Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 127

Mgħoddi ġuri mis-Sinedriju, imbagħad jittieħed għand Pilatu

Mgħoddi ġuri mis-Sinedriju, imbagħad jittieħed għand Pilatu

MATTEW 27:1-​11 MARKU 15:1 LUQA 22:66–23:3 ĠWANNI 18:28-​35

  • JGĦADDUH ĠURI FILGĦODU QUDDIEM IS-​SINEDRIJU

  • ĠUDA L-​ISKARJOTA JIPPROVA JITGĦALLAQ

  • ĠESÙ JINTBAGĦAT GĦAND PILATU BIEX JIĠI KUNDANNAT

Il-​lejl kważi għadda meta Pietru jiċħad lil Ġesù għat-​tielet darba. Il-​membri tas-​Sinedriju spiċċaw it-​taparsi ġuri tagħhom u xterdu. Mas-​sebħ il-​Ġimgħa filgħodu, huma jerġgħu jiltaqgħu, x’aktarx biex il-​ġuri illegali taʼ billejl jagħmluh jidher legali. Ġesù jinġieb quddiemhom.

Għal darb’oħra l-​qorti tinsisti: “Jekk int il-​Kristu, għidilna.” Ġesù jwieġeb: “Anki jekk ngħidilkom, żgur ma temmnux. Iktar minn hekk, jekk nistaqsikom, żgur ma twiġbux.” Madankollu, Ġesù bil-​kuraġġ jindikalhom l-​identità tiegħu bħala l-​wieħed imbassar f’​Danjel 7:13. Hu jgħid: “Minn issa ’l quddiem Bin il-​bniedem ikun bil-​qiegħda fuq il-​leminija qawwija t’Alla.”—Luqa 22:67-​69; Mattew 26:63.

Huma jippersistu: “Allura int l-​Iben t’Alla?” Ġesù jwieġeb: “Intom stess qed tgħidu li jien.” Dan donnu jiġġustifika l-​qtil taʼ Ġesù fuq l-​akkuża li qed jidgħi. “X’għandna bżonn taʼ iktar xiehda?” jistaqsu huma. (Luqa 22:70, 71; Marku 14:64) Għalhekk, jorbtu lil Ġesù u jiħduh għand il-​Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu.

Ġuda l-​Iskarjota forsi jistaʼ jara lil Ġesù jittieħed għand Pilatu. Meta Ġuda jirrealizza li Ġesù ġie kundannat, hu jħoss ċertu rimors u disprament. Madankollu, minflok ma jdur lejn Alla u jindem verament, hu jmur biex jagħti lura t-​30 biċċa tal-​fidda. Ġuda jgħid lill-​qassisin ewlenin: “Dnibt meta ttradejt demm ġust.” Imma huma bla qalb iwieġbu: “Aħna x’għandna x’naqsmu? Dak arah int!”—Mattew 27:4.

Ġuda jwaddab it-​30 biċċa tal-​fidda fit-​tempju u mbagħad ikompli jiggrava s-​sitwazzjoni billi jipprova joqtol ruħu b’idejh. Hekk kif Ġuda jipprova jitgħallaq, milli jidher il-​fergħa li magħha jorbot il-​ħabel titqaċċat. Ġismu jaqaʼ u jinfaqaʼ mal-​blat li hemm taħtu.—Atti 1:17, 18.

Għadu kmieni filgħodu meta Ġesù jittieħed fil-​palazz taʼ Ponzju Pilatu. Imma l-​Lhud li jiħduh hemmhekk ma jridux jidħlu. Huma jaħsbu li jekk jidħlu fid-​dar taʼ wieħed mill-​Ġentili jitniġġsu. B’hekk, ma jkunux jistgħu jieklu l-​ikla fil-​15 taʼ Nisan, l-​ewwel jum tal-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira, li titqies bħala parti mill-​perijodu tal-​Qbiż.

Pilatu joħroġ u jistaqsihom: “X’akkuża ġġibu kontra dan ir-​raġel?” Huma jwieġbu: “Kieku ma kienx raġel ħażin, ma konniex inġibuh u nagħtuhulek f’idejk.” Pilatu forsi jħoss li qed jipprovaw jagħmlulu pressjoni, allura jgħid: “Ħuduh intom u ġġudikawh skond il-​liġi tagħkom.” Il-​Lhud jikxfu l-​intenzjoni tagħhom li joqtluh billi jgħidu: “Skond il-​liġi aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd.”—Ġwanni 18:29-​31.

Infatti, jekk joqtlu lil Ġesù matul il-​festa tal-​Qbiż, x’aktarx li tinqalaʼ rewwixta pubblika. Imma jekk jistgħu jġiegħlu lir-​Rumani joqtlu lil Ġesù fuq akkuża politika, xi ħaġa li r-​Rumani għandhom l-​awtorità li jagħmlu, dawn il-​Lhud mingħalihom se jkunu jistgħu jinħelsu mir-​responsabbiltà f’għajnejn in-​nies.

Il-​mexxejja reliġjużi ma jgħidux lil Pilatu li huma kkundannaw lil Ġesù minħabba d-​dagħa. Issa jivvintaw akkużi differenti: “Sibna li dan ir-​raġel [1] qed jaqleb lil ġensna u [2] ma jħallix lin-​nies iħallsu t-​taxxi lil Ċesari u [3] jgħid li hu Kristu sultan.”—Luqa 23:2.

Bħala rappreżentat taʼ Ruma, Pilatu għandu għal xiex ikun konċernat dwar l-​akkuża li Ġesù qed isostni li hu sultan. Allura Pilatu jerġaʼ jidħol fil-​palazz, isejjaħ lil Ġesù ħdejh, u jistaqsi: “Int is-​sultan tal-​Lhud?” Fi kliem ieħor, ‘Ksirt int il-​liġi tal-​imperu billi ddikjarajt li int sultan li jopponi lil Ċesari?’ Forsi biex isir jaf kemm Pilatu diġà semaʼ dwaru, Ġesù jgħid: “Dan qed tgħidu minnek innifsek, jew qalulek oħrajn dwari?”—Ġwanni 18:33, 34.

Pilatu juri li ma jafx il-​fatti dwar Ġesù imma li jixtieq isir jafhom billi jwieġeb: “Mela jien Lhudi?” Hu jżid jgħid: “Ġensek stess u l-​qassisin ewlenin tawk f’idejja. X’għamilt?”—Ġwanni 18:35.

Ġesù ma jipprovax jaħrab il-​kwistjoni prinċipali—jiġifieri jekk huwiex sultan. Hu jwieġeb b’tali mod li bla dubju jissorprendih ħafna lill-​Gvernatur Pilatu.