Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 130

Ġesù jingħata f’idejn is-suldati biex joqtluh

Ġesù jingħata f’idejn is-suldati biex joqtluh

MATTEW 27:31, 32 MARKU 15:20, 21 LUQA 23:24-​31 ĠWANNI 19:6-​17

  • PILATU JIPPROVA JEĦLES LIL ĠESÙ

  • ĠESÙ JIĠI KUNDANNAT GĦALL-​MEWT

Minkejja li Ġesù ġie trattat b’mod vjolenti u mwaqqaʼ għaċ-​ċajt, l-​isforzi taʼ Pilatu biex jeħilsu ma jqanqlux lill-​qassisin ewlenin u lil dawk kompliċi magħhom biex juru l-​ħniena. Huma ma jridu lil ħadd u xejn iwaqqaf l-​iskop tagħhom li Ġesù jiġi kundannat għall-​mewt. Huma jibqgħu jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” Pilatu jwieġeb: “Ħuduh u sammruh intom maʼ zokk, għax jien ma nsib ebda ħtija fih.”—Ġwanni 19:6.

Il-​Lhud ma jikkonvinċux lil Pilatu li Ġesù ħaqqu l-​mewt fuq akkuża politika, imma xi ngħidu jekk jakkużawh fuq ħaġa reliġjuża? Huma jerġgħu jqajmu l-​akkuża li ssemmiet fil-​ġuri taʼ Ġesù quddiem is-​Sinedriju, jiġifieri li qed jidgħi. “Aħna għandna liġi,” jgħidu huma, “u skond il-​liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu bin Alla.” (Ġwanni 19:7) Din hi akkuża ġdida għal Pilatu.

Hu jerġaʼ jidħol fil-​palazz tiegħu u jipprova jsib mod kif jeħles lil dan ir-​raġel li ssaporta trattament aħrax u li dwaru l-​mara taʼ Pilatu kellha ħolma. (Mattew 27:19) Xi ngħidu għal din l-​akkuża ġdida li qajmu l-​Lhud—li l-​priġunier hu “bin Alla”? Pilatu jaf li Ġesù hu mill-​Galilija. (Luqa 23:5-​7) Imma hu jistaqsi lil Ġesù: “Minfejn int?” (Ġwanni 19:9) Jistaʼ jkun li Pilatu qed jaħseb jekk Ġesù għexx qabel u jekk, f’ċertu sens, joriġinax minn Alla?

Pilatu kien semaʼ mingħand Ġesù stess li hu sultan imma li s-​Saltna tiegħu mhijiex parti minn din id-​dinja. Peress li m’għandux għalfejn iżid maʼ dak li diġà qal, Ġesù jibqaʼ sieket. Pilatu jħossu offiż meta Ġesù jirrifjuta li jwieġeb, u b’disprezz jgħidlu: “M’intix se tkellimni? Ma tafx li għandi l-​awtorità li neħilsek u l-​awtorità li nsammrek maʼ zokk?”—Ġwanni 19:10.

Ġesù sempliċement jgħid: “Ma kien ikollok l-​ebda awtorità fuqi kieku ma ngħatatlekx minn fuq. Huwa għalhekk li min tani f’idejk għandu dnub akbar.” (Ġwanni 19:11) Ġesù x’aktarx li m’għandux f’moħħu individwu speċifiku. Minflok, hu jrid ifisser li Kajfa, dawk kompliċi miegħu, u Ġuda l-​Iskarjota huma ħatjin iktar milli hu Pilatu.

Impressjonat bil-​kondotta u l-​kliem taʼ Ġesù, u billi qed jibżaʼ dejjem iktar li Ġesù forsi joriġina minn Alla, Pilatu jerġaʼ jipprova jeħilsu. Madankollu, il-​Lhud isemmu xi ħaġa oħra li żgur tinkwetah lil Pilatu. Huma jhedduh: “Jekk teħles lil dan ir-​raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari. Kulmin jagħmel lilu nnifsu sultan jitkellem kontra Ċesari.”—Ġwanni 19:12.

Il-​gvernatur jerġaʼ joħroġ lil Ġesù barra, joqgħod fuq it-​tron tal-​ġudizzju, u jgħid lin-​nies: “Ara! Is-​sultan tagħkom!” Iżda l-​Lhud mhux biħsiebhom iċedu. Huma jgħajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!” Pilatu bil-​ħniena jistaqsihom: “Insammar maʼ zokk lis-​sultan tagħkom?” Il-​Lhud ilhom imxebbgħin bil-​ħakma Rumana; xorta waħda, il-​qassisin ewlenin b’mod sfaċċat jgħidu: “M’għandna l-​ebda sultan ħlief lil Ċesari.”—Ġwanni 19:14, 15.

Pilatu juri li hu beżżiegħ billi jċedi għat-​talba persistenti tal-​Lhud u lil Ġesù jagħtih f’idejn is-​suldati biex joqtluh. Dawn ineħħulu l-​mantar lewn l-​iskarlat u jlibbsulu ħwejġu. Hekk kif jieħdu lil Ġesù biex joqtluh, ikollu jġorr iz-​zokk tat-​tortura tiegħu stess.

Issa qed joqrob nofsinhar tal-​Ġimgħa, l-​14 taʼ Nisan. Ġesù ilu mqajjem minn kmieni l-​Ħamis filgħodu u għadda minn esperjenza agonizzanti waħda wara l-​oħra. Hekk kif ibati bit-​toqol taz-​zokk, Ġesù ma jiflaħx iġorru iktar. Allura s-​suldati jqabbdu lil wieħed li għaddej minn hemmhekk, Xmun minn Ċirene, l-​Afrika, biex iġorrlu z-​zokk sal-​post fejn se joqtluh. Ħafna nies qed isegwuhom, xi wħud qed iħabbtu fuq sidirhom bin-​niket u qed jibku minħabba dak li qed jiġri.

Ġesù jgħid lin-​nisa li qed jibku: “Ulied Ġerusalemm, tibqgħux tibkuni. Għall-​kuntrarju, ibku lilkom u lil uliedkom; għax, ara! Jiġu jiem meta n-​nies jgħidu, ‘Henjin in-​nisa li ma setax ikollhom tfal, u l-​ġwief li ma wildux u l-​isdra li ma reddgħux!’ Imbagħad jibdew jgħidu lill-​muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’ u lill-​għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk jagħmlu dan meta s-​siġra tkun ħadra, x’jiġri meta tinxef?”—Luqa 23:28-​31.

Ġesù qed jirreferi għall-​ġens Lhudi. Hu bħal siġra li qed tmut imma li għadha xi ftit ħadra, għax Ġesù għadu hemmhekk kif ukoll għad hemm xi Lhud li jemmnu fih. Meta Alla joħroġ lil dawn mill-​ġens, se jibqaʼ biss ġens niexef spiritwalment, li se jkun bħal siġra mejta. Se jkun hemm biki u lfiq meta l-​armati Rumani jwettqu r-​rieda t’Alla u jeqirdu lil dan il-​ġens!