Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 126

Miċħud fid-dar taʼ Kajfa

Miċħud fid-dar taʼ Kajfa

Meta Ġesù jiġi arrestat fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, l-​appostli jabbandunawh u jaħarbu bil-​biżaʼ. Madankollu, tnejn minnhom jieqfu u jduru lura. Dawn huma Pietru u “dixxiplu ieħor,” li milli jidher hu l-​appostlu Ġwanni. (Ġwanni 18:15; 19:35; 21:24) Huma għandhom mnejn jilħqu lil Ġesù hekk kif ikun qed jittieħed fid-​dar t’Anna. Meta Anna jibgħat lil Ġesù għand il-​Qassis il-​Kbir Kajfa, Pietru u Ġwanni jsegwuh mill-​bogħod. X’aktarx li huma jħossuhom imtertqin, billi qed jibżgħu għal ħajjithom stess u fl-​istess ħin huma inkwetati dwar x’se jiġri lil Sidhom.

Peress li Ġwanni jaf lill-​Qassis il-​Kbir Kajfa jirnexxilu jidħol fil-​bitħa tad-​dar tiegħu. Pietru jibqaʼ barra ħdejn il-​bieb sakemm Ġwanni jerġaʼ lura u jkellem lil qaddejja li qiegħda mal-​bieb. Imbagħad Pietru jitħalla jidħol.

Huwa lejl kiesaħ, allura dawk fil-​bitħa jqabbdu n-​nar bil-​faħam. Pietru joqgħod bilqiegħda ħdejhom biex jibqaʼ sħun hekk kif jistenna “biex jara x’se jiġri” fil-​ġuri taʼ Ġesù. (Mattew 26:58) Issa, bid-​dawl tan-​nar, il-​qaddejja li kienet mal-​bieb u li ħalliet lil Pietru jidħol tistaʼ tarah sew. Hi tistaqsih: “Int m’intix ukoll wieħed mid-​dixxipli taʼ dan ir-​raġel?” (Ġwanni 18:17) U hi mhix l-​unika waħda li tagħraf lil Pietru u takkużah li jkun maʼ Ġesù.—Mattew 26:69, 71-​73; Marku 14:70.

Dan jinkwetah ferm lil Pietru. Hu qed jipprova ma jagħtix fil-​għajn, billi saħansitra joħroġ barra ħdejn il-​kanċell. Pietru jiċħad li kien maʼ Ġesù u ħin minnhom jgħid: “La nafu u lanqas naf x’int tgħid.” (Marku 14:67, 68) Ukoll, jibda “jisħet u jaħlef,” jiġifieri hu lest li jaħlef li qed jgħid il-​verità u li jekk le se jaħbatlu ħażin.—Mattew 26:74.

Sadanittant, għaddej il-​ġuri taʼ Ġesù, milli jidher f’parti tad-​dar taʼ Kajfa li tiġi fuq il-​bitħa. Pietru u oħrajn li qed jistennew isfel forsi jaraw lix-​xhieda ġejjin u sejrin biex jixhdu.

L-​aċċent Galilew taʼ Pietru juri li mhux qed jgħid il-​verità. Barra minn hekk, xi ħadd li hemm fosthom jiġi minn Malku, dak li Pietru qatagħlu widintu. Allura din l-​akkuża tinġieb kontra Pietru: “Ma rajtekx fil-​ġnien miegħu?” Meta Pietru jiċħad dan għat-​tielet darba, jidden is-​serduq, eżatt kif kien imbassar.—Ġwanni 13:38; 18:26, 27.

F’dan il-​waqt, Ġesù milli jidher qiegħed f’gallarija li tagħti għal fuq il-​bitħa. Il-​Mulej idur u jħares fiss lejn Pietru, dan żgur jolqot lil Pietru fil-​laħam il-​ħaj. Hu jiftakar dak li qal Ġesù ftit sigħat biss ilu fil-​karma taʼ fuq. Immaġina kif iħossu Pietru hekk kif jinduna x’għamel! Pietru joħroġ barra u jibki biki taʼ mrar.—Luqa 22:61, 62.

Dan kif setaʼ jiġri? Pietru—li kien tant ċert mill-​ispiritwalità u l-​lealtà tiegħu—kif setaʼ jiċħad lil Sidu? Il-​mexxejja reliġjużi qed jgħawġu l-​verità, u lil Ġesù qed ipinġuh bħala xi kriminal mill-​agħar. Meta Pietru setaʼ ddefenda lil raġel innoċenti, hu ta dahru lil dak il-​Wieħed li għandu “l-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 6:68.

L-​esperjenza tal-​biki taʼ Pietru turi li anki bniedem li għandu l-​fidi u li hu devot jistaʼ jinqabad fuq sieq waħda jekk ma jkunx preparat sew għal provi jew tentazzjonijiet mhux mistennijin. Jalla dak li għadda minnu Pietru jkun taʼ twissija għall-​qaddejja kollha t’Alla!