KAPITLU 124
Kristu jiġi tradut u arrestat
MATTEW 26:47-56 MARKU 14:43-52 LUQA 22:47-53 ĠWANNI 18:2-12
-
ĠUDA JITTRADIXXI LIL ĠESÙ FIL-ĠNIEN
-
PIETRU JAQTAʼ L-WIDNA TAʼ WIEĦED RAĠEL
-
ĠESÙ JIĠI ARRESTAT
Issa qabeż sew nofsillejl. Il-qassisin qablu li lil Ġuda jħallsuh 30 biċċa tal-fidda biex jittradixxi lil Ġesù. Allura Ġuda jmexxi lil folla kbira taʼ qassisin ewlenin u Fariżej, li qed ifittxu lil Ġesù. Magħhom hemm grupp taʼ suldati Rumani bi kmandant militari.
Milli jidher, meta Ġesù qal lil Ġuda biex jitlaq waqt l-ikla tal-Qbiż, hu mar direttament għand il-qassisin ewlenin. (Ġwanni 13:27) Huma ġabru l-uffiċjali tagħhom stess kif ukoll ġemgħa taʼ suldati. Ġuda għandu mnejn l-ewwel ħadhom il-kamra fejn Ġesù u l-appostli tiegħu kienu ċċelebraw il-Qbiż. Imma issa l-marmalja qasmet il-Wied taʼ Kidron u miexja lejn il-ġnien. Minbarra l-armi, f’idejhom għandhom imsiebaħ u torċi, determinati li jsibu lil Ġesù.
Hekk kif Ġuda jmexxi l-ġemgħa fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, hu jħoss li jaf fiċ-ċert fejn se jsib lil Ġesù. Matul il-ġimgħa li għaddiet, meta Ġesù u l-appostli kienu jivvjaġġaw bejn Betanja u Ġerusalemm, spiss waqfu fil-ġnien tal-Ġetsemani. Imma issa hu billejl, u Ġesù forsi qiegħed fid-dell tas-siġar taż-żebbuġ fil-ġnien. Allura s-suldati, li għandhom mnejn qatt ma raw lil Ġesù, kif se jkunu jistgħu jidentifikawh? Biex jgħinhom, Ġuda se jagħtihom sinjal. Hu jgħid: “Lil dak li nbus, ikun hu; arrestawh u ħuduh mgħasses sew.”—Marku 14:44.
Ġuda jmexxi lill-folla fil-ġnien u xħin jara lil Ġesù mal-appostli tiegħu jmur dritt għal fuqu. “Is-sliem għalik, Rabbi!” jgħid Ġuda, u jbusu b’tenerezza kbira. Ġesù jgħidlu: “Sieħeb, għalfejn qiegħed hawnhekk?” (Mattew 26:49, 50) Ġesù jwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess u jgħid: “Ġuda, b’bewsa tittradih lil Bin il-bniedem?” (Luqa 22:48) Imma Ġesù m’għadux konċernat dwar dak li ttradieh.
Ġesù issa jersaq lejn id-dawl tat-torċi u l-imsiebaħ u jistaqsi: “Lil min qed tfittxu?” Dawk fil-marmalja jwiġbuh: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” Ġesù b’kuraġġ jgħid: “Jien hu.” (Ġwanni 18:4, 5) Peress li ma jafux kif se jirreaġixxi Ġesù, l-irġiel jersqu lura u jaqgħu mal-art.
Minflok ma jaħtaf din l-opportunità biex jaħrab fid-dlam, Ġesù jerġaʼ jistaqsihom lil min qed ifittxu. Meta jerġgħu jgħidu, “lil Ġesù n-Nazzarenu,” hu bil-kalma jgħidilhom: “Għedtilkom jien hu. Għaldaqstant, jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn.” Anki f’dan il-mument kruċjali, Ġesù jiftakar dak li qal iktar kmieni, li ma kien se jitlef lil ħadd minnhom. (Ġwanni 6:39; 17:12) Ġesù ħarishom lill-appostli leali tiegħu u ħadd minnhom ma ntilef “ħlief bin il-qerda”—Ġuda. (Ġwanni 18:7-9) Għalhekk, issa jistaqsi biex lis-segwaċi leali tiegħu jitħallew jitilqu.
Hekk kif is-suldati jqumu bilwieqfa u jersqu lejn Ġesù, l-appostli jindunaw x’qed jiġri. Huma jistaqsu: “Mulej, nagħtu bis-sejf?” (Luqa 22:49) Qabel ma Ġesù jilħaq iwiġibhom, Pietru jislet wieħed miż-żewġt isjuf li l-appostli ġabu magħhom. Hu jattakka lil Malku, ilsir tal-qassis il-kbir, billi jaqtagħlu widintu l-leminija.
Ġesù jmiss il-widna taʼ Malku u jfejjaq il-ferita. Imbagħad jgħallem lezzjoni importanti billi jikkmanda lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” Ġesù hu lest li jiġi arrestat, għax jispjega: “Kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” (Mattew 26:52, 54) Hu jżid jgħid: “M’għandix jien nixrob il-kies li tani l-Missier?” (Ġwanni 18:11) Ġesù jaqbel mar-rieda t’Alla għalih, saħansitra sal-punt li jitlef ħajtu.
Ġesù jistaqsi lill-folla: “Ħriġtu bis-sjuf u l-bsaten qisu kontra xi ħalliel biex tarrestawni? Kuljum kont inkun bil-qiegħda fit-tempju ngħallem, Mattew 26:55, 56.
iżda m’arrestajtunix. Imma dan kollu seħħ biex jitwettaq dak li kitbu l-profeti.”—Is-suldati, il-kmandant militari, u l-uffiċjali tal-Lhud jaħtfu lil Ġesù u jorbtuh. Meta jaraw dan, l-appostli jaħarbu. Madankollu, “wieħed żagħżugħ”—forsi d-dixxiplu Marku—jibqaʼ qalb il-folla biex ikun jistaʼ jsegwi lil Ġesù. (Marku 14:51) Xi wħud fil-folla jagħrfuh lil dan iż-żagħżugħ, u għalhekk jipprovaw jaqbduh taħt idejhom. Minħabba f’hekk, hu jaħrab u jħalli warajh il-libsa tal-għażel fin tiegħu.