KAPITLU 113
Lezzjoni dwar id-diliġenza—It-talenti
-
ĠESÙ JAGĦTI T-TIXBIHA TAT-TALENTI
Waqt li għadu mal-erbaʼ appostli fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, Ġesù jgħidilhom tixbiha oħra. Ftit jiem qabel, waqt li kien Ġeriko, hu ta t-tixbiha tal-miniet biex juri li s-Saltna kien għad fadlilha biex tiġi. It-tixbiha li jirrakkonta issa fiha diversi aspetti simili. Hija parti mit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija dwar il-preżenza tiegħu u l-konklużjoni tas-sistema dinjija. Din tenfasizza li d-dixxipli tiegħu jridu jkunu diliġenti fix-xogħol li jafda f’idejhom. Li jkunu diliġenti jfisser li jaħdmu iebes u bir-reqqa.
Ġesù jibda: “Dan hu bħal raġel, li qabel ma siefer, sejjaħ lill-ilsiera tiegħu u ħalla f’idejhom dak li kellu.” (Mattew 25:14) Peress li Ġesù diġà qabbel lilu nnifsu maʼ raġel li vvjaġġa lejn art imbiegħda “biex jikseb poter bħala sultan,” l-appostli jistgħu jifhmu faċilment li Ġesù hu r-“raġel” li qed jissemma issa.—Luqa 19:12.
Qabel ma jsiefer ir-raġel fit-tixbiha, hu jafda f’idejn l-ilsiera tiegħu xi affarijiet taʼ valur. Matul it-tliet snin u nofs tal-ministeru tiegħu, Ġesù ffoka fuq li jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u hu ħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu dan ix-xogħol. Issa Ġesù se jitlaq, imma hu fiduċjuż li huma se jkomplu jagħmlu dak li ħarriġhom biex jagħmlu.—Mattew 10:7; Luqa 10:1, 8, 9; qabbel Ġwanni 4:38; 14:12.
Fit-tixbiha, ir-raġel kif iqassam l-affarijiet tiegħu? Ġesù jirrakkonta: “Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond l-abbiltà tiegħu, u siefer.” (Mattew 25:15) L-ilsiera x’se jagħmlu b’dak li fdalhom f’idejhom? Se jużawhom b’mod diliġenti ħalli jkun għall-ġid taʼ sidhom? Ġesù jgħid lill-appostli:
“Minnufih dak li ngħata l-ħames talenti mar jinnegozjahom u qalaʼ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li ngħata tnejn qalaʼ tnejn oħra. Imma dak li ngħata wieħed biss telaq, ħaffer ħofra fl-art, u ħeba l-flus tal-fidda taʼ sidu.” (Mattew 25:16-18) X’se jiġri meta s-sid jerġaʼ lura?
Ġesù jkompli jgħid: “Wara żmien twil ġie sid dawk l-ilsiera u għamel il-kontijiet magħhom.” (Mattew 25:19) L-ewwel tnejn għamlu kulma setgħu, “kull wieħed skond l-abbiltà tiegħu.” Iż-żewġt ilsiera kienu diliġenti, ħabrieka, u produttivi b’dak li ġie fdat lilhom. Dak li ngħata ħames talenti rdoppjahom, kif għamel ukoll dak li ngħata żewġ talenti. (Lura dak iż-żmien, ħaddiem kien ikollu jaħdem xi 19-il sena biex jaqlaʼ daqs talent wieħed.) Is-sid ifaħħar lil kull wieħed minnhom billi jgħid: “Prosit, ilsir tajjeb u leali! Int urejt fedeltà fi ftit. Jien se naħtrek fuq ħafna. Ifraħ maʼ sidek.”—Mattew 25:21.
Imma l-ilsir li ngħata talent wieħed m’għamilx bħalhom. Hu jgħid: “Sidi, jien kont naf li int raġel Mattew 25:24, 25) Hu lanqas biss kien tefaʼ l-flus il-bank biex għall-inqas ikun jistaʼ jagħmel xi profitt għal sidu. Nistgħu ngħidu li hu ħadem kontra l-interessi taʼ sidu.
li tippretendi ħafna, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Għalhekk bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. Hawn għandek dak li hu tiegħek.” (Bix-xieraq, is-sid isejjaħlu “lsir għażżien u mill-agħar.” Dak li kellu jittiħidlu u jingħata lill-ilsir li hu lest li jaħdem b’mod diliġenti. Is-sid jgħid b’liema prinċipju jimxi: “Kulmin għandu, jingħatalu iktar u jkollu bl-abbundanza; imma min m’għandux, jittiħidlu saħansitra dak li għandu.”—Mattew 25:26, 29.
Id-dixxipli taʼ Ġesù għandhom ħafna fuq xiex jaħsbu, anki b’konnessjoni maʼ din it-tixbiha biss. Huma jistgħu jaraw li dak li Ġesù qed jafdalhom f’idejhom—il-privileġġ prezzjuż li jagħmlu dixxipli—hu taʼ valur kbir. U hu jistenna li huma jaħdmu iebes f’dan il-privileġġ. Ġesù mhux qed jgħid li kollha jridu jwettqu l-istess fix-xogħol tal-ippritkar li kkmandahom jagħmlu. Kif wera fit-tixbiha, kull wieħed għandu jagħmel kulma jistaʼ “skond l-abbiltà tiegħu.” Dan b’ebda mod ma jfisser li Ġesù se jieħu pjaċir jekk xi ħadd ikun “għażżien” u ma jagħmilx l-aħjar tiegħu biex jieħu ħsieb l-affarijiet tas-sid.
Iżda min jaf kemm din l-assiguranza tferraħ lill-appostli: “Kulmin għandu, jingħatalu iktar”!