KAPITLU 123
Jitlob waqt li hu mnikket ferm
MATTEW 26:30, 36-46 MARKU 14:26, 32-42 LUQA 22:39-46 ĠWANNI 18:1
-
ĠESÙ FIL-ĠNIEN TAL-ĠETSEMANI
-
L-GĦARAQ TIEGĦU HU BĦAL QTAR TAD-DEMM
Ġesù jieqaf jitlob mal-appostli leali tiegħu. Imbagħad, ‘wara li jkantaw għanjiet taʼ tifħir, joħorġu lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.’ (Marku 14:26) Huma jmorru lejn ġnien fil-Lvant jismu Ġetsemani, fejn Ġesù mdorri jmur.
Xħin jaslu f’dan il-post sabiħ qalb is-siġar taż-żebbuġ, Ġesù jħalli tmienja mill-appostli warajh. Forsi jibqgħu ħdejn id-daħla tal-ġnien, għax hu jgħidilhom: “Oqogħdu bil-qiegħda hawn sakemm jien immur hemmhekk biex nitlob.” Ġesù jieħu miegħu tliet appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—u jidħol iktar ’il ġewwa fil-ġnien. Hu jinsab inkwetat għall-aħħar u jgħid lil dawn it-tlieta: “Ruħi mnikkta ferm, għall-mewt. Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa miegħi.”—Mattew 26:36-38.
Ġesù jitbiegħed xi ftit minnhom, ‘jinxteħet fl-art, u jibda jitlob.’ Dwar xiex qed jitlob lil Alla f’dan il-mument diffiċli? Hu jgħid: “Missier, kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.” (Marku 14:35, 36) Xi jrid ifisser b’dan il-kliem? Qiegħed hu jipprova jaħrab mill-irwol tiegħu bħala l-Feddej? Lanqas xejn!
Ġesù mis-sema ra t-tbatija kbira li għaddew minnha wħud oħra li nqatlu mir-Rumani. Issa bħala bniedem, li għandu sentimenti teneri u li jistaʼ jħoss l-uġigħ, Ġesù mhuwiex qed iħares ’il quddiem għal dak li hemm jistennieh. Iżda, iktar minn hekk, hu qiegħed f’agunija għax iħoss li peress li se jmut bħala kriminal mill-agħar, dan jistaʼ jġib tmaqdir fuq isem Missieru. Fi ftit sigħat, se jiġi msammar maʼ zokk bħallikieku hu xi midgħi kontra Alla.
Wara li jitlob fit-tul, Ġesù jmur ħdejn it-tliet appostli u jsibhom reqdin. Hu jgħid lil Pietru: “Ma stajtux tgħassu siegħa waħda miegħi? Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.” Ġesù jifhem li anki l-appostli qed iħossu ansjetà kbira, u li issa sar il-ħin. Għalhekk, hu jżid jgħid: “Naturalment, l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”—Mattew 26:40, 41.
Imbagħad Ġesù jerġaʼ jitlaq waħdu u jitlob lil Alla biex dan “il-kies” jitwarrab minnu. Xħin imur lura, hu jerġaʼ jsib it-tliet appostli reqdin, meta suppost kienu qed jitolbu biex ma jidħlux fit-tentazzjoni. Meta Ġesù jkellimhom, huma ma ‘jafux x’se jwiġbuh.’ (Marku 14:40) Ġesù jitlaq għat-tielet darba, u jinżel għarkopptejh biex jitlob.
Ġesù hu inkwetat għall-aħħar dwar it-tmaqdir li l-mewta tiegħu bħala kriminal se ġġib fuq isem Missieru. Però, Ġeħova qed jismaʼ t-talb taʼ Ibnu u ħin minnhom Alla jibgħat anġlu biex isaħħu. Minkejja dan, Ġesù ma jiqafx jitlob lil Missieru bil-ħrara, imma jibqaʼ “jitlob iktar bil-ħeġġa.” L-istress emozzjonali hu kbir immens. X’piż qed iġorr Ġesù fuq spallejh! Fin-nofs hemm il-ħajja eterna tiegħu u dik tal-bnedmin Luqa 22:44.
li jemmnu f’Alla. Infatti, ‘l-għaraq tiegħu jibda nieżel fl-art bħal qtar tad-demm.’—Meta Ġesù jerġaʼ jmur it-tielet darba ħdejn l-appostli tiegħu, hu għal darb’oħra jsibhom reqdin. “F’mument bħal dan,” jgħid hu, “qed torqdu u tieħdu l-mistrieħ tagħkom! Ara! Qorbot is-siegħa biex Bin il-bniedem jiġi tradut u jingħata f’idejn il-midinbin. Qumu, ejja mmorru. Ara! It-traditur tiegħi qorob.”—Mattew 26:45, 46.