Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 6

Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek

Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek

“Agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 KORINTIN 10:31.

1, 2. Għala hemm bżonn li noqogħdu attenti meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment?

 IMMAĠINA li hekk kif se tigdem frotta, tinduna li biċċa minnha hi mħassra. X’se tagħmel? Xorta tikolha? Tarmiha? Jew se tneħħi l-​biċċa mħassra u tiekol il-​biċċa t-​tajba?

2 Sa ċertu punt, id-​divertiment jixbah lil din il-​frotta. Ftit minnu jistaʼ jkun tajjeb, imma ħafna minnu hu mħassar minħabba li fih l-​immoralità sesswali, il-​vjolenza, jew l-​ispiritiżmu, jiġifieri affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-​dimonji. Xi wħud ma jagħtux kas x’divertiment jagħżlu. Oħrajn iħossu li kull divertiment hu ħażin. Terġaʼ oħrajn joqogħdu attenti x’divertiment jagħżlu billi jevitaw x’inhu ħażin u jieħdu pjaċir b’dak li hu tajjeb. U int? Kif tagħżel li tqattaʼ l-​ħin liberu tiegħek?

3. Dwar xiex għandna naħsbu meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment?

3 Ilkoll għandna bżonn xi rikreazzjoni u divertiment, u rridu li nagħżluh bil-​għaqal. Allura, hemm bżonn li nsaqsu lilna nfusna, ‘Dak li nagħżel bħala divertiment kif jistaʼ jeffettwa l-​qima tiegħi lil Ġeħova?’

“AGĦMLU KOLLOX GĦALL-​GLORJA T’ALLA”

4. Liema prinċipju Bibliku jistaʼ jgħinna nagħżlu d-​divertiment?

4 Meta niddedikaw lilna nfusna lil Ġeħova, inkunu qed inwegħduh li se nużaw ħajjitna biex naqduh. (Aqra Ekkleżjasti 5:4.) Aħna nwiegħdu li se ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’ (1 Korintin 10:31) Dan ifisser li aħna ddedikati lil Alla mhux biss waqt il-​laqgħat jew il-​ministeru, imma anki meta nkunu qed nirrilassaw jew waqt id-​divertiment.

5. X’tip taʼ qima għandna nagħtu lil Ġeħova?

5 Kulma nagħmlu fil-​ħajja jeffettwa l-​qima tagħna lil Ġeħova. Pawlu spjega dan billi qal: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, u aċċettabbli għal Alla.’ (Rumani 12:1) Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Marku 12:30) Aħna dejjem irridu nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova. Żmien twil ilu, f’Iżrael, meta n-​nies kienu jissagrifikaw l-​annimali lil Ġeħova, kien mistenni li jagħtu annimal f’saħħtu. Jekk is-​sagrifiċċju kien ikun difettuż, Alla ma kienx jaċċettah. (Levitiku 22:18-​20) B’mod simili, il-​qima tagħna tistaʼ ma tibqax aċċettabbli għal Ġeħova. Kif?

6, 7. Id-​divertiment li nagħżlu, kif jistaʼ jeffettwa l-​qima tagħna lil Ġeħova?

6 Ġeħova jgħidilna: “Kunu qaddisin, għax jien qaddis.” (1 Pietru 1:14-​16; 2 Pietru 3:11) Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħna biss jekk tkun qaddisa, jew nadifa. (Dewteronomju 15:21) Il-​qima tagħna ma tistax tkun nadifa jekk nagħmlu affarijiet li Ġeħova jobgħod, bħal affarijiet immorali, vjolenti, jew li jkollhom x’jaqsmu max-​Xitan. (Rumani 6:12-​14; 8:13) Imma Ġeħova jkun diżappuntat bina anki jekk naraw affarijiet bħal dawn. Dan jistaʼ jħammeġ il-​qima tagħna u jagħmilha mhux aċċettabbli għal Ġeħova u jistaʼ jkisser ir-​relazzjoni li għandna miegħu.

7 Allura, kif nistgħu nagħżlu d-​divertiment b’mod għaqli? Liema prinċipji se jgħinuna nkunu nafu x’divertiment hu aċċettabbli u x’mhuwiex?

OBGĦOD IL-​ĦAŻIN

8, 9. X’tip taʼ divertiment għandna nevitaw? Għala?

8 Illum il-​ġurnata, jeżistu ħafna tipi taʼ divertiment. Xi ftit minnhom huma aċċettabbli għall-​Kristjani, imma ħafna minnhom mhumiex. Ejja l-​ewwel naraw x’tip taʼ divertiment hemm bżonn nevitaw.

9 Ħafna films, websajts, programmi fuq it-​televixin, logħob elettroniku, u mużika fihom l-​immoralità sesswali, vjolenza, jew għandhom x’jaqsmu mad-​dimonji. L-​affarijiet ħżiena spiss jiġu preżentati b’mod li jidhru innoċenti jew saħansitra tad-​daħq. Imma l-​Kristjani joqogħdu attenti li ma jaċċettawx divertiment li jmur kontra l-​livelli nodfa taʼ Ġeħova. (Atti 15:28, 29; 1 Korintin 6:9, 10) Meta nirrifjutaw divertiment bħal dan, inkunu qed nuru lil Ġeħova li nobogħdu l-​ħażin.—Salm 34:14; Rumani 12:9.

10. X’jistaʼ jiġri jekk nagħżlu li nieħdu pjaċir b’affarijiet ħżiena?

10 Imma xi wħud iħossu li m’hemm xejn ħażin billi jieħdu pjaċir b’affarijiet vjolenti, immorali sesswalment, jew li jkollhom x’jaqsmu mad-​dimonji. Huma jirraġunaw: ‘X’se jiġri b’daqshekk? Qatt mhu se nasal biex nagħmel xi ħaġa hekk.’ Jekk nirraġunaw b’dan il-​mod, inkunu qed nidħqu bina nfusna. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġeremija 17:9) Jekk fil-​ħin liberu tagħna nieħdu pjaċir b’affarijiet li ma jħobbx Ġeħova, kif nistgħu ngħidu li nobogħduhom? Iktar kemm nieħdu pjaċir bihom, iktar se nqisuhom bħala xi ħaġa normali. Maż-​żmien, il-​kuxjenza tagħna se tiddgħajjef u tieqaf twissina meta nkunu se nieħdu deċiżjoni ħażina.—Salm 119:70; 1 Timotju 4:1, 2.

11. Galatin 6:7 kif tgħinna nagħżlu d-​divertiment bil-​għaqal?

11 Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Fil-​fatt, jekk nieħdu pjaċir b’affarijiet ħżiena, jistaʼ jkun li maż-​żmien nibdew nagħmluhom. Pereżempju, xi Kristjani tant ġew effettwati b’divertiment immorali li spiċċaw għamlu l-​immoralità huma stess. Imma Ġeħova jagħtina l-​għajnuna li għandna bżonn biex nagħżlu d-​divertiment bil-​għaqal.

UŻA L-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA BIEX TIEĦU DEĊIŻJONI

12. X’se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar kif inqattgħu l-​ħin liberu tagħna?

12 Ċerti affarijiet huma ovvji li għal Ġeħova huma ħżiena. Imma xi ngħidu jekk xi ħaġa mhix daqshekk ovvja? Ġeħova ma jagħtiniex lista taʼ x’nistgħu naraw, nisimgħu, jew naqraw. Minflok, hu jridna nużaw kuxjenza bbażata minn fuq il-​Bibbja. (Aqra Galatin 6:5.) Ġeħova jagħtina prinċipji, jiġifieri veritajiet bażiċi li jgħallmuna kif hu jqis l-​affarijiet. Dawn il-​prinċipji jgħinuna nittrennjaw il-​kuxjenza tagħna. Jgħinuna wkoll nifhmu “x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova,” jiġifieri xi jrid Ġeħova minna, ħalli nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh.—Efesin 5:17.

Il-prinċipji tal-Bibbja jgħinuna nagħżlu d-divertiment tagħna

13. Għala l-​Kristjani ma jagħżlux l-​istess divertiment? Imma l-​Kristjani minn xiex jimpurtahom?

13 Spiss, dak li Kristjan jagħżel biex jieħu pjaċir bih ikun differenti minn dak li jagħżel ħaddieħor. Għala? Ilkoll nieħdu pjaċir b’affarijiet differenti. Barra minn hekk, dak li għandu mnejn ikun aċċettabbli għal xi wħud, jistaʼ ma jkunx aċċettabbli għal oħrajn. Minkejja dan, biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin, il-​Kristjani kollha għandhom ikunu gwidati mill-​prinċipji tal-​Bibbja. (Filippin 1:9) Dawn se jgħinuna nagħżlu divertiment li jkun aċċettabbli għal Alla.—Salm 119:11, 129; 1 Pietru 2:16.

14. (a) Kristjan x’għandu jikkunsidra dwar kif iqattaʼ l-​ħin? (b) Pawlu x’parir ta lill-​Kristjani?

14 Xi ħaġa oħra li għandna nikkunsidraw hi kemm inqattgħu ħin nagħmlu dak li jogħġobna. Dan juri kemm id-​divertiment hu importanti għalina. Bħala Kristjani, dak li nagħmlu għal Ġeħova hu l-​iktar importanti f’ħajjitna. (Aqra Mattew 6:33.) Imma mingħajr ma nindunaw, jistaʼ jkun li d-​divertiment jiħdilna iktar u iktar mill-​ħin tagħna. Pawlu ta dan il-​parir lill-​Kristjani: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.” (Efesin 5:15, 16) Allura, hemm bżonn li noqogħdu attenti kemm inqattgħu ħin nagħmlu dak li jogħġobna u dejjem nagħmlu ċert li s-​servizz tagħna lil Ġeħova jkun l-​ewwel f’ħajjitna.—Filippin 1:10.

15. Kif nistgħu nipproteġu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova meta nagħżlu d-​divertiment?

15 B’mod ċar, m’għandniex naċċettaw divertiment li nafu li mhuwiex aċċettabbli għal Ġeħova. Imma xi ngħidu dwar divertiment li forsi m’aħniex ċerti dwaru? Xorta għandna noqogħdu attenti? Aħseb dwar dan. Jekk qed timxi ħdejn l-​irdum, sejjer int tmur fit-​tarf eżatt? Le. Jekk tapprezza ħajtek, int se toqgħod ’il bogħod mill-​periklu. Dan hu simili għal meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment tagħna. Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Warrab sieqek mill-​ħażen.” (Proverbji 4:25-​27) Allura aħna mhux biss nevitaw divertiment li nkunu nafu li hu ħażin, imma nżommu ’l bogħod ukoll minn kull divertiment li nissuspettaw li hu ħażin u li jistaʼ jkisser ir-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova.

SIR AF KIF JAĦSIBHA ĠEĦOVA

16. (a) X’inhuma xi affarijiet li jobgħod Ġeħova? (b) Kif nistgħu nuru li nobogħdu dak li jobgħod Ġeħova?

16 Is-​salmista kiteb: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.” (Salm 97:10) Il-​Bibbja tgħallimna kif Ġeħova jaħsibha u jħossu. Saqsi lilek innifsek kif dak li tgħallimt jistaʼ jgħinek taħsibha bħal Ġeħova. Pereżempju, aħna nitgħallmu li Ġeħova jobgħod “ilsien falz, u idejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li tfassal pjanijiet taʼ ħsara, [u] saqajn mgħaġġlin biex jiġru lejn il-​ħażen.” (Proverbji 6:16-​19) Aħna nitgħallmu li għandna nevitaw “iż-​żína, . . . l-​idolatrija, l-​ipprattikar taʼ l-​ispiritiżmu, . . . l-​għira, l-​għadab, . . . is-​sokor, ix-​xalar, u affarijiet bħal dawn.” (Galatin 5:19-​21) Tifhem int kif dawn il-​prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk tagħżel id-​divertiment? Irridu nimxu mal-​livelli taʼ Ġeħova f’kull aspett taʼ ħajjitna, kemm meta nkunu m’oħrajn u kemm meta nkunu waħedna. (2 Korintin 3:18) Fil-​fatt, l-​għażliet li nagħmlu meta nkunu waħedna spiss juru min aħna verament.—Salm 11:4; 16:8.

17. Qabel nagħżlu kif inqattgħu l-​ħin liberu tagħna, x’mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna?

17 B’hekk, meta tagħżel kif tqattaʼ l-​ħin liberu tiegħek, saqsi lilek innifsek: ‘L-​għażla tiegħi kif se teffettwa r-​relazzjoni li għandi maʼ Ġeħova? Kif se teffettwa l-​kuxjenza tiegħi?’ Ejja neżaminaw xi prinċipji oħra li jistgħu jgħinuna nagħżlu d-​divertiment.

18, 19. (a) Pawlu x’parir ta lill-​Kristjani? (b) Xi prinċipji se jgħinuna nagħżlu d-​divertiment tagħna?

18 Id-​divertiment tagħna jinfluwenza l-​ħsibijiet tagħna. Pawlu kiteb: “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù [jiġifieri dak li hu tajjeb], u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.” (Filippin 4:8) Meta naħsbu fuq affarijiet tajbin bħal dawn, inkunu nistgħu ngħidu: “Ħa jkunu kliem fommi u l-​meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova.”—Salm 19:14.

19 Saqsi lilek innifsek: ‘Fuq xiex qed noqgħod naħseb? Wara li nara ċertu film jew programm fuq it-​televixin, ikolli ħsibijiet tajbin u pożittivi? Inħoss li għandi paċi u kuxjenza nadifa? (Efesin 5:5; 1 Timotju 1:5, 19) Inħossni komdu nitlob lil Ġeħova? Id-​divertiment iġegħelni naħseb dwar il-​vjolenza jew affarijiet immorali? (Mattew 12:33; Marku 7:20-​23) Bl-​għażla tad-​divertiment tiegħi, qiegħed inkun ‘magħġun,’ jiġifieri ninbidel, “skond din is-​sistema”?’ (Rumani 12:2) It-​tweġiba onesta tagħna tistaʼ tgħinna nifhmu x’għandna bżonn nagħmlu biex inżommu r-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Aħna rridu nitolbu bħalma għamel is-​salmista: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.” *Salm 119:37.

ID-​DEĊIŻJONIJIET TAGĦNA JEFFETTWAW LIL OĦRAJN

20, 21. Għala hemm bżonn li naħsbu kif iħossu ħaddieħor meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment tagħna?

20 Prinċipju importanti ieħor li jkun tajjeb li nżommuh f’moħħna hu: “Kollox hu permess; iżda mhux kollox hu vantaġġuż. Kollox hu permess; imma mhux kollox jibni. Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.” (1 Korintin 10:23, 24) Imbilli għandna l-​libertà li nagħmlu xi ħaġa, ma jfissirx li huwa tajjeb li nagħmluha. Għandna naħsbu sew kif id-​deċiżjoni tagħna se teffettwa lil ħutna.

21 Mhux il-​kuxjenza taʼ kulħadd taħdem l-​istess. Pereżempju, għandu mnejn li l-​kuxjenza tiegħek tippermettilek tara ċertu programm fuq it-​televixin. Imma mbagħad issir taf li l-​kuxjenza taʼ ħu jew oħt ma tippermettilhiex tarah. X’se tagħmel? Anki jekk għandek id-​dritt li tarah, għandek mnejn tiddeċiedi li ma tarahx. Għala? Għax ma tridx ‘tidneb kontra ħutek’—jew saħansitra ‘tidneb kontra Kristu.’ (1 Korintin 8:12) Ma rridu nagħmlu xejn li jfixkel lil ħutna l-​Kristjani.—Rumani 14:1; 15:1; 1 Korintin 10:32.

22. Kif tistaʼ turi li int raġonevoli meta Kristjan ieħor ikollu opinjoni differenti minnek?

22 Mill-​banda l-​oħra, xi ngħidu jekk il-​kuxjenza tiegħek ma tippermettilekx tara, taqra, jew tagħmel xi ħaġa li ħaddieħor ma jara xejn ħażin fiha? Minħabba li tħobb u tirrispetta lil ħuk, int mhux se tagħmel pressjoni fuqu biex jagħmel bħalek. Pereżempju, individwu li jsuq karozza jaf li oħrajn jistgħu jsuqu b’aktar jew anqas veloċità minnu u xorta jkunu sewwieqa tajbin. B’mod simili, int u ħu ieħor jistaʼ jkun li qed timxu mal-​prinċipji tal-​Bibbja, imma jistaʼ jkollkom opinjonijiet ftit differenti minn taʼ xulxin dwar x’divertiment hu aċċettabbli.—Ekkleżjasti 7:16; Filippin 4:5.

23. X’se jgħinna nagħżlu d-​divertiment tagħna bil-​għaqal?

23 Allura, x’se jgħinna nagħżlu d-​divertiment tagħna bil-​għaqal? Meta nużaw il-​kuxjenza li tkun ġiet ittrennjata fuq prinċipji Bibliċi u verament ikun jimpurtana minn ħutna, se nagħmlu għażliet tajbin. U se nħossuna ferħanin li nkunu qed nagħmlu “kollox għall-​glorja t’Alla.”

^ Nistgħu nsibu aktar prinċipji li jgħinuna nagħżlu d-​divertiment fi Proverbji 3:31; 13:20; Efesin 5:3, 4; u Kolossin 3:5, 8, 20.