KAPITLU 119
Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
-
ĠESÙ SEJJER IĦEJJI POST
-
IWIEGĦED LIS-SEGWAĊI TIEGĦU AJJUTANT
-
IL-MISSIER HU AKBAR MINN ĠESÙ
Ġesù għadu fil-kamra taʼ fuq mal-appostli wara l-ikla tat-tifkira u issa jinkuraġġihom billi jgħidilhom: “Tħallux lil qlubkom jitħawdu. Eżerċitaw il-fidi f’Alla, eżerċitaw il-fidi fija wkoll.”—Ġwanni 13:36; 14:1.
Ġesù jagħti lill-appostli leali raġuni tajba biex ma jinkwetawx dwar il-fatt li se jitlaq, hu jgħid: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu. . . . Meta mmur inħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.” Madankollu, l-appostli ma jifhmux li qed jitkellem dwar li se jmur fis-sema. Tumas jistaqsi: “Mulej, ma nafux fejn sejjer. Kif nafuha t-triq?”—Ġwanni 14:2-5.
“Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja,” iwieġeb Ġesù. L-uniku mod kif wieħed jistaʼ jidħol fid-dar taʼ Missieru fis-sema hu billi jaċċetta lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu u jimitah. Ġesù jgħid: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6.
Filippu, li qed jismaʼ b’attenzjoni, jitolbu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Filippu donnu jrid xi viżjoni t’Alla, bħalma raw Mosè, Elija, u Isaija. Madankollu, l-appostli għandhom xi ħaġa aħjar minn dawn il-viżjonijiet. Ġesù jenfasizza dan billi jgħid: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma sirtx taf min jien? Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” Ġesù jirrifletti perfettament il-personalità tal-Missier; għalhekk, peress li jgħixu maʼ Ġesù u josservawh huma bħallikieku qed jaraw lill-Missier. M’għandniex xi ngħidu, il-Missier hu superjuri għall-Iben, għax Ġesù jgħid: “Dak li ngħidilkom ma ngħidux minni nnifsi.” (Ġwanni 14:8-10) L-appostli jistgħu jaraw li Ġesù qed jagħti l-krettu kollu għat-tagħlim tiegħu lil Missieru.
Ġwanni 14:12) Ġesù mhuwiex qed jgħid li se jwettqu mirakli akbar minn tiegħu. Imma huma se jwettqu l-ministeru tagħhom għal perijodu itwal taʼ żmien, f’ħafna iktar postijiet, u se jilħqu bil-wisq iktar nies.
L-appostli taʼ Ġesù rawh iwettaq għemejjel tal-għaġeb u semgħuh ixandar l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. Issa jgħidilhom: “Min jeżerċita l-fidi fija, dan ukoll se jagħmel l-għemejjel li nagħmel jien; u se jagħmel għemejjel akbar minn dawn.” (Il-fatt li Ġesù se jitlaq ma jfissirx li huma se jiġu abbandunati, għax hu jwegħedhom: “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.” Barra minn hekk, hu jgħid: “Jien nitlob lill-Missier u jagħtikom ajjutant ieħor biex ikun magħkom għal dejjem, l-ispirtu tal-verità.” (Ġwanni 14:14, 16, 17) Hu jiggarantilhom li se jirċievu l-ispirtu qaddis, li hu l-ajjutant ieħor. Dan iseħħ fil-jum taʼ Pentekoste.
Ġesù jgħid: “Ftit ieħor u d-dinja ma taranix iktar, imma intom tarawni, għax jien ngħix u intom se tgħixu.” (Ġwanni 14:19) Ġesù mhux biss se jidhrilhom bħala bniedem wara l-irxoxt tiegħu imma wkoll, maż-żmien, se jirxoxtahom biex ikunu miegħu fis-sema bħala ħlejjaq spirti.
Issa Ġesù jistqarr verità sempliċi: “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien inħobbu u nurih lili nnifsi b’mod ċar.” Xħin jismaʼ dan il-kliem, l-appostlu Ġuda, li jismu wkoll Taddew, jistaqsi: “Mulej, x’ġara biex bi ħsiebek turi lilek innifsek b’mod ċar lilna u mhux lid-dinja?” Ġesù jwieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti, u Missieri jħobbu . . . Min ma jħobbnix ma josservax kliemi.” (Ġwanni 14:21-24) Kuntrarju għas-segwaċi tiegħu, id-dinja ma tirrikonoxxix lil Ġesù bħala t-triq, il-verità, u l-ħajja.
Ġesù mhux se jibqaʼ magħhom, allura d-dixxipli tiegħu kif se jkunu jistgħu jiftakru dak kollu li għallimhom? Ġesù jispjega: “L-ajjutant, l-ispirtu qaddis, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” L-appostli raw kemm l-ispirtu qaddis hu qawwi, allura din l-assiguranza sserrħilhom moħħhom. Ġesù jżid jgħid: “Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi. . . . Tħallux lil qlubkom jitħawdu u lanqas jitbeżżgħu.” (Ġwanni 14:26, 27) Allura, id-dixxipli għandhom raġuni tajba biex ma jinkwetawx—huma se jingħataw direzzjoni u protezzjoni mingħand Missier Ġesù.
Il-protezzjoni t’Alla dalwaqt se tidher b’mod ċar. Ġesù jgħid: “Ġej il-ħakkiem tad-dinja. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.” (Ġwanni 14:30) Ix-Xitan irnexxielu jidħol f’Ġuda u jinfluwenzah. Imma Ġesù li hu perfett m’għandux xi dgħufija li Satana jistaʼ juża biex idawru kontra Alla. U x-Xitan lanqas mhu se jirnexxilu jeħles minn Ġesù bil-mewt. Għala le? Ġesù jgħid: “Bħalma ordnali l-Missier, hekk qed nagħmel.” Hu ċert li Missieru se jirxoxtah.—Ġwanni 14:31.