tas-​servizz jew rapporti oħra. Għandna nkunu onesti anki meta napplikaw biex inkunu pijunieri jew biex nagħmlu kwalunkwe tip taʼ servizz ieħor.—Aqra Proverbji 6:16-​19.

13. Kif nistgħu nkunu onesti meta nagħmlu negozju maʼ Kristjan ieħor?

13 L-​aħwa Kristjani m’għandhomx iħalltu kwistjonijiet taʼ negozju mal-​qima tagħhom, la waqt li jkunu fis-​Sala tas-​Saltna u lanqas fuq il-​ministeru. Aħna ma niħdux vantaġġ minn ħutna fi kwistjonijiet taʼ negozju. Jekk inti tħaddem lix-​Xhieda, ħallashom fil-​ħin, agħtihom l-​ammont li wegħedthom, u pprovdilhom il-​benefiċċji mitlubin bil-​liġi. Dawn jistgħu jinkludu li l-​ħaddiema jiġu reġistrati kif suppost mal-​gvern u li jitħallsu tal-​leave. (1 Timotju 5:18; Ġakbu 5:1-​4) U jekk l-​imgħallem tiegħek hu Xhud, tistenniex li jittrattak b’mod speċjali. (Efesin 6:5-​8) Agħmel ċert li taħdem l-​ammont taʼ ħin li ftehemtu u li tagħmel ix-​xogħol li titħallas biex tagħmel.—2 Tessalonikin 3:10.

14. Il-​Kristjani x’għandhom jagħmlu qabel ma jidħlu fi ftehim taʼ negozju flimkien?

14 Xi ngħidu jekk nidħlu f’negozju maʼ ħu jew oħt? Dan jistaʼ jinvolvi investiment jew self taʼ flus. F’sitwazzjoni bħal din, hemm prinċipju tal-​Bibbja li hu prattiku ħafna: Niżżel kollox bil-​miktub! Meta l-​profeta Ġeremija xtara biċċa art, hu għamel żewġ kopji tal-​ftehim. Waħda minnhom ġiet iffirmata minn xi xhieda, u mbagħad iż-​żewġ dokumenti ġew merfugħin għal meta jiġu bżonnhom fil-​futur. (Ġeremija 32:9-​14; ara wkoll Ġenesi 23:16-​20.) Xi wħud jaħsbu li l-​fatt li jiktbu l-​ftehim bil-​miktub iġegħelhom jidhru bħallikieku mhux jafdaw lil ħuhom. Imma fir-​realtà, il-​fatt li tikteb il-​ftehim jistaʼ jagħmel l-​affarijiet ċari u jevita ħafna diżappunti u nuqqas taʼ qbil. Anki fi kwistjonijiet taʼ negozju, ftakar li l-​paċi tal-​kongregazzjoni hi iktar importanti.1 Korintin 6:1-​8; ara n-​Nota numru 30 fl-​aħħar.

ONESTI F’AFFARIJIET OĦRA

15. Ġeħova kif iħossu dwar id-​diżonestà f’affarijiet taʼ negozju?

15 Aħna għandna nkunu onesti maʼ kulħadd, anki maʼ dawk li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova. Għal Ġeħova hu importanti li nkunu onesti. “Miżien qarrieq hu xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” (Proverbji 11:1; 20:10, 23) Fi żmien il-​qedem, il-​miżien spiss kien jintuża bħala mod kif il-​bejjiegħa jiżnu l-​prodotti li jbigħu u jikkalkulaw il-​prezzijiet. Imma xi bejjiegħa kienu jqarrqu bin-​nies billi jtuhom inqas milli jkunu ftiehmu jew billi jġegħluhom iħallsu iktar milli suppost. Anki llum, id-​diżonestà hi komuni ħafna fin-​negozju. Ġeħova għadu jobgħod id-​diżonestà daqs kemm kien jobgħodha dak iż-​żmien.

16, 17. Liema tipi taʼ diżonestà għandna bżonn nevitaw?

16 Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jistgħu jħajruna nkunu diżonesti—bħal meta niġu biex napplikaw għal xogħol, nimlew xi formoli tal-​gvern, jew nagħmlu xi eżami tal-​iskola. Ħafna jemmnu li m’hemm xejn ħażin billi nigdbu, nesaġeraw, jew nagħtu tweġibiet li jistgħu jinftiehmu mod ieħor. Dan mhuwiex taʼ sorpriża għalina. Il-​Bibbja qalet minn qabel li fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema, “in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, . . . mingħajr imħabba għat-​tajjeb.”—2 Timotju 3:1-​5.

17 Kultant jistaʼ jidher li n-​nies diżonesti qed ikollhom suċċess fid-​dinja tal-​lum. (Salm 73:1-​8) Kristjan jistaʼ saħansitra jitlef xogħlu, ibati finanzjarjament, jew jiġi ttrattat ħażin minħabba l-​onestà tiegħu. Imma s-​sagrifiċċji li tagħmel biex tkun onest mhumiex għalxejn. Għala?

IL-​BARKIET TAʼ LI NKUNU ONESTI

18. Reputazzjoni tajba għala hi daqshekk importanti?

18 Li wieħed ikollu reputazzjoni bħala persuna onesta u taʼ min jafdaha hi xi ħaġa prezzjuża u rari f’din id-​dinja. Kull wieħed minna għandu l-​opportunità li jkollu reputazzjoni bħal din. (Mikea 7:2) Veru, xi nies forsi jwaqqgħuk għaċ-​ċajt minħabba l-​onestà tiegħek u jgħidu li int miġnun. Imma oħrajn se japprezzaw l-​onestà tiegħek u se jafdawk minħabba f’hekk. Madwar id-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin għall-​onestà tagħhom. Xi nies jippreferu jħaddmu lix-​Xhieda għax jafu li se jkunu onesti. U waqt li ħaddiema oħra jiġu mkeċċija minħabba d-​diżonestà tagħhom, ix-​Xhieda spiss iżommu x-​xogħol tagħhom.

Ix-xogħol iebes tagħna jistaʼ jġib tifħir lil Ġeħova

19. L-​onestà kif se teffettwa l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

19 Li nkunu onesti f’kollox se jgħinna jkollna kuxjenza tajba u paċi tal-​moħħ. Aħna nistgħu nkunu bħal Pawlu, li kiteb: “Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta.” (Ebrej 13:18) Iktar importanti minn hekk, Missierna kollu mħabba, Ġeħova, se jinnota u japprezza l-​isforzi li nagħmlu biex inkunu onesti f’kollox.—Aqra Salm 15:1, 2; Proverbji 22:1.