KAPITLU 107
Sultan jibgħat għal dawk mistidnin għal festa tat-tieġ
-
IT-TIXBIHA TAL-FESTA TAT-TIEĠ
Hekk kif il-ministeru taʼ Ġesù joqrob lejn tmiemu, hu jkompli juża tixbihat biex jikxef il-ħażen tal-iskribi u l-qassisin ewlenin. Għalhekk, huma jridu joqtluh. (Luqa 20:19) Imma Ġesù għad baqagħlu x’jikxfilhom. Hu jirrakkonta tixbiha oħra:
“Is-saltna tas-smewwiet saret bħal wieħed sultan li għamel festa tat-tieġ għal ibnu. U bagħat lill-ilsiera tiegħu għal dawk li kienu mistidnin għall-festa tat-tieġ, imma dawn ma ridux jiġu.” (Mattew 22:2, 3) Ġesù jintroduċi t-tixbiha tiegħu billi jsemmi “s-saltna tas-smewwiet.” Allura, b’mod loġiku, is-“sultan” bilfors li hu Alla Ġeħova. Xi ngħidu għal iben is-sultan u dawk mistidnin għall-festa tat-tieġ? Għal darb’oħra, mhux diffiċli biex nidentifikaw lil iben is-sultan bħala Iben Ġeħova, li qiegħed hemmhekk jirrakkonta t-tixbiha, u biex nifhmu li dawk mistidnin huma l-uħud li se jkunu mal-Iben fis-Saltna tas-smewwiet.
Min huma l-ewwel uħud li jiġu mistidnin? Dawk li Ġesù u l-appostli qed jippritkawlhom dwar is-Saltna, jiġifieri l-Lhud. (Mattew 10:6, 7; 15:24) Dan il-ġens aċċetta l-patt tal-Liġi fis-sena 1513 QK, u għalhekk huma kienu l-ewwel uħud li kellhom jifformaw “saltna taʼ qassisin.” (Eżodu 19:5-8) Imma meta kienu se jissejħu biex jattendu “l-festa tat-tieġ”? Din l-istedina ħarġet fis-sena 29 WK meta Ġesù beda jipprietka dwar is-Saltna tas-smewwiet.
U l-biċċa l-kbira tal-Iżraelin kif laqgħu l-istedina? Kif qal Ġesù, “ma ridux jiġu.” Il-maġġuranza tal-mexxejja reliġjużi u tan-nies m’aċċettawhx bħala l-Messija u bħala s-Sultan magħżul t’Alla.
Iżda Ġesù jindika li l-Lhud se jingħataw opportunità oħra: “Jerġaʼ [s-sultan] bagħat ilsiera oħrajn u qalilhom, ‘Għidu lill-mistidnin: “Ara! Jien ħejjejt il-pranzu tiegħi, il-barrin u l-bhejjem imsemmnin diġà maqtulin, u kollox għandi lest. Ejjew għall-festa tat-tieġ.”’ Imma ma tawx kas, Mattew 22:4-6) Dan jaqbel maʼ dak li ġara meta ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana. Dak iż-żmien, il-Lhud kien għad għandhom l-opportunità li jkunu fis-Saltna, imma l-biċċa l-kbira ma laqgħux din l-istedina, saħansitra ttrattaw ħażin lill-‘ilsiera tas-sultan.’—Atti 4:13-18; 7:54, 58.
u kien hemm min telaq lejn l-għalqa tiegħu, u min lejn in-negozju tiegħu; imma l-oħrajn qabdu lill-ilsiera, insultawhom u qatluhom.” (Il-ġens kif kien se jispiċċa? Ġesù jgħid: “Is-sultan imtela bil-korla, u bagħat l-armati tiegħu u qered lil dawk il-qattilin u ħarqilhom il-belt tagħhom.” (Mattew 22:7) Il-Lhud ġarrbu dan fis-sena 70 WK meta r-Rumani qerdu “l-belt tagħhom,” Ġerusalemm.
Peress li dawn irrifjutaw l-istedina tas-sultan, ifisser li ħadd iktar ma kien se jingħata l-istedina? Ġesù ma jgħidx hekk fit-tixbiha tiegħu. Hu jkompli jgħid: “Imbagħad [is-sultan] qal lill-ilsiera tiegħu, ‘Tabilħaqq, kollox lest għall-festa tat-tieġ, imma l-mistidnin ma kienx jistħoqqilhom. Għalhekk, morru fit-toroq li jagħtu għall-belt, u lil kulmin issibu stidnuh għall-festa tat-tieġ.’ Għaldaqstant, dawn l-ilsiera ħarġu fit-toroq u ġabru lil kulmin sabu, ħżiena u tajbin; u s-sala tat-tieġ imtliet bin-nies imdawrin mal-mejda.”—Mattew 22:8-10.
Taʼ interess, l-appostlu Pietru iktar tard kien se jibda jgħin lill-Ġentili—uħud li ma kinux Lhud mit-twelid jew li ma kinux ikkonvertew—isiru Kristjani veri. Fis-sena 36 WK, Kornelju, uffiċjal fl-armata Rumana, u familtu rċivew l-ispirtu t’Alla, u b’hekk kellhom l-opportunità li jidħlu fis-Saltna tas-smewwiet li semma Ġesù.—Atti 10:1, 34-48.
Ġesù jindika li fl-aħħar mill-aħħar mhux dawk kollha li jattendu l-festa se jkunu aċċettati mis-“sultan.” Hu jgħid: “Meta daħal jara l-mistidnin, is-sultan lemaħ fosthom raġel li ma kienx liebes libsa tat-tieġ. Għalhekk qallu, ‘Sieħbi, int kif dħalt hawnhekk mingħajr il-libsa tat-tieġ?’ U dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Orbtulu idejh u saqajh u itfgħuh barra fid-dlam. Hemmhekk se jibki u jgħażżaż snienu.’ Għax ħafna huma mistidnin, imma ftit magħżulin.”—Mattew 22:11-14.
Il-mexxejja reliġjużi li qed jisimgħu lil Ġesù forsi ma jifhmux it-tifsir taʼ dak kollu li qed jgħid jew x’se jfisser għalihom. Minkejja dan, huma rritati u determinati iktar minn qabel biex jeħilsu minn dak li qed iġegħelhom jistħu.