Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 1

L-imħabba t’Alla ma tispiċċa qatt

L-imħabba t’Alla ma tispiċċa qatt

“L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 ĠWANNI 5:3.

1, 2. Int għala tħobb lil Alla Ġeħova?

 INT tħobbu lil Alla? Forsi tant tħobbu li ddedikajt ħajtek lilu. Għandek mnejn tħoss li hu l-​akbar Ħabib tiegħek. Imma Ġeħova ħabbek saħansitra qabel ma bdejt tħobbu int. Fil-​Bibbja naqraw: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-​ewwel.”—1 Ġwanni 4:19.

2 Aħseb dwar il-​modi kollha taʼ kif Ġeħova wera l-​imħabba tiegħu lejna. Hu tana l-​art bħala post sabiħ fejn ngħixu u kull ħaġa oħra li għandna bżonn biex ingawdu l-​ħajja. (Mattew 5:43-​48; Rivelazzjoni 4:11) Ġeħova għamilhielna possibbli li nitgħallmu dwaru. B’hekk, aħna nkunu nistgħu nsiru ħbieb sew tiegħu. Meta naqraw il-​Bibbja, aħna nkunu qed nisimgħu lil Ġeħova. U meta nitolbu, hu jkun qed jismaʼ lilna. (Salm 65:2) Permezz tal-​ispirtu qaddis qawwi tiegħu, hu jiggwidana u jsaħħaħna. (Luqa 11:13) Hu saħansitra bagħat lill-​Iben prezzjuż tiegħu fuq l-​art biex jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt.—Aqra Ġwanni 3:16; Rumani 5:8.

3. Kif nistgħu nżommu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova?

3 Aħseb ftit dwar wieħed jew waħda mill-​akbar ħbieb tiegħek, xi ħadd li kien hemm għalik kemm fi żminijiet tajbin u kemm f’dawk ħżiena. Hemm bżonn sforz biex iżżomm ħbiberija kbira bħal din b’saħħitha. Dan hu minnu wkoll għall-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, l-​akbar Ħabib li qatt jistaʼ jkollna. Aħna nistgħu nibqgħu ħbieb tiegħu għal dejjem. Għalhekk, il-​Bibbja tgħidilna: “Żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla.” (Ġuda 21) Kif nistgħu nagħmlu dan? Il-​Bibbja twieġeb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwanni 5:3.

“L-​IMĦABBA T’ALLA TFISSER DAN”

4, 5. (a) Xi tfisser “l-​imħabba t’Alla”? (b) L-​imħabba tiegħek għal Ġeħova kif bdiet tikber?

4 Xi tfisser l-​espressjoni “l-​imħabba t’Alla” fl-​1 Ġwanni 5:3? Din ma tirreferix għall-​imħabba t’Alla għalina, imma għall-​imħabba tagħna għalih. Tiftakar meta bdejt issir tħobb lil Ġeħova?

Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u mbagħad titgħammed, int turi li tħobbu u li tixtieq tobdih għal dejjem

5 Ftakar kif ħassejtek meta sirt taf għall-​ewwel darba li Ġeħova jridek tgħix għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida tiegħu. Int tgħallimt dwar dak kollu li għamel biex dan ikun possibbli, u rrealizzajt x’rigal prezzjuż tana Ġeħova meta bagħat lill-​Ibnu stess fuq l-​art. (Mattew 20:28; Ġwanni 8:29; Rumani 5:12, 18) Hekk kif sirt taf kemm Ġeħova jħobbok, int ħassejt li għandek tagħmel xi ħaġa, u bdejt tħobbu wkoll.—Aqra l-1 Ġwanni 4:9, 10.

6. X’jinvolvi li tkun tħobb lil xi ħadd? X’ħassejt li għandek tagħmel minħabba li tħobb lil Alla?

6 Imma dan is-​sentiment taʼ mħabba għal Alla kien biss il-​bidu. Pereżempju, meta nħobbu lil xi ħadd, aħna ma nurux dan billi sempliċiment ngħidulu “nħobbok.” L-​imħabba ġġegħelna nkunu rridu nagħmlu affarijiet li se jferrħu lil din il-​persuna. Bl-​istess mod, l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova ġegħlitek tkun trid tgħix b’mod li jogħġob lilu. Hekk kif din l-​imħabba kibret, int x’aktarx iddedikajt ħajtek lilu u mbagħad tgħammidt. Permezz tad-​dedikazzjoni, int wegħedt li se taqdi lil Ġeħova għal dejjem. (Aqra Rumani 14:7, 8.) Kif tistaʼ żżomm maʼ din il-​wegħda?

AĦNA “NOSSERVAW IL-​KMANDAMENTI TIEGĦU”

7. X’nagħmlu aħna jekk inħobbu lil Ġeħova? X’inhuma xi ftit mill-​kmandamenti tiegħu?

7 Peress li nħobbu lil Ġeħova, aħna “nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” Kif nagħmluh dan? Billi nobduh. Fil-​Bibbja aħna nitgħallmu dwar kif Ġeħova jrid li ngħixu ħajjitna. Pereżempju, jgħidilna li hu ħażin li niskru, li nisirqu jew nigdbu, li jkollna x’naqsmu sesswalment maʼ xi ħadd li mhux ir-​raġel jew il-​mara tagħna fiż-​żwieġ, jew li nqimu lil xi ħadd jew xi ħaġa minflok lilu.—1 Korintin 5:11; 6:18; 10:14; Efesin 4:28; Kolossin 3:9.

8, 9. Kif inkunu nafu xi jridna nagħmlu Ġeħova f’sitwazzjoni li m’hemmx liġi speċifika għaliha fil-​Bibbja? Agħti eżempju.

8 Imma biex nogħġbu lil Ġeħova, ma rridux biss nobdu l-​kmandamenti tiegħu. Hu ma taniex lista twila taʼ liġijiet li japplikaw għal kull sitwazzjoni f’ħajjitna. Allura, nistgħu niġu f’sitwazzjoni li ma jkunx hemm liġi speċifika għaliha fil-​Bibbja li tgħidilna x’għandna nagħmlu. F’każ bħal dan, kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin? (Efesin 5:17) Fil-​Bibbja nsibu prinċipji, li huma veritajiet bażiċi li jgħallmuna kif Ġeħova jqis l-​affarijiet. U hekk kif naqraw il-​Bibbja, aħna nsiru nafu lil Ġeħova bħala Persuna. Aħna nitgħallmu kif jaħsibha, inkluż xi jħobb u x’jobgħod.—Aqra Salm 97:10; Proverbji 6:16-​19; ara n-​Nota numru 1 fl-​aħħar.

9 Pereżempju, aħna kif niddeċiedu x’għandna naraw fuq it-​televixin jew fuq l-​internet? Ġeħova ma jgħidilniex kelma b’kelma x’għandna nagħmlu. Imma l-​prinċipji li jagħtina se jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Ħafna mid-​divertiment tal-​lum hu mimli vjolenza u sess. Fil-​Bibbja, Ġeħova jgħidilna li hu jobgħod “lil kulmin iħobb il-​vjolenza.” Jgħidilna wkoll li se “jiġġudika liż-​żienja,” jew, nies immorali sesswalment, peress li jkunu qed jieħdu sehem f’sess li mhux fi qbil mal-​livelli tiegħu. (Salm 11:5; Ebrej 13:4) Dawn il-​prinċipji kif jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin? Ladarba nsiru nafu li Ġeħova jqis xi ħaġa immorali jew li jobgħod xi ħaġa, aħna għandna nevitawha.

10, 11. Għala nobduh lil Ġeħova?

10 Għala nobduh lil Ġeħova? Ma nagħmlux dan biss biex nevitaw kastig jew il-​problemi li jiġu minħabba li nkunu ħadna deċiżjoni ħażina. (Galatin 6:7) Anzi, aħna nobdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Bħalma t-​tfal ikunu jridu jferrħu lil missierhom, aħna rridu nferrħu lil Missierna tas-​sema. Xejn ma jistaʼ jkun aħjar milli nkunu nafu li Ġeħova hu kuntent bina!—Salm 5:12; Proverbji 12:2; ara n-​Nota numru 2 fl-​aħħar.

11 Aħna ma nobdux lil Ġeħova biss meta jkun faċli jew għax m’għandniex għażla oħra. U aħna ma nagħżlux liema liġijiet u livelli se nsegwu u liema le. (Dewteronomju 12:32) Minflok, aħna nobduh f’kollox u nħossuna bħas-​salmista li qal: “Se ngħożż il-​kmandamenti tiegħek li jien ħabbejt.” (Salm 119:47; Rumani 6:17) Aħna nixtiequ nkunu bħal Noè, li wera l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova billi għamel dak kollu li kkmandah. Il-​Bibbja tgħid li Noè “għamel preċiż hekk.” (Ġenesi 6:22) Tixtieq li Ġeħova jgħid hekk dwarek?

12. Kif nistgħu nferrħu lil Ġeħova?

12 Kif iħossu Ġeħova meta nobduh? Aħna ‘nferrħulu qalbu.’ (Proverbji 11:20; 27:11) Aħseb ftit dwar dan! Aħna nferrħu lill-​Ħallieq tal-​univers meta nobduh. Imma hu qatt ma jisforzana biex nagħmlu dan. Minflok, hu tana l-​libertà tal-​għażla. Dan ifisser li għandna l-​libertà li nagħżlu jekk nagħmlux it-​tajjeb jew il-​ħażin. Ġeħova jixtieq li mħabbitna għalih tqanqalna nieħdu deċiżjonijiet tajbin biex b’hekk ikollna l-​aħjar ħajja possibbli.—Dewteronomju 30:15, 16, 19, 20; ara n-​Nota numru 3 fl-​aħħar.

“IL-​KMANDAMENTI TIEGĦU M’HUMIEX TQAL”

13, 14. Kif nafu li l-​kmandamenti t’Alla mhumiex diffiċli wisq biex nobduhom? Agħti eżempju.

13 Xi ngħidu jekk naħsbu li l-​kmandamenti taʼ Ġeħova huma tqal wisq biex nobduhom jew li mhux se jħalluna nagħmlu li rridu? Il-​Bibbja b’mod ċar tgħid: “Il-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Fi skritturi oħrajn il-​kelma “tqal” hi użata biex tiddeskrivi regoli mhux raġunevoli jew nies li jipprovaw jikkontrollaw jew iweġġgħu lil oħrajn. (Mattew 23:4; Atti 20:29, 30) Għaldaqstant, il-​kmandamenti taʼ Ġeħova mhumiex “tqal,” jiġifieri, mhumiex diffiċli wisq biex nobduhom. Hu dejjem raġunevoli f’dak li jitlob minna.

14 Pereżempju, immaġina li qed tgħin ħabib li se jmur jgħix f’dar ġdida. Hu ppakkja l-​affarijiet kollha tiegħu ġol-​kaxxi. Xi ftit minnhom huma ħfief biex iġġorrhom, imma oħrajn tant huma tqal li hemm bżonn żewġ persuni biex jerfgħuhom. Jekk il-​ħabib tiegħek jinteressah minnek, taħseb li se jitolbok terfaʼ kaxxa tqila ħafna waħdek? Dażgur li le! Għala? Għax ma jridx li tweġġaʼ. Bħal dan il-​ħabib, Ġeħova qatt mhu se jitlobna biex nagħmlu xi ħaġa li hi diffiċli wisq għalina. (Dewteronomju 30:11-​14) Ġeħova jifhimna. Hu “jaf tajjeb kif aħna msawrin [jew, magħmulin], u jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:14.

15. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​kmandamenti taʼ Ġeħova huma għall-​ġid tagħna?

15 Mosè qal lill-​poplu taʼ Iżrael li l-​kmandamenti taʼ Ġeħova kienu ‘għall-​ġid tagħhom’ u li l-​ubbidjenza tagħhom kienet se tgħinhom ‘jibqgħu ħajjin.’ (Dewteronomju 5:28-​33; 6:24) L-​istess hu minnu llum. Kull ħaġa li Ġeħova jitlobna nagħmlu se tgħinna biex ikollna ħajja aħjar. (Aqra Isaija 48:17.) Missierna, Ġeħova, dejjem jaf x’inhu l-​aħjar għalina. (Rumani 11:33) Il-​Bibbja tgħidilna: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Dan ifisser li dak kollu li Ġeħova jgħid u jagħmel hu sforz l-​imħabba li għandu.

16. Kif nafu li nistgħu nobdu minkejja li aħna imperfetti u ngħixu f’dinja mimlija ħażen?

16 Mhuwiex dejjem faċli li nobdu lil Alla. Aħna ngħixu f’dinja mimlija ħażen li hi mmexxija mix-​Xitan. Hu jipprova jinfluwenza lin-​nies biex jagħmlu dak li hu ħażin. (1 Ġwanni 5:19) Barra minn hekk, aħna rridu niġġieldu kontra l-​ħsibijiet u s-​sentimenti imperfetti tagħna stess, għax dawn jistgħu jwassluna biex ma nobdux lil Alla. (Rumani 7:21-​25) Imma l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tagħtina s-​saħħa biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Hu jara l-​isforzi li nagħmlu biex nobduh, u jgħinna billi jagħtina l-​ispirtu qaddis u qawwi tiegħu. (1 Samwel 15:22, 23; Atti 5:32) L-​ispirtu qaddis jgħinna biex ikollna kwalitajiet li jagħmluhielna iktar faċli biex nobduh.—Galatin 5:22, 23.

17, 18. (a) X’se nitgħallmu f’dan il-​ktieb? (b) X’se naraw fil-​kapitlu li jmiss?

17 F’dan il-​ktieb, se nitgħallmu kif nistgħu nogħġbu lil Ġeħova f’ħajjitna. Se nitgħallmu wkoll kif ngħixu fi qbil mal-​prinċipji u l-​livelli morali tiegħu. Ftakar li Ġeħova qatt ma jisforzana biex nobduh. Meta nagħżlu li nobdu, ħajjitna se tmur għall-​aħjar u se jkollna futur mill-​isbaħ. U fuq kollox, meta nobdu, aħna nkunu qed nuru lil Alla kemm inħobbuh.—Ara n-​Nota numru 4 fl-​aħħar.

18 Biex jgħinna nkunu nafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna kuxjenza. Jekk nitgħallmu nużawha sew, din tistaʼ tgħinna biex “nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” Allura, x’inhi l-​kuxjenza, u kif nistgħu nħarrġuha? Ejja naraw.