Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

Jitwieled xi ħadd biex iħejji t-triq

Jitwieled xi ħadd biex iħejji t-triq

LUQA 1:57-​79

  • JITWIELED ĠWANNI L-​BATTISTA U JINGĦATA ISMU

  • ŻAKKARIJA JBASSAR L-​IRWOL LI ĠWANNI SE JKOLLU FIL-​FUTUR

Eliżabetta kważi waslet biex twelled. Il-​qariba tagħha Marija ilha tliet xhur toqgħod magħha. Issa wasal il-​waqt biex Marija ssellmilha u tagħmel il-​vjaġġ twil lura lejn pajjiżha Nazaret, lejn it-​Tramuntana tal-​għoljiet tal-​Lhudija. F’madwar sitt xhur, hi wkoll se jkollha iben, allura hemm xi sitt xhur bejn Ġwanni u Ġesù.

Ftit wara li titlaq Marija, Eliżabetta twelled. X’ferħ hemm peress li kollox mar b’wiċċ il-​ġid u Eliżabetta u t-​tarbija huma qawwijin u sħaħ! Meta Eliżabetta turi liċ-​ċkejken binha lill-​ġirien u l-​qraba tagħha, huma jifirħu magħha.

Il-​Liġi t’Alla lil Iżrael kienet tgħid li tifel kellu jiġi ċirkonċiż fit-​tmien jum wara li jitwieled, u f’dan il-​jum ukoll kien jingħata ismu. (Levitiku 12:2, 3) Xi wħud jaħsbu li t-​tifel taʼ Żakkarija għandu jissemma għalih. Madankollu, Eliżabetta tgħidilhom: “Le! Ismu jkun Ġwanni.” (Luqa 1:60) Ftakar li l-​anġlu Gabrijel qal li kellhom isemmu lil dan it-​tifel Ġwanni.

Il-​ġirien u l-​qraba jipprotestaw: “M’hemm ħadd fost qrabatek li għandu dan l-​isem.” (Luqa 1:61) Billi jużaw il-​ġesti, huma jistaqsu lil Żakkarija x’isem jixtieq jagħti lil ibnu. Żakkarija jitlobhom jagħtuh fuqiex jikteb u jniżżel bil-​miktub it-​tweġiba tiegħu: “Ismu hu Ġwanni.”—Luqa 1:63.

Dak il-​ħin stess, Żakkarija b’miraklu jerġaʼ jibda jitkellem. Forsi tiftakar li hu tilef l-​abbiltà li jitkellem meta m’emminx dak li qallu l-​anġlu—jiġifieri, li Eliżabetta kien se jkollha iben. Allura issa, meta Żakkarija jitkellem, il-​ġirien tiegħu jibqgħu mbellhin u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “X’għad ikun tassew dan it-​tifel?” (Luqa 1:66) Huma jifhmu li kien Alla li qalilhom biex isemmu lit-​tifel Ġwanni.

Imbagħad, mimli bl-​ispirtu qaddis, Żakkarija jiddikjara: “Ikun imbierek Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, għax dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​poplu tiegħu u ħelsu. U qajmilna qarn taʼ salvazzjoni [jew, “salvatur setgħan”] f’dar David il-​qaddej tiegħu.” (Luqa 1:68, 69, nota taʼ taħt) Meta semma l-​“qarn taʼ salvazzjoni,” hu kien qed jirreferi għall-​Mulej Ġesù, li kien għadu ma twilidx. Permezz taʼ dan il-​Wieħed, Żakkarija jgħid, “wara li nkunu ġejna meħlusin minn idejn l-​għedewwa,” Alla se jagħtina “l-​privileġġ li bla biżaʼ nagħtuh servizz sagru bil-​lealtà u s-​sewwa quddiemu l-​jiem kollha tagħna.”—Luqa 1:74, 75.

Rigward ibnu, Żakkarija jbassar: “Int, ċkejken, tissejjaħ profeta taʼ l-​Iktar Għoli, għax tmur quddiem Ġeħova minn qabel biex tlesti t-​toroq tiegħu, biex tgħarraf lill-​poplu tiegħu dwar is-​salvazzjoni permezz tal-​maħfra taʼ dnubiethom, minħabba l-​mogħdrija tenera t’Alla tagħna. B’din il-​mogħdrija se jżurna żerniq mill-​għoli, biex jagħti d-​dawl lil dawk li qegħdin fid-​dlam u f’dell il-​mewt, biex imexxi lil saqajna b’suċċess fil-​mogħdija tal-​paċi.” (Luqa 1:76-​79) Kemm hi inkuraġġanti din il-​profezija!

Sadanittant, Marija, li għadha ma żżewġitx, waslet lura d-​dar Nazaret. X’se jiġrilha meta kulħadd isir jaf li hi tqila?