Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 104

Il-Lhud jisimgħu l-leħen t’Alla—Se juru li għandhom fidi?

Il-Lhud jisimgħu l-leħen t’Alla—Se juru li għandhom fidi?

ĠWANNI 12:28-50

  • ĦAFNA JISIMGĦU L-​LEĦEN T’ALLA

  • IL-​BAŻI LI FUQHA SE JSIR ĠUDIZZJU

Huwa t-​Tnejn, 10 taʼ Nisan, u Ġesù qiegħed fit-​tempju jitkellem dwar il-​mewta tiegħu li hi riesqa. Peress li hu konċernat dwar kif ir-​reputazzjoni t’Alla se tiġi effettwata, Ġesù jgħid: “Missier, igglorifika lil ismek.” Imbagħad, leħen qawwi mis-​sema jgħid: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.”—Ġwanni 12:27, 28.

In-​nies li hemm fil-​viċin iħossuhom imħawdin. Xi wħud jaħsbu li semgħu r-​ragħad. Oħrajn jgħidu: “Kellmu xi anġlu.” (Ġwanni 12:29) Madankollu, dak li għadu kemm tkellem hu Ġeħova! U din mhijiex l-​ewwel darba li l-​bnedmin semgħu l-​leħen t’Alla f’konnessjoni maʼ Ġesù.

Tliet snin u nofs qabel, fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Ġwanni l-​Battista semaʼ lil Alla jgħid hekk dwar Ġesù: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” Iktar tard, wara l-​Qbiż tas-​sena 32 WK, Ġesù tbiddel, jew ġie trasfigurat, quddiem Ġakbu, Ġwanni, u Pietru. Dawn it-​tlett irġiel semgħu lil Alla jiddikjara: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.” (Mattew 3:17; 17:5) Imma issa, f’din it-​tielet darba, Ġeħova qed jitkellem b’tali mod li ħafna jistgħu jisimgħuh!

Ġesù jgħid: “Dan il-​leħen ma nstemax minħabba fija, imma minħabba fikom.” (Ġwanni 12:30) Dan jagħti prova li hu verament l-​Iben t’Alla, il-​Messija mbassar.

Barra minn hekk, il-​ħajja leali taʼ Ġesù sservi bħala eżempju taʼ kif għandhom jgħixu l-​bnedmin u wkoll tikkonferma li Satana x-​Xitan, il-​ħakkiem tad-​dinja, ħaqqu jinqered. Ġesù jgħid: “Issa din id-​dinja qed tiġi ġudikata; issa l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja se jitkeċċa ’l barra.” Minkejja li Ġesù dalwaqt se jmut, il-​mewta tiegħu mhijiex se tkun telfa imma rebħa. B’liema mod? Hu jispjega: “Meta nitgħolla ’l fuq mill-​art, niġbed lejja lil kull xorta taʼ bnedmin.” (Ġwanni 12:31, 32) Permezz taʼ mewtu fuq zokk, Ġesù se jiġbed lil oħrajn lejh, u b’hekk jiftaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem.

Bħala tweġiba għal dak li Ġesù qal dwar li ‘jitgħolla ’l fuq,’ il-​folla tgħid: “Mil-​Liġi smajna li l-​Kristu jibqaʼ għal dejjem; kif qed tgħid li Bin il-​bniedem irid jitgħolla ’l fuq? Min hu dan Bin il-​bniedem?” (Ġwanni 12:34) Minkejja l-​evidenza kollha, inkluż il-​fatt li semgħu l-​leħen t’Alla nnifsu, il-​biċċa l-​kbira minnhom ma jaċċettawx li Ġesù hu verament Bin il-​bniedem, il-​Messija mwiegħed.

Kif ġieli għamel fil-​passat, Ġesù jirreferi għalih innifsu bħala “d-​dawl.” (Ġwanni 8:12; 9:5) Hu jħeġġeġ lill-​folla: “Id-​dawl se jkun fostkom ftit ieħor. Imxu waqt li għandkom id-​dawl, biex id-​dlam ma jegħlibkomx . . . Waqt li għandkom id-​dawl, eżerċitaw il-​fidi fid-​dawl sabiex issiru wlied id-​dawl.” (Ġwanni 12:35, 36) Imbagħad Ġesù jitlaq minn hemmhekk, għax l-​10 taʼ Nisan mhuwiex il-​jum li fih għandu jmut. Il-​Qbiż tal-​14 taʼ Nisan hu l-​jum li fih se ‘jitgħolla ’l fuq’—jiġifieri jiġi msammar maʼ zokk.—Galatin 3:13.

Hekk kif inħarsu lura lejn il-​ministeru taʼ Ġesù, jidher ċar li meta l-​Lhud ma poġġewx fidi fih kienu qed iwettqu profezija. Isaija kien bassar li l-​għajnejn tan-​nies kienu se jkunu għomja u li qalbhom kienet se tkun iebsa, u b’hekk ma kinux se jduru lura biex jiġu mfejqin. (Isaija 6:10; Ġwanni 12:40) Iva, il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud b’ras iebsa jirrifjutaw l-​evidenza li Ġesù hu l-​Ħellies imwiegħed tagħhom, it-​triq tal-​ħajja.

Nikodemu, Ġużeppi tal-​Arimatija, u ħafna ħakkiema oħrajn “poġġew il-​fidi” f’Ġesù. Imma se jaġixxu fi qbil mal-​fidi tagħhom, jew se jżommu lura, forsi għax jibżgħu li jitkeċċew mis-​sinagoga jew għax “iħobbu l-​glorja tal-​bnedmin”?—Ġwanni 12:42, 43.

Ġesù nnifsu jispjega x’jinvolvi li wieħed ipoġġi l-​fidi fih: “Min ipoġġi l-​fidi fija ma jpoġġix il-​fidi fija biss, imma wkoll f’dak li bagħatni; u min jara lili jara wkoll lil dak li bagħatni.” Il-​veritajiet li Alla qal lil Ġesù biex jgħallem u li Ġesù jkompli jħabbar huma vitali, tant li hu jistaʼ jgħid: “Min ma jagħtix kasi u ma jilqax kliemi hemm wieħed li jiġġudikah. Tkun il-​kelma li għedt jien li tiġġudikah fl-​aħħar jum.”—Ġwanni 12:44, 45, 48.

Ġesù mbagħad jikkonkludi: “Ma tkellimtx minn jeddi, imma l-​Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem. Ukoll, jien naf li l-​kmand tiegħu jfisser ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 12:49, 50) Ġesù jaf li dalwaqt se jxerred demmu stess bħala sagrifiċċju għall-​bnedmin li jeżerċitaw il-​fidi fih.—Rumani 5:8, 9.