Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

Agħżel ħbieb li jħobbu lil Alla

Agħżel ħbieb li jħobbu lil Alla

“Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.”—PROVERBJI 13:20.

1-3. (a) X’nitgħallmu minn Proverbji 13:20? (b) Għala hemm bżonn nużaw l-​għaqal meta nagħżlu l-​ħbieb?

 ĠIELI nnotajt kif tarbija tħares lejn il-​ġenituri tagħha? Anki qabel ma tkun taf titkellem, din toqgħod attenta għal kulma tara u tismaʼ. Hi u tikber, din tibda timita l-​ġenituri tagħha mingħajr ma tkun taf. Fil-​fatt, anki l-​adulti jistgħu jibdew jaħsbu u jaġixxu bħan-​nies li jqattgħu ħafna ħin magħhom.

2 Minn Proverbji 13:20, aħna nitgħallmu li “min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.” Hawnhekk, l-​idea li ‘timxi maʼ’ xi ħadd jinkludi li tagħżel li tqattaʼ l-​ħin miegħu. Dan ifisser iktar milli sempliċiment inkunu fil-​kumpanija taʼ dak li jkun. Studjuż tal-​Bibbja qal li l-​fatt li ‘timxi maʼ’ xi ħadd jinkludi l-​idea li tkun tħobbu u tafu sew. Aħna niġu effettwati l-​iktar min-​nies li nqattgħu ħafna ħin magħhom, speċjalment jekk aħna ħbieb sew tagħhom.

3 Il-​ħbieb tagħna jistgħu jeffettwawna b’mod tajjeb jew ħażin. Proverbji 13:20 ikompli jgħid: “Min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” Bil-​lingwa Ebrajka, li ‘tagħmilha maʼ’ xi ħadd jistaʼ jfisser li ‘tissieħeb’ miegħu, jiġifieri, li tkun ħabib tiegħu. (Proverbji 22:24; Imħallfin 14:20) Ħbieb li jħobbu lil Alla se jinkuraġġuna biex nibqgħu leali lejh. Ejja naraw x’tip taʼ nies jagħżel Ġeħova bħala l-​ħbieb tiegħu. Dan se jgħinna nużaw l-​għaqal meta nagħżlu l-​ħbieb.

MIN HUMA L-​ĦBIEB T’ALLA?

4. Għala huwa unur kbir li nkunu ħbieb taʼ Ġeħova? Ġeħova għala sejjaħ lil Abraham “il-​ħabib tiegħi”?

4 Ġeħova, is-​Sovran tal-​Univers, jagħtina l-​opportunità li nkunu l-​ħbieb tiegħu. Dan hu unur kbir. Ġeħova jagħżel il-​ħbieb tiegħu sew. Hu jagħżel lil dawk li jħobbuh u li għandhom fidi fih. Aħseb dwar Abraham. Hu kien lest li jagħmel kollox għal Alla. Għal darba wara l-​oħra, Abraham wera li kien leali u ubbidjenti. Hu kien saħansitra lest li jissagrifika lil ibnu Iżakk. Abraham kien fiduċjuż li “Alla setaʼ jqajmu saħansitra mill-​imwiet.” (Ebrej 11:17-​19; Ġenesi 22:1, 2, 9-​13) Abraham kien leali u ubbidjenti, u għalhekk Ġeħova sejjaħlu “l-​ħabib tiegħi.”—Isaija 41:8; Ġakbu 2:21-​23.

5. Ġeħova kif iħossu dwar dawk li huma leali lejh?

5 Ġeħova jqishom prezzjużi lill-​ħbieb tiegħu. L-​iktar ħaġa importanti għall-​ħbieb tiegħu hi li jkunu leali lejh. (Aqra t-2 Samwel 22:26.) Huma jaġixxu b’lealtà u jobduh għax iħobbuh. Il-​Bibbja tgħid li Alla għandu ħbiberija kbira maʼ dawk li jobduh. (Proverbji 3:32) Ġeħova jinkuraġġixxi lill-​ħbieb tiegħu biex ikunu l-​mistidnin speċjali “fit-​tinda” tiegħu. Dan ifisser li hu jistidinhom biex iqimuh u jitolbuh f’kull ħin.—Salm 15:1-​5.

6. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġesù?

6 Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti, u Missieri jħobbu.” (Ġwanni 14:23) Allura, biex inkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, irridu wkoll inħobbu lil Ġesù u nagħmlu kulma għallimna. Pereżempju, aħna nobdu kliem Ġesù billi nippritkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Ġwanni 14:15, 21) Peress li nħobbu lil Ġesù, aħna ‘nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Ġeħova jkun ferħan meta jarana nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nimitaw lil Ibnu f’dak kollu li ngħidu u nagħmlu.

7. Għala għandna nagħmlu ċert li l-​ħbieb tagħna huma l-​ħbieb taʼ Ġeħova?

7 Il-​ħbieb taʼ Ġeħova huma taʼ min jafdahom, leali, ubbidjenti, u jħobbu lil Ibnu. Nagħżlu aħna l-​istess tip taʼ ħbieb li jagħżel Ġeħova? Jekk il-​ħbieb tiegħek jimitaw lil Ġesù u jqattgħu l-​ħin jgħallmu lill-​oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, huma jistgħu jgħinuk biex tkun persuna aħjar u biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova.

NITGĦALLMU MINN KARATTRI TAL-​BIBBJA

8. X’jogħġbok dwar il-​ħbiberija bejn Rut u Nagħomi?

8 Fil-​Bibbja, nistgħu naqraw dwar ħafna ħbiberiji, bħall-​ħbiberija bejn Rut u l-​kunjata tagħha, Nagħomi. Dawn iż-​żewġ nisa ma kellhomx l-​istess trobbija u kienu ġejjin minn postijiet differenti, u Nagħomi kienet ħafna ikbar minn Rut. Imma huma saru ħbieb kbar għax it-​tnejn kienu jħobbu ’l Ġeħova. Meta Nagħomi kienet se titlaq mill-​art taʼ Mowab u tmur lura Iżrael, “Rut baqgħet imqabbda magħha.” Hi qalet hekk lil Nagħomi: “Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:14, 16) Rut kienet qalbha tajba ħafna maʼ Nagħomi. Meta waslu Iżrael, Rut ħadmet iebes biex tgħin lil ħabiba tagħha. Nagħomi kienet tħobbha ħafna lil Rut u tatha pariri tajbin. Rut semgħet minnha, u b’hekk it-​tnejn li huma rċivew ħafna barkiet.—Rut 3:6.

9. X’jimpressjonak dwar il-​ħbiberija bejn David u Ġonatan?

9 David u Ġonatan huma eżempju ieħor taʼ żewġt iħbieb kbar li kienu leali lejn Ġeħova. Ġonatan kien madwar 30 sena akbar minn David u kien il-​wieħed li jmiss biex isir is-​sultan taʼ Iżrael. (1 Samwel 17:33; 31:2; 2 Samwel 5:4) Minkejja dan, meta Ġonatan sar jaf li Ġeħova kien għażel lil David biex ikun sultan, ma bediex jgħir jew jimpika miegħu. Anzi, Ġonatan għamel kulma setaʼ biex jappoġġa lil David. Pereżempju, meta David kien fil-​periklu, Ġonatan ‘saħħaħlu l-​fiduċja tiegħu f’Alla.’ Hu saħansitra rriskja ħajtu għal David. (1 Samwel 23:16, 17) Anki David kien ħabib leali. Hu wiegħed li kien se jieħu ħsieb il-​familja taʼ Ġonatan. David żamm maʼ din il-​wegħda anki wara li Ġonatan miet.—1 Samwel 18:1; 20:15-​17, 30-​34; 2 Samwel 9:1-​7.

10. It-​tliet Ebrej x’jgħallmuk dwar il-​ħbiberija?

10 Sidrak, Mesak, u Għabednego kienu tlett iħbieb Ebrej żgħażagħ li ġew meħudin ’il bogħod minn djarhom lejn Babilonja meta kienu għadhom tfal. Peress li kienu ’l bogħod mill-​familja tagħhom, huma għenu lil xulxin jibqgħu leali lejn Ġeħova. Meta kibru, il-​fidi tagħhom ġiet ittestjata meta s-​Sultan Nebukadnessar ikkmandahom biex iqimu statwa tad-​deheb. Sidrak, Mesak, u Għabednego m’aċċettawx li jqimu l-​istatwa u qalulu hekk lis-​sultan: “Aħna ma naqdux lil allatek, u m’aħniex se nqimu x-​xbieha tad-​deheb li waqqaft int.” Meta l-​fidi tagħhom ġiet ittestjata, dawn it-​tlett iħbieb baqgħu leali lejn Alla tagħhom.—Danjel 1:1-​17; 3:12, 16-​28.

11. Pawlu u Timotju kif saru ħbieb kbar?

11 Meta l-​appostlu Pawlu ltaqaʼ maż-​żagħżugħ Timotju, setaʼ jara li Timotju kien iħobb lil Ġeħova u li kien jinteressah ħafna mill-​kongregazzjoni. Għalhekk, Pawlu ħarreġ lil Timotju biex ikun jistaʼ jgħin lill-​aħwa f’ħafna postijiet differenti. (Atti 16:1-​8; 17:10-​14) Timotju tant ħadem iebes li Pawlu qal: Hu “tjassar [jew ħadem iebes] miegħi biex iġib l-​aħbar tajba ’l quddiem.” Pawlu kien jaf li Timotju kien se “jieħu ħsieb ġenwinament” lil ħutu. Waqt li ħadmu iebes flimkien biex jaqdu lil Ġeħova, Pawlu u Timotju saru ħbieb kbar.—Filippin 2:20-​22; 1 Korintin 4:17.

KIF GĦANDNA NAGĦŻLU L-​ĦBIEB TAGĦNA?

12, 13. (a) Għala jeħtieġ li anki fil-​kongregazzjoni noqogħdu attenti meta nagħżlu l-​ħbieb? (b) L-​appostlu Pawlu għala ta t-​twissija li nsibu fl-​1 Korintin 15:33?

12 Fil-​kongregazzjoni, aħna nistgħu nitgħallmu minn ħutna u ngħinu lil xulxin nibqgħu leali. (Aqra Rumani 1:11, 12.) Imma anki fil-​kongregazzjoni, irridu noqogħdu attenti lil min nagħżlu bħala ħbieb tal-​qalb. Aħna għandna varjetà sabiħa taʼ aħwa minn ħafna kulturi u backgrounds differenti. Xi wħud għadhom ġodda fil-​kongregazzjoni, waqt li oħrajn ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin. Jieħu ż-​żmien biex persuna tkabbar il-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova, bħalma jieħu ż-​żmien biex il-​frott isir. Għalhekk, irridu nuru paċenzja u nħobbu lil xulxin u dejjem nużaw l-​għaqal meta nagħżlu l-​ħbieb.—Rumani 14:1; 15:1; Ebrej 5:12–6:3.

13 Xi drabi, jistgħu jinqalgħu problemi serji fil-​kongregazzjoni, u jkollna bżonn noqogħdu attenti ħafna. Jistaʼ jkun li xi ħu jew oħt tkun qed tagħmel affarijiet li l-​Bibbja tgħid li huma ħżiena. Jew xi ħadd jistaʼ jiħodha drawwa li joqgħod igerger, u dan jistaʼ jnaqqas il-​paċi fil-​kongregazzjoni. Aħna ma niħduhiex bi kbira jekk jiġri dan, għax anki fl-​ewwel seklu kultant inqalgħu l-​problemi fil-​kongregazzjoni. Fil-​fatt, l-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani taʼ dak iż-​żmien: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:12, 33) Pawlu wissa wkoll lil Timotju biex joqgħod attent lil min jagħżel bħala ħbieb tal-​qalb. Aħna għandna nagħmlu l-​istess illum.—Aqra t-2 Timotju 2:20-​22.

14. L-​għażla tal-​ħbieb tagħna kif tistaʼ teffettwa r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?

14 Aħna rridu nipproteġu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Din hi l-​iktar ħaġa prezzjuża li għandna. Allura, għandna nevitaw li nkunu ħbieb tal-​qalb maʼ xi ħadd li jistaʼ jdgħajfilna l-​fidi u jifridna minn maʼ Ġeħova. Pereżempju, jekk nitfgħu sponża ġo ilma maħmuġ, din ma tistax timtela b’ilma nadif. Bl-​istess mod, jekk ikollna ħbieb li jagħmlu affarijiet ħżiena, se jkun diffiċli għalina li nagħmlu affarijiet tajbin. Jeħtieġ li noqogħdu attenti lil min nagħżlu bħala ħbieb tal-​qalb.—1 Korintin 5:6; 2 Tessalonikin 3:6, 7, 14.

Int tistaʼ ssib ħbieb tajbin li jħobbu lil Ġeħova

15. X’tistaʼ tagħmel biex ikollok ħbieb tajbin fil-​kongregazzjoni?

15 Fil-​kongregazzjoni, hemm nies li verament iħobbu lil Ġeħova. Dawn jistgħu jsiru ħbieb tal-​qalb tiegħek. (Salm 133:1) Tfittix ħbieb biss li huma tal-​istess età jew background tiegħek. Ftakar li Ġonatan kien ħafna ikbar minn David, u Rut kienet ħafna iżgħar minn Nagħomi. Irridu nsegwu l-​parir tal-​Bibbja li jgħid: “Wessgħu qalbkom.” Dan ifisser li rridu nħobbu lil ħutna kollha. (2 Korintin 6:13; aqra l-1 Pietru 2:17.) Iktar kemm timita lil Ġeħova, iktar se jkun hemm uħud li jixtiequ jkunu ħbieb tiegħek.

META JQUMU L-​PROBLEMI

16, 17. Jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni jweġġagħna, xi rridu nevitaw li nagħmlu?

16 F’kull familja, ikun hemm personalitajiet u opinjonijiet differenti u mhux kulħadd jagħmel l-​affarijiet bl-​istess mod. Huwa l-​istess fil-​kongregazzjoni. Din il-​varjetà tagħmel il-​ħajja interessanti, u nistgħu nitgħallmu ħafna minn xulxin. Imma kultant minħabba d-​differenzi taʼ bejnietna nistgħu nifhmu lil ħutna ħażin u jibdew jirritawna. Xi drabi, għandna mnejn inħossuna offiżi jew imweġġgħin. (Proverbji 12:18) Għandna aħna nħallu problemi bħal dawn jiskuraġġuna jew ibegħduna mill-​kongregazzjoni?

17 Le. Anki jekk xi ħadd iweġġagħna b’xi mod, m’għandniex nitbiegħdu mill-​kongregazzjoni. Mhuwiex Ġeħova l-​wieħed li weġġagħna! Hu tana l-​ħajja u kull ħaġa oħra. Hu jistħoqqlu l-​imħabba u l-​lealtà tagħna. (Rivelazzjoni 4:11) Il-​kongregazzjoni hi rigal mingħand Ġeħova li jgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. (Ebrej 13:17) Qatt m’għandna nirrifjutaw dan ir-​rigal sempliċiment minħabba li xi ħadd iddiżappuntana.—Aqra Salm 119:165.

18. (a) X’jistaʼ jgħinna biex ningwalawha maʼ ħutna? (b) Għala għandna naħfru lill-​oħrajn?

18 Aħna nħobbuhom lil ħutna u nixtiequ li ningwalawha magħhom. Ġeħova ma jistenniex li n-​nies ikunu perfetti, u lanqas aħna m’għandna nistennew il-​perfezzjoni minn oħrajn. (Proverbji 17:9; 1 Pietru 4:8) Ilkoll kemm aħna niżbaljaw, imma l-​imħabba tgħinna nkomplu ‘naħfru lil xulxin mill-​qalb.’ (Kolossin 3:13) L-​imħabba se twaqqafna milli noħolqu problema kbira minħabba nuqqas taʼ ftehim. Veru, meta xi ħadd iweġġagħna, jistaʼ jkun diffiċli biex nieqfu naħsbu dwar dan. Huwa faċli li nirrabjaw u nżommu fil-​komma. Imma dan mhu se jagħmel xejn ħlief li jġegħelna nħossuna mdejqin u rrabjati. Mill-​banda l-​oħra, meta naħfru lil xi ħadd li weġġagħna, jistaʼ jkollna paċi tal-​moħħ, għaqda fil-​kongregazzjoni, u l-​iktar importanti, relazzjoni tajba m’Alla.—Mattew 6:14, 15; Luqa 17:3, 4; Rumani 14:19.

META XI ĦADD JIĠI MAQTUGĦ MIS-​SĦUBIJA

19. F’liema każ ma nibqgħux nagħmluha maʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni?

19 Ġo familja magħquda, kull membru jagħmel l-​almu tiegħu biex iżomm lill-​membri l-​oħra ferħanin. Imma immaġina li xi ħadd minnhom jirribella. Il-​familja kollha tipprova tgħinu għal darba wara l-​oħra, imma hu ma jaċċettax l-​għajnuna. Hu forsi jiddeċiedi li jitlaq mid-​dar, jew il-​kap tal-​familja għandu mnejn ikollu jgħidlu biex jitlaq. Tistaʼ tiġri xi ħaġa simili fil-​kongregazzjoni. Persuna għandha mnejn tagħżel li tibqaʼ tagħmel affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova u toħloq problemi fil-​kongregazzjoni. Din ma tkunx qed taċċetta l-​għajnuna u bil-​mod kif taġixxi turi li ma tridx tkun iktar parti mill-​kongregazzjoni. Għandha mnejn tagħżel li titlaq mill-​kongregazzjoni hi stess, jew jistaʼ jkollha tiġi maqtugħa mis-​sħubija. Jekk jiġri dan, il-​Bibbja b’mod ċar tgħid biex ‘ma nibqgħux nagħmluha’ magħha. (Aqra l-1 Korintin 5:11-​13; 2 Ġwanni 9-​11) Dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna jekk din il-​persuna hi ħabiba tagħna jew tiġi minna. Imma f’sitwazzjoni bħal din, il-​lealtà tagħna lejn Ġeħova għandha tkun iktar b’saħħitha mil-​lealtà tagħna lejn xi ħadd ieħor.—Ara n-​Nota numru 8 fl-​aħħar.

20, 21. (a) L-​arranġament tal-​qtugħ mis-​sħubija kif juri mħabba? (b) Għala hu importanti li nużaw l-​għaqal meta nagħżlu l-​ħbieb tagħna?

20 L-​arranġament tal-​qtugħ mis-​sħubija pprovdihulna Ġeħova bi mħabba. Dan jipproteġi l-​kongregazzjoni minn dawk li ma jimpurtahomx mil-​livelli taʼ Ġeħova. (1 Korintin 5:7; Ebrej 12:15, 16) Billi nappoġġaw dan l-​arranġament, aħna nuru mħabba għall-​isem qaddis taʼ Ġeħova, għal-​livelli għoljin tiegħu, u għal Ġeħova stess. (1 Pietru 1:15, 16) Barra minn hekk, l-​arranġament tal-​qtugħ mis-​sħubija juri mħabba għall-​persuna li m’għadhiex membru tal-​kongregazzjoni. Din id-​dixxiplina soda tistaʼ tgħinha tirrealizza li dak li qed tagħmel hu ħażin u tistaʼ tħeġġiġha tinbidel. Ħafna wħud li darba kienu maqtugħin mis-​sħubija iktar tard reġgħu lura għand Ġeħova u ġew milqugħin lura fil-​kongregazzjoni bi mħabba.—Ebrej 12:11.

21 B’xi mod jew ieħor, il-​ħbieb tagħna jeffettwawna. Allura hu importanti li noqogħdu attenti kif nagħżluhom. Jekk inħobbu lil dawk li Ġeħova jħobb, se nkunu mdawrin b’nies li jistgħu jgħinuna nibqgħu leali lejh għal dejjem.