Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 2

Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla

Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla

“Żommu kuxjenza tajba.”—1 PIETRU 3:16.

1, 2. Għala għandek bżonn gwida meta tkun f’post li ma tafux? Xi gwida tana Ġeħova?

 IMMAĠINAK li qed timxi f’deżert kbir. L-​għoljiet tar-​ramel ikomplu jbiddlu l-​forma hekk kif riħ qawwi jtajjar ir-​ramel ’l hemm u ’l hawn. Hemm ċans kbir li tintilef. Kif se tkun taf fejn għandek tmur? X’aktarx ikollok bżonn lil xi ħadd jew xi ħaġa biex tiggwidak. Tistaʼ tkun boxxla, ix-​xemx u l-​istilel, mappa, GPS, jew anki persuna li taf id-​deżert sew. Hu importanti li jkollok gwida, għax li tkun taf minn fejn trid tgħaddi jistaʼ jsalvalek ħajtek.

2 Ilkoll niltaqgħu maʼ sfidi fil-​ħajja, u kultant malajr nistgħu nħossuna mitlufin. Imma Ġeħova ta kuxjenza lil kull wieħed u waħda minna biex tiggwidana. (Ġakbu 1:17) Ejja naraw x’inhi l-​kuxjenza u kif taħdem. Imbagħad se nitgħallmu kif nistgħu inħarrġuha, għala għandu jimpurtana mill-​kuxjenza t’oħrajn, u kif kuxjenza nadifa tistaʼ tgħinna jkollna ħajja aħjar.

X’INHI L-​KUXJENZA U KIF TAĦDEM?

3. X’inhi l-​kuxjenza?

3 Il-​kuxjenza hi rigal mill-​isbaħ mingħand Ġeħova. Din hi l-​abbiltà li għandna ġo fina biex nifhmu jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina. Il-​kelma Griega użata fil-​Bibbja għal “kuxjenza” tfisser “l-​għarfien li wieħed għandu dwaru nnifsu.” Meta l-​kuxjenza tagħna taħdem sew, tgħinna neżaminaw min aħna tassew bħala persuna. Din tistaʼ tgħinna nkunu onesti dwar il-​ħsibijiet u s-​sentimenti personali tagħna. Tistaʼ tiggwidana biex nagħmlu t-​tajjeb u nevitaw dak li hu ħażin. U tistaʼ tgħinna nħossuna ferħanin meta nieħdu deċiżjoni tajba jew inkella ġġegħelna nħossuna ħatjin wara li nieħdu deċiżjoni ħażina.—Ara n-​Nota numru 5 fl-​aħħar.

4, 5. (a) X’ġara meta Adam u Eva ma tawx kas il-​kuxjenza tagħhom? (b) Liema huma xi eżempji tal-​Bibbja taʼ kif taħdem il-​kuxjenza?

4 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jagħżel jekk jismax mill-​kuxjenza tiegħu. Adam u Eva għażlu li ma jagħtux kas il-​kuxjenza tagħhom, u b’hekk dinbu. Wara, huma ħassewhom ħatjin, jew iddispjaċiehom, imma kien tard wisq. Huma kienu diġà m’obdewx lil Alla. (Ġenesi 3:7, 8) Għalkemm it-​tnejn li huma kellhom kuxjenza perfetta u kienu jafu li kien ħażin li ma jobdux lil Alla, huma għażlu li jinjorawha.

5 Madankollu, hemm ħafna nies imperfetti li semgħu mill-​kuxjenza tagħhom. Ġob kien eżempju tajjeb taʼ dan. Peress li semaʼ mill-​kuxjenza tiegħu u ħa deċiżjonijiet tajbin, hu setaʼ jgħid: “Qalbi ma ċċanfarnix għal xi wieħed minn jiemi.” (Ġob 27:6) Meta Ġob tkellem dwar ‘qalbu,’ hu rrefera għall-​kuxjenza tiegħu, jiġifieri l-​abbiltà li jifhem x’inhu tajjeb u ħażin. Mill-​banda l-​oħra, David kultant injora l-​kuxjenza tiegħu u m’obdiex lil Alla. Wara li wera diżrispett lejn is-​Sultan Sawl, tant iddispjaċieh li qalbu bħallikieku “bdiet tħabbtu.” (1 Samwel 24:5) Dan kien sinjal li l-​kuxjenza taʼ David kienet qed tgħidlu li għamel xi ħaġa ħażina. Hu setaʼ jevita li jerġaʼ jagħmel l-​istess żball billi jismaʼ mill-​kuxjenza.

6. Għala nistgħu ngħidu li l-​kuxjenza hi abbiltà li Alla ta lil kulħadd?

6 Nies li ma jafux lil Ġeħova normalment ukoll jagħrfu li hemm differenza bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Il-​Bibbja tgħid: “Fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.” (Rumani 2:14, 15) Pereżempju, il-​biċċa l-​kbira min-​nies jafu li hu ħażin li toqtol jew tisraq. Għalkemm forsi ma jindunawx, huma fil-​fatt ikunu qed jisimgħu mill-​kuxjenza, l-​abbiltà li Ġeħova tahom biex jifhmu x’inhu tajjeb u ħażin. Huma jkunu wkoll qed isegwu l-​prinċipji t’Alla, jew il-​veritajiet bażiċi li Ġeħova pprovda biex jgħinna nagħmlu għażliet tajbin f’ħajjitna.

7. Il-​kuxjenza tagħna għala kultant tistaʼ tkun żbaljata?

7 Imma l-​kuxjenza tagħna kultant tistaʼ tkun żbaljata. Pereżempju, tistaʼ ma tkunx qed taħdem tajjeb minħabba l-​ħsibijiet u s-​sentimenti imperfetti tagħna, u b’hekk tiggwidana fid-​direzzjoni l-​ħażina. Kuxjenza tajba ma tiġix waħedha. Hemm bżonn li nħarrġuha, jiġifieri nittrennjawha. Fil-​fatt, kienet il-​kuxjenza tajba li kellu Ġużeppi li għenitu jirreżisti t-​tentazzjoni. (Ġenesi 39:1, 2, 7-​12) Biex jgħinna, Ġeħova jagħtina l-​ispirtu qaddis u l-​prinċipji tal-​Bibbja. (Rumani 9:1) Ejja naraw kif nistgħu nittrennjaw il-​kuxjenza tagħna.

KIF NISTGĦU NITTRENNJAW IL-​KUXJENZA TAGĦNA?

8. (a) Is-​sentimenti tagħna kif jistgħu jeffettwawlna l-​kuxjenza? (b) Xi rridu nsaqsu lilna nfusna qabel ma nieħdu deċiżjoni?

8 Xi nies jaħsbu li billi jagħmlu dak li jħossu, ikunu qed jisimgħu mill-​kuxjenza tagħhom. Huma jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu ladarba jħossu li m’hemm xejn ħażin. Imma s-​sentimenti tagħna huma imperfetti u jistgħu jqarrqu bina. Is-​sentimenti tagħna tant jistgħu jkunu qawwijin li jeffettwaw il-​kuxjenza tagħna. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Allura, għalkemm xi ħaġa tkun ħażina, nistgħu nibdew naħsbu li hi tajba. Pereżempju, qabel ma Pawlu sar Kristjan, hu ppersegwita lin-​nies t’Alla bl-​aħrax u kien jemmen li qed jagħmel xi ħaġa tajba. Fl-​opinjoni tiegħu, hu kellu kuxjenza tajba. Imma iktar tard hu qal: “Dak li jistħarriġni [jew “jeżaminani”] hu Ġeħova.” (1 Korintin 4:4; Atti 23:1; 2 Timotju 1:3) Meta Pawlu sar jaf kif ħassu Ġeħova dwar dak li kien qed jagħmel, induna li kellu bżonn jinbidel. Biċ-​ċar, qabel ma nagħmlu xi ħaġa, hemm bżonn insaqsu lilna nfusna, ‘Ġeħova xi jridni nagħmel?’

9. Xi jfisser li jkollna l-​biżaʼ t’Alla?

9 Meta tħobb lil xi ħadd, int ma tkunx trid tiddiżappuntah. Peress li nħobbu lil Ġeħova, aħna ma nixtiqux niddiżappuntawh b’xi ħaġa li nagħmlu. Il-​biżaʼ tagħna li niddiżappuntaw lil Ġeħova għandha bżonn tkun kbira ħafna. Aħna naraw dan mill-​eżempju taʼ Neħemija. Hu għażel li ma jużax il-​pożizzjoni t’awtorità li kellu biex isir sinjur. Għala? Hu spjega li kien “minħabba l-​biżaʼ t’Alla.” (Neħemija 5:15) Neħemija ma riedx jagħmel xi ħaġa li kienet se tiddiżappunta lil Ġeħova. Bħal Neħemija, anki aħna nibżgħu li niddiżappuntaw lil Ġeħova billi nagħmlu xi ħaġa ħażina. Nistgħu nitgħallmu dwar kif nogħġbu lil Ġeħova billi naqraw il-​Bibbja.—Ara n-​Nota numru 6 fl-​aħħar.

10, 11. Liema prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar l-​alkoħol?

10 Pereżempju, Kristjan għandu mnejn ikollu bżonn jiddeċiedi jekk jixrobx alkoħol jew le. Liema prinċipji se jgħinuh jieħu deċiżjoni tajba? Ftit minnhom huma dawn: Il-​Bibbja ma tikkundannax l-​alkoħol. Fil-​fatt, tgħidilna li l-​inbid hu rigal mingħand Alla. (Salm 104:14, 15) Però, Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex ma jixorbux iżżejjed. (Luqa 21:34) U Pawlu qal lil Kristjani biex jevitaw “xalar u sokor.” (Rumani 13:13) Hu qal li s-​sakranazzi “ma jirtux is-​saltna t’Alla.”—1 Korintin 6:9, 10.

11 Kristjan jistaʼ jsaqsi lilu nnifsu: ‘L-​alkoħol kemm hu importanti għalija? Għandi bżonnu biex nirrilassa? Nixrob l-​alkoħol biex inħossni kunfidenti? Nistaʼ nikkontrolla l-​ammont li nixrob u kemm-​il darba nixrob? * Nistaʼ nieħu pjaċir maʼ sħabi għalkemm m’hemmx alkoħol?’ Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Aqra Salm 139:23, 24.) Billi nirriflettu fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja u neżaminaw lilna nfusna b’onesta, aħna nkunu qed nittrennjaw il-​kuxjenza tagħna biex taġixxi malajr fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Imma bħalma se naraw, hemm iktar involut.

GĦALA JIMPURTANA MILL-​KUXJENZA T’OĦRAJN?

12, 13. Il-​kuxjenza tagħna għala tistaʼ tkun differenti mill-​kuxjenza t’oħrajn? X’nistgħu nagħmlu meta jkun hemm dawn id-​differenzi?

12 Il-​kuxjenza mhux taʼ kulħadd xorta. Il-​kuxjenza tiegħek forsi tippermettilek tagħmel xi ħaġa li xi ħadd ieħor ma jħossx li għandu jagħmilha. Pereżempju, int forsi tagħżel li tixrob l-​alkoħol, waqt li xi ħadd ieħor ma jħossx li għandu jixrob. Żewġ persuni għala jistgħu jħossuhom b’mod differenti dwar dan?

Kuxjenza mħarrġa tistaʼ tgħinek tiddeċiedi jekk tixrobx alkoħol jew le

13 Is-​sentimenti taʼ persuna dwar xi ħaġa spiss ikunu effettwati minn fejn tkun trabbiet, kif il-​familja tagħha tkun tqis il-​ħaġa, l-​esperjenzi tagħha stess f’ħajjitha, u raġunijiet oħra. Pereżempju, xi ħadd li qabel kien isibha diffiċli biex jikkontrolla kemm jixrob forsi jagħżel li jaqtaʼ x-​xorb. (1 Slaten 8:38, 39) Allura, jekk toffri l-​alkoħol lil xi ħadd u jagħżel li ma jiħux, kif se tirreaġixxi? Se tħossok offiż? Se tkompli tinsisti? Se tkun trid ir-​raġuni għala ma ħax? Le, għax int tirrispetta l-​kuxjenza tiegħu.

14, 15. X’sitwazzjoni qamet fi żmien Pawlu? X’parir tajjeb ta Pawlu?

14 Fi żmien l-​appostlu Pawlu, qamet sitwazzjoni li wriet li mhux il-​kuxjenza taʼ kulħadd taħdem l-​istess. Xi ftit mil-​laħam li kien jinbiegħ fis-​suq kien ikun ġie użat għall-​qima falza u offrut lill-​idoli. (1 Korintin 10:25) Pawlu ma ħasibx li kien ħażin li jixtri u jiekol minn dan il-​laħam. Għalih, l-​ikel kollu kien ġej mingħand Ġeħova. Imma xi aħwa li qabel kienu jqimu lill-​idoli ma ħassewhomx hekk. Huma ħassew li kien ħażin li jieklu minn dan il-​laħam. Ħaseb Pawlu li ladarba ma niggżitux il-​kuxjenza kellu d-​dritt jiekol li jrid?

15 Le, Pawlu ma ħasibhiex hekk. Is-​sentimenti taʼ ħutu tant kienu importanti għalih li kien lest li jċedi xi ftit mid-​drittijiet personali tiegħu. Pawlu qal li m’għandniex “nogħġbu lilna nfusna.” Hu żied: “Għax lanqas il-​Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rumani 15:1, 3) Bħal Ġesù, Pawlu kien jimpurtah iktar minn oħrajn milli minnu nnifsu.—Aqra l-1 Korintin 8:13; 10:23, 24, 31-​33.

16. Għala m’għandniex niġġudikaw il-​kuxjenza taʼ ħaddieħor?

16 Imma xi ngħidu jekk il-​kuxjenza taʼ xi ħadd ieħor tippermettilu jagħmel xi ħaġa li għalina tidher ħażina? Irridu noqogħdu attenti ħafna biex ma nikkritikawhx u ninsistu li aħna għandna raġun. (Aqra Rumani 14:10.) Ġeħova tana l-​kuxjenza biex niġġudikaw lilna nfusna, u mhux lil ħaddieħor. (Mattew 7:1) Qatt ma rridu li l-​għażliet personali tagħna joħolqu firda fil-​kongregazzjoni. Anzi, aħna nfittxu modi kif inkomplu nuru mħabba u nkunu iktar magħqudin.—Rumani 14:19.

AĦNA NISTGĦU NIBBENEFIKAW MINN KUXJENZA TAJBA

17. Xi ġralha l-​kuxjenza taʼ xi nies?

17 L-​appostlu Pietru kiteb: “Żommu kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:16) Sfortunatament, meta n-​nies ikomplu jinjoraw il-​prinċipji taʼ Ġeħova, maż-​żmien il-​kuxjenza tagħhom ma tibqax tniggiżhom. Pawlu qal li kuxjenza bħal din tkun ġiet “immarkata qisu b’ħadida mikwija.” (1 Timotju 4:2) Ġieli nħraqt b’mod gravi? Meta jiġri dan, il-​ġilda tant tiġi mmarkata jew maħruqa li ma tkun tistaʼ tħoss xejn fiha. Jekk persuna tkompli tagħmel affarijiet ħżiena, tkun bħallikieku qed taħraq il-​kuxjenza b’ħadida mikwija, u maż-​żmien, il-​kuxjenza ma tibqax taħdem.

Kuxjenza tajba tistaʼ tiggwidana f’ħajjitna u tgħinna biex ikollna l-ferħ u nħossu l-paċi

18, 19. (a) Sentimenti taʼ ħtija jew mistħija x’jistgħu jgħallmuna? (b) X’għandna niftakru jekk nibqgħu nħossuna ħatjin dwar dnubiet li ndimna minnhom?

18 Meta nħossuna ħatjin, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ tkun qed tgħidilna li għamilna xi ħaġa ħażina. Dan jistaʼ jgħinna nagħrfu x’għamilna ħażin u nieqfu nagħmluh. Jeħtieġ li nitgħallmu mill-​iżbalji tagħna biex b’hekk ma nerġgħux nagħmluhom. Pereżempju, għalkemm is-​Sultan David dineb, il-​kuxjenza tiegħu ħeġġitu biex jindem. Hu sar jobgħod dak li għamel u kien determinat li jibqaʼ jobdi lil Ġeħova. Mill-​esperjenza tiegħu stess, David setaʼ jgħid li Ġeħova hu ‘tajjeb u lest li jaħfer.’—Salm 51:1-​19; 86:5; ara n-​Nota numru 7 fl-​aħħar.

19 Imma anki jekk persuna tkun ilha li nidmet minn dnub, din xorta tistaʼ tibqaʼ tħossha ħatja dwar dak li għamlet. Sentimenti taʼ ħtija jistgħu jkunu taʼ wġigħ u jistgħu jġiegħlu lil dak li jkun iħoss li ma jiswa għal xejn. Jekk ġieli tħossok hekk, ftakar li ma tistax tbiddel dak li ġara fil-​passat. Kemm jekk dak iż-​żmien kont tifhem sew x’kien tajjeb jew ħażin u kemm jekk le, Ġeħova ħafirlek għalkollox, u dawn id-​dnubiet ġew imħassrin. Inti nadif quddiem Ġeħova u taf li issa qed tagħmel dak li hu tajjeb. Qalbek għandha mnejn xorta tikkundannak, imma l-​Bibbja tgħid: “Alla hu akbar minn qlubna.” (Aqra l-1 Ġwanni 3:19, 20.) Dan ifisser li l-​imħabba u l-​maħfra tiegħu jistgħu jgħinuna negħlbu kwalunkwe sentiment taʼ ħtija jew mistħija li jistaʼ jkollna. Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova ħafirlek. Meta persuna taċċetta l-​maħfra taʼ Ġeħova, din se tgawdi kuxjenza tajba u tistaʼ taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ.—1 Korintin 6:11; Ebrej 10:22.

20, 21. (a) Dan il-​ktieb x’se jgħinek tagħmel? (b) Kif għandna nużawha l-​libertà li tana Ġeħova?

20 L-​iskop taʼ dan il-​ktieb hu li jgħinek tħarreġ il-​kuxjenza tiegħek ħalli din tkun tistaʼ tavżak u tipproteġik matul dawn l-​aħħar jiem diffiċli. Se jgħinek ukoll biex tapplika prinċipji tal-​Bibbja f’sitwazzjonijiet differenti f’ħajtek. Ovvjament, dan il-​ktieb mhux se jagħtina lista taʼ regoli taʼ xi rridu nagħmlu f’kull sitwazzjoni. Aħna ngħixu fi qbil mal-​“liġi tal-​Kristu,” li hi bbażata fuq il-​prinċipji t’Alla. (Galatin 6:2) Aħna ma nużawx il-​fatt li m’hemmx liġi speċifika dwar xi ħaġa bħala skuża biex nagħmlu l-​ħażin. (2 Korintin 4:1, 2; Ebrej 4:13; 1 Pietru 2:16) Anzi, aħna nużaw il-​libertà li għandna biex nuru l-​imħabba tagħna lejn Ġeħova.

21 Meta nimmeditaw fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja u ngħixu fi qbil magħhom, aħna nitgħallmu nużaw “is-​sensi” tagħna, jiġifieri nitgħallmu nagħrfu d-​differenza bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, u naħsbu bil-​mod kif jaħseb Ġeħova. (Ebrej 5:14) Bħala riżultat se jkollna kuxjenza mħarrġa li se tiggwidana f’ħajjitna u tgħinna nibqgħu fl-​imħabba t’Alla.

^ Ħafna tobba jgħidu li hu diffiċli b’mod partikolari għal nies li għandhom il-​vizzju tal-​alkoħol biex jikkontrollaw kemm jixorbu. It-​tobba jissuġġerixxu li jaqtgħu l-​alkoħol għalkollox.