KAPITLU 134
Qabar vojt—Ġesù hu ħaj!
MATTEW 28:3-15 MARKU 16:5-8 LUQA 24:4-12 ĠWANNI 20:2-18
-
ĠESÙ JIĠI RXOXTAT
-
ĠRAJJIET ĦDEJN IL-QABAR TAʼ ĠESÙ
-
JIDHER LIL DIVERSI NISA
X’qatgħa jieħdu n-nisa meta jaslu ħdejn il-qabar li jidher li hu vojt! Marija l-Maddalena titlaq tiġri “għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor, li Ġesù kellu affezzjoni lejh”—l-appostlu Ġwanni. (Ġwanni 20:2) Madankollu, in-nisa l-oħra ħdejn il-qabar jaraw anġlu. U ġewwa l-qabar hemm anġlu ieħor, li “liebes libsa bajda.”—Marku 16:5.
Wieħed mill-anġli jgħidilhom: “Tibżgħux, għax naf li qed tfittxu lil Ġesù li sammruh maʼ zokk. Mhux qiegħed hawnhekk għax ġie mqajjem bħalma qal. Ejjew, araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li ġie mqajjem mill-imwiet, u, ara, hu sejjer qabilkom fil-Galilija.” (Mattew 28:5-7) Allura “maħkumin minn rogħda u emozzjoni qawwija,” in-nisa jitilqu jiġru biex jgħidu lid-dixxipli.—Marku 16:8.
Issa Marija laħqet sabet lil Pietru u lil Ġwanni. B’nifisha maqtugħ, hi tgħidilhom: “Lill-Mulej ħaduh mill-qabar tat-tifkira, u ma nafux fejn qegħduh.” (Ġwanni 20:2) Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru. Ġwanni jgħaġġel iktar u jasal l-ewwel ħdejn il-qabar. Hu jittawwal minn barra u jara l-faxex, imma ma jidħolx ġewwa.
Xħin jasal Pietru, hu jibqaʼ dieħel dritt ġol-qabar. Hu jara l-faxex u ċ-ċarruta li kienet fuq ras Ġesù. Ġwanni issa jidħol u jemmen dak li qalet Marija. Minkejja dak li Ġesù qal qabel, ħadd minnhom ma jirrealizza li ġie mqajjem mill-mewt. (Mattew 16:21) Imħawdin huma jerħulha lejn id-dar. Imma Marija, li ġiet lura ħdejn il-qabar, tibqaʼ hemmhekk.
Sadanittant, in-nisa l-oħra huma fi triqithom biex jgħidu lid-dixxipli li Ġesù ġie mqajjem mill-mewt. Hekk kif huma qed jiġru biex jagħmlu Mattew 28:9, 10.
dan, Ġesù jiltaqaʼ magħhom u jgħid: “L-għodwa t-tajba!” Huma jinxteħtu f’riġlejh u ‘jmilu quddiemu.’ Imbagħad Ġesù jgħid: “Tibżgħux! Morru, agħtu l-aħbar lil ħuti, sabiex jitilqu lejn il-Galilija; jarawni hemmhekk.”—Iktar kmieni, meta seħħ it-terremot u dehru l-anġli, is-suldati quddiem il-qabar “triegħdu u saru qishom mejtin.” Xħin ġew f’tagħhom, huma daħlu l-belt u “qalu b’dak kollu li kien ġara lill-qassisin ewlenin.” Il-qassisin imbagħad tkellmu max-xjuħ tal-Lhud u ttieħdet id-deċiżjoni li jxaħħmu lis-suldati biex jaħbu l-kwistjoni u biex jgħidu: “Id-dixxipli tiegħu ġew bil-lejl u serquh waqt li konna reqdin.”—Mattew 28:4, 11, 13.
Is-suldati Rumani jistgħu jiġu maqtulin jekk jorqdu meta suppost ikunu għassa, allura l-qassisin iwegħduhom: ‘Jekk din [il-gidba tagħhom li kienu reqdin] tasal f’widnejn il-gvernatur, nipperswaduh aħna u neħilsukom mill-inkwiet.’ (Mattew 28:14) Is-suldati jaċċettaw it-tixħim u jagħmlu kif jgħidulhom il-qassisin. B’hekk, il-gidba li l-ġisem taʼ Ġesù ġie misruq tinfirex fost il-Lhud.
Marija l-Maddalena għadha qed tibki ħdejn il-qabar. Hi tittawwal ġewwa l-qabar u tara żewġ anġli lebsin l-abjad! Wieħed qiegħed bilqiegħda fejn kien hemm ras Ġesù u l-ieħor fejn kienu saqajh. Huma jistaqsu: “Mara, għalfejn qed tibki?” Marija twieġeb: “Ħadu lill-Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.” Marija ddur u tara lil xi ħadd ieħor. Hu jirripeti l-mistoqsija li għamlulha l-anġli u jżid jgħid: “Lil min qed tfittex?” Billi taħseb li hu l-ġardinar, hi tgħid: “Sinjur, jekk ħadtu minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u niġi nieħdu.”—Ġwanni 20:13-15.
Fil-fatt, Marija qed titkellem maʼ Ġesù rxoxtat, imma bħalissa mhijiex qed tagħrfu. Madankollu, meta jgħid, “Marija!” hi tinduna li dan hu Ġesù, għax tagħrfu mill-mod kif ikellimha. Marija b’ferħ tgħid: “Rabboni!” (li jfisser “Għalliem!”). Però, peress li tibżaʼ li se jitlaʼ s-sema dak il-ħin stess, hi tibqaʼ mqabbda miegħu. Għalhekk, Ġesù jħeġġiġha: “Tibqax imqabbda miegħi. Għax għadni ma tlajtx għand il-Missier. Imma mur għand ħuti u għidilhom, ‘Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.’”—Ġwanni 20:16, 17.
Marija titlaq tiġri lejn il-post fejn hemm l-appostli u dixxipli oħra miġburin. Hi tgħidilhom: “Rajt lill-Mulej!” u tirrakkontalhom dak li ġara, kif għamlu diġà n-nisa l-oħra. (Ġwanni 20:18) Iżda dan il-kliem ‘ma jagħmilx sens għalihom.’—Luqa 24:11.