Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 8

Jaħarbu minn ħakkiem mill-agħar

Jaħarbu minn ħakkiem mill-agħar

MATTEW 2:13-​23

  • IL-​FAMILJA TAʼ ĠESÙ TAĦRAB LEJN L-​EĠITTU

  • ĠUŻEPPI JIEĦU LIL FAMILTU TGĦIX NAZARET

Ġużeppi jqajjem lil Marija biex jagħtiha aħbar urġenti. L-​anġlu taʼ Ġeħova għadu kif deherlu f’ħolma u qallu: “Qum, ħu lit-​tifel u lil ommu u aħrab lejn l-​Eġittu, u ibqaʼ hemmhekk sakemm ngħidlek; għax Erodi se jfittex lit-​tifel biex jeqirdu.”—Mattew 2:13.

Minnufih, Ġużeppi, Marija, u binhom jaħarbu billejl. Dan jagħmluh eżatt fil-​ħin, għax Erodi jsir jaf li l-​astrologi daħqu bih. Hu kien qalilhom biex imorru lura għandu. Minflok, huma telqu mill-​pajjiż mingħajr ma għamlu dan. Erodi jindanna. Peress li għadu jrid joqtol lil Ġesù, joħroġ ordni biex jinqatlu s-​subien kollha taʼ Betlem u tal-​inħawi taʼ madwarha li għandhom sentejn jew inqas. Hu jikkalkula l-​età minn dak li sar jaf mill-​astrologi li kienu ġew mil-​Lvant.

Il-​qtil taʼ dawn is-​subien kollha hu xi ħaġa tal-​waħx! Ma nistgħux inkunu nafu kemm inqatlu subien, imma l-​biki taʼ mrar u t-​tinwiħ kbir tal-​ommijiet imnikktin iwettqu profezija Biblika li wassal Ġeremija, il-​profeta t’Alla.—Ġeremija 31:15.

Sadanittant, Ġużeppi u familtu laħqu ħarbu lejn l-​Eġittu u qed jgħixu hemmhekk. Imbagħad lejla minnhom l-​anġlu taʼ Ġeħova jerġaʼ jidher lil Ġużeppi f’ħolma. “Qum, ħu lit-​tifel u lil ommu,” jgħid l-​anġlu, “u itlaq lejn l-​art taʼ Israel, għax dawk li pprovaw jieħdu l-​ħajja tat-​tifel mietu.” (Mattew 2:20) Allura Ġużeppi issa jifhem li hu u familtu jistgħu jmorru lura pajjiżhom. B’dan il-​mod, titwettaq profezija Biblika oħra—Iben Alla jissejjaħ mill-​Eġittu.—Ħosea 11:1.

Milli jidher, Ġużeppi għandu l-​ħsieb li bħala familja jissetiljaw il-​Lhudija, forsi ħdejn il-​belt taʼ Betlem, fejn kienu qed joqogħdu qabel ma ħarbu lejn l-​Eġittu. Imma hu jsir jaf li issa Arkelaw, it-​tifel mill-​agħar t’Erodi, hu s-​sultan tal-​Lhudija. F’ħolma oħra, Alla jwissi lil Ġużeppi bil-​periklu. Allura Ġużeppi u l-​familja tiegħu jivvjaġġaw iktar lejn it-​Tramuntana u jissetiljaw fil-​belt taʼ Nazaret fit-​territorju tal-​Galilija, ’il bogħod minn Ġerusalemm, iċ-​ċentru tal-​ħajja reliġjuża Lhudija. Ġesù jikber f’din il-​komunità, u dan iwettaq profezija oħra: “Jissejjaħ Nazzarenu.”—Mattew 2:23.