Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 137

Mijiet jarawh qabel Pentekoste

Mijiet jarawh qabel Pentekoste

MATTEW 28:16-​20 LUQA 24:50-​52 ATTI 1:1-​12; 2:1-​4

  • ĠESÙ JIDHER LIL ĦAFNA

  • JITLAʼ S-​SEMA

  • ĠESÙ JFERRAʼ L-​ISPIRTU QADDIS FUQ MADWAR 120 DIXXIPLU

Wara li Ġesù jiġi rxoxtat, hu jiftiehem biex jiltaqaʼ mal-​11-​il appostlu tiegħu ħdejn muntanja fil-​Galilija. Hemm ukoll dixxipli oħrajn, madwar 500 ruħ, u xi wħud minnhom għall-​ewwel jiddubitaw jekk hux verament Ġesù. (Mattew 28:17; 1 Korintin 15:6) Imma dak li Ġesù jgħid jikkonvinċi lil kull wieħed minnhom li hu tassew ħaj.

Ġesù jispjega li Alla tah kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art. “Għalhekk,” iħeġġiġhom Ġesù, “morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:18-​20) Iva, Ġesù mhux talli hu ħaj imma talli għadu jrid li l-​aħbar tajba tiġi pritkata.

Is-​segwaċi kollha taʼ Ġesù—irġiel, nisa, u tfal—jingħataw l-​istess inkarigu biex jagħmlu dixxipli. Xi opponenti għandhom mnejn jipprovaw iwaqqfu l-​ippritkar u t-​tagħlim tagħhom, imma Ġesù jaċċertahom: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” Dan xi jfisser għas-​segwaċi tiegħu? Hu jgħidilhom: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” Ġesù ma jgħidx li dawk kollha li jieħdu sehem fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba se jkunu jistgħu jagħmlu l-​mirakli. Xorta waħda, huma se jkollhom l-​appoġġ tal-​ispirtu qaddis.

B’kollox, Ġesù jidher lid-​dixxipli tiegħu “matul erbgħin jum” wara l-​irxoxt tiegħu. Hu juża diversi iġsma umani u permezz taʼ ħafna provi konvinċenti jurihom li hu ħaj, filwaqt li jgħallimhom “dwar is-​saltna t’Alla.”—Atti 1:3; 1 Korintin 15:7.

Milli jidher waqt li l-​appostli għadhom il-​Galilija, Ġesù jgħidilhom biex imorru lura Ġerusalemm. Meta jiltaqaʼ magħhom fil-​belt, hu jgħidilhom: “Titilqux minn Ġerusalemm, imma ibqgħu stennew dak li wiegħed il-​Missier u li smajtu dwaru mingħandi; għax, tabilħaqq, Ġwanni għammed bl-​ilma, imma intom titgħammdu bl-​ispirtu qaddis fi ftit jiem oħra.”—Atti 1:4, 5.

Iktar tard Ġesù jerġaʼ jiltaqaʼ mal-​appostli tiegħu. Hu joħroġhom “sa ħdejn Betanja,” li qiegħda fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Muntanja taż-​Żebbuġ. (Luqa 24:50) Minkejja dak kollu li Ġesù qalilhom dwar it-​tluq tiegħu, huma xorta jemmnu li b’xi mod jew ieħor Saltnatu se tkun fuq l-​art.—Luqa 22:16, 18, 30; Ġwanni 14:2, 3.

L-​appostli jistaqsu lil Ġesù: “Mulej, f’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna taʼ Israel?” Hu sempliċement iwiġibhom: “Mhux għalikom li tkunu tafu ż-​żminijiet jew l-​istaġuni li l-​Missier biss għandu l-​awtorità fuqhom.” Imbagħad, billi jerġaʼ jenfasizza x-​xogħol li għandhom jagħmlu, hu jgħid: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”—Atti 1:6-​8.

L-​appostli qegħdin fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ maʼ Ġesù rxoxtat meta jibda tielaʼ lejn is-​sema. Sħaba ma ddumx ma tgħattih u allura ma jkunux jistgħu jarawh. Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù kien juża iġsma umani. Imma issa Ġesù jħalli warajh il-​ġisem uman li kien qed juża, u jitlaʼ s-​sema bħala spirtu. (1 Korintin 15:44, 50; 1 Pietru 3:18) Hekk kif l-​appostli leali qed iħarsu fiss lejh, “żewġt irġiel lebsin l-​abjad” jidhru ħdejhom. Dawn huma anġli b’iġsma umani, li jistaqsu: “Irġiel tal-​Galilija, għala qegħdin weqfin tħarsu lejn is-​sema? Dan Ġesù li ttieħed mingħandkom fis-​sema hekk għad jiġi, bl-​istess mod bħalma rajtuh sejjer fis-​sema.”—Atti 1:10, 11.

Ġesù telaq minn fuq l-​art mingħajr ħafna daqq taʼ trumbetti u kienu s-​segwaċi leali tiegħu biss li rawh. Hu se jerġaʼ lura “bl-​istess mod”—mingħajr ħafna daqq taʼ trumbetti u se jkunu s-​segwaċi leali tiegħu biss li jirrikonoxxu li qed jirrenja fis-​Saltna t’Alla.

L-​appostli jmorru lura Ġerusalemm. Matul il-​ġranet taʼ wara, huma jinġabru maʼ dixxipli oħra, fosthom “Marija omm Ġesù u . . . ħutu.” (Atti 1:14) Dan il-​grupp jippersisti fit-​talb. Waħda mill-​affarijiet li jitolbu dwarha hi lil min se jagħżlu biex jieħu post Ġuda l-​Iskarjota, u b’hekk l-​appostli jerġgħu jkunu 12. (Mattew 19:28) Huma jridu dixxiplu li ra l-​attivitajiet taʼ Ġesù u l-​irxoxt tiegħu. Jitfgħu x-​xorti biex jaraw x’inhi r-​rieda t’Alla, u din hi l-​aħħar darba li l-​Bibbja ssemmi l-​użu tax-​xorti. (Salm 109:8; Proverbji 16:33) Jintgħażel Mattija, li forsi kien wieħed mis-​70 li bagħat Ġesù, u dan jiġi “meqjus mal-​ħdax-​il appostlu.”—Atti 1:26.

Għaxart ijiem wara li Ġesù telaʼ s-​sema, ikun hemm il-​Festa Lhudija taʼ Pentekoste tas-​sena 33 WK. Madwar 120 dixxiplu huma miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. F’daqqa waħda, ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi jimla d-​dar kollha. Jidhru ilsna qishom tan-​nar fuq kull wieħed minn dawk preżenti. Id-​dixxipli kollha jibdew jitkellmu b’lingwi differenti. Dan hu t-​tferrigħ tal-​ispirtu qaddis li kien wiegħed Ġesù!—Ġwanni 14:26.