Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 118

Argument dwar min hu l-akbar

Argument dwar min hu l-akbar

MATTEW 26:31-​35 MARKU 14:27-​31 LUQA 22:24-​38 ĠWANNI 13:31-​38

  • ĠESÙ JAGĦTI PARIR DWAR KIF GĦANDHOM IQISU L-​POŻIZZJONI

  • JIĠI MBASSAR LI PIETRU SE JIĊĦAD LIL ĠESÙ

  • IS-​SEGWAĊI TAʼ ĠESÙ JINTGĦARFU MILL-​IMĦABBA TAGĦHOM

Matul l-​aħħar lejla mal-​appostli tiegħu, Ġesù tahom lezzjoni mill-​aħjar fl-​umiltà billi ħaslilhom saqajhom. Dan għala hu xieraq? Minħabba dgħufija li għandhom. Huma leali lejn Alla, imma xorta huma konċernati dwar min hu l-​akbar fosthom. (Marku 9:33, 34; 10:35-​37) Illejla, din id-​dgħufija terġaʼ titfaċċa.

Fost l-​appostli jqum ‘argument sħun dwar min minnhom jidher li hu l-​akbar.’ (Luqa 22:24) Min jaf kemm Ġesù jiddispjaċih meta jerġaʼ jarahom jillitikaw bejniethom! X’jagħmel?

Minflok ma jċanfar lill-​appostli minħabba l-​attitudni u l-​imġiba tagħhom, bil-​paċenzja Ġesù jirraġuna magħhom billi jgħid: “Is-​slaten tal-​ġnus jiddominawhom, u dawk li għandhom l-​awtorità fuqhom jissejħu Benefatturi. Imma intom m’għandkomx tkunu hekk. . . . Għax min hu akbar, dak li jkun mal-​mejda jew dak li jaqdi?” Ġesù kemm-​il darba wriehom bl-​eżempju tiegħu kif għandhom iġibu ruħhom, u issa jfakkarhom f’dan billi jgħid: “Imma jien ninsab f’nofskom bħala dak li jaqdi.”—Luqa 22:25-​27.

Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom, l-​appostli ma telqux lil Ġesù, anki meta ħabbtu wiċċhom maʼ ħafna sitwazzjonijiet diffiċli. Allura jgħidilhom: “Nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi.” (Luqa 22:29) Dawn l-​irġiel huma segwaċi leali taʼ Ġesù. Hu jaċċertahom li permezz taʼ patt bejnu u bejnhom, huma se jidħlu fis-​Saltna u se jaħkmu miegħu.

Għalkemm l-​appostli għandhom dan il-​prospett meraviljuż, huma xorta għadhom bnedmin imperfetti. Ġesù jgħidilhom: “Satana riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ,” li jitferrex meta jiġi mgħarbel. (Luqa 22:31) Hu jwissihom ukoll: “Ilkoll kemm intom titfixklu minħabba dak li se ngħaddi minnu dan il-​lejl, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-​ragħaj, u n-​nagħaġ tal-​merħla jitferrxu.’”—Mattew 26:31; Żakkarija 13:7.

Pietru bil-​kunfidenza kollha joġġezzjona u jgħid: “Għalkemm l-​oħrajn kollha jitfixklu minħabba dak li se tgħaddi minnu, jien m’iniex se nitfixkel!” (Mattew 26:33) Ġesù jgħid lil Pietru li qabel ma s-​serduq jidden darbtejn dak il-​lejl, Pietru se jiċħdu. Madankollu, Ġesù jżid jgħid: “Jien tlabt bil-​ħerqa għalik biex il-​fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Luqa 22:32) Iżda Pietru b’wiċċu minn quddiem jerġaʼ jgħid: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” (Mattew 26:35) L-​appostli l-​oħra jgħidu l-​istess ħaġa.

Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Qiegħed magħkom ftit ieħor. Tfittxuni; u bħalma għedt lil-​Lhud, ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu,’ l-​istess ngħid lilkom fil-​preżent.” Imbagħad iżid jgħid: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:33-​35.

Hekk kif jismaʼ lil Ġesù jgħid li ftit ieħor biss se jkun magħhom, Pietru jistaqsi: “Mulej, fejn sejjer?” Ġesù jwieġeb: “Fejn sejjer jien int ma tistax tiġi warajja issa, imma tiġi warajja iktar tard.” Imħawwad, Pietru jgħid: “Mulej, għala ma nistax niġi warajk fil-​preżent? Jien nagħti ruħi għalik.”—Ġwanni 13:36, 37.

Ġesù issa jirreferi għaż-​żmien meta bagħat lill-​appostli jippritkaw madwar il-​Galilija mingħajr borża tal-​flus jew ħorġa tal-​ikel. (Mattew 10:5, 9, 10) Hu jistaqsi: “Naqsitkom xi ħaġa?” Huma jwiġbuh: “Le!” Imma x’għandhom jagħmlu fil-​jiem li ġejjin? Ġesù jgħidilhom: “Min għandu borża tal-​flus ħa jiħodha miegħu, u l-​istess il-​ħorġa taʼ l-​ikel; u min m’għandux sejf ħa jbigħ il-​mantar tiegħu u jixtri wieħed. Għax ngħidilkom li dak li hu miktub irid jitwettaq fija, jiġifieri, ‘U kien magħdud mal-​kriminali.’ Għax dak li jikkonċerna lili qed jitwettaq.”—Luqa 22:35-​37.

Ġesù qed jirreferi għaż-​żmien meta se jiġi msammar maʼ zokk maġenb nies mill-​agħar, jew kriminali. Wara dan, is-​segwaċi tiegħu se jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa. Huma jħossu li huma preparati għal dan u jgħidu: “Mulej, ara! Hawn żewġt isjuf.” Hu jgħidilhom: “Biżżejjed.” (Luqa 22:38) Il-​fatt li għandhom żewġt isjuf magħhom dalwaqt se jagħti lil Ġesù opportunità biex jgħallem lezzjoni importanti oħra.