Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 22

Erbaʼ dixxipli jsiru sajjieda tal-bnedmin

Erbaʼ dixxipli jsiru sajjieda tal-bnedmin

MATTEW 4:13-​22 MARKU 1:16-​20 LUQA 5:1-​11

  • ĠESÙ JSEJJAĦ LIL XI DIXXIPLI BIEX ISEGWUH FULL-​TIME

  • SAJJIEDA JSIRU SAJJIEDA TAL-​BNEDMIN

Wara li n-​nies taʼ Nazaret jipprovaw joqtlu lil Ġesù, hu jmur fil-​belt taʼ Kafarnahum, ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, imsejjaħ ukoll “l-​għadira taʼ Ġennesaret.” (Luqa 5:1) Dan iwettaq il-​profezija taʼ Isaija li n-​nies tal-​Galilija li jgħixu ħdejn il-​baħar kienu se jaraw dawl kbir.—Isaija 9:1, 2.

Iva, hawnhekk fil-​Galilija, Ġesù jkompli jipprietka li “qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 4:17) Ġesù jsib erbgħa mid-​dixxipli tiegħu. Huma kienu vvjaġġaw miegħu qabel, imma xħin ġew lura mil-​Lhudija maʼ Ġesù, huma marru lura għax-​xogħol tagħhom tas-​sajd. (Ġwanni 1:35-​42) Però, issa hu l-​waqt li jkunu maʼ Ġesù kontinwament. B’hekk, hu jkun jistaʼ jħarriġhom biex ikomplu l-​ministeru wara li jkun telaq.

Hekk kif Ġesù jimxi max-​xatt, hu jara lil Xmun Pietru, lil ħuh Indrì, u lil xi oħrajn magħhom qed jirranġaw ix-​xbieki tagħhom. Ġesù jersaq lejhom, jitlaʼ fid-​dgħajsa taʼ Pietru, u jitolbu biex jaqlaʼ naqra ’l barra mill-​art. Meta jkunu ħarġu ftit ’il barra, Ġesù jpoġġi bilqiegħda u jibda jgħallem lill-​folol li nġabru max-​xatt veritajiet dwar is-​Saltna.

Wara dan, Ġesù jgħid lil Pietru: “Oħroġ ’il barra fejn hu fond, u itfgħu x-​xbieki tagħkom ħa taqbdu qabda ħut.” Pietru jwieġbu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, imma għall-​kelma tiegħek se nitfaʼ x-​xbieki.”—Luqa 5:4, 5.

Huma jniżżlu x-​xbieki u jaqbdu qabda kbira ħut, tant li x-​xbieki jibdew jiċċarrtu! B’urġenza, l-​irġiel jagħmlu sinjali lil sħabhom li huma f’dgħajsa fil-​qrib biex imorru jagħtuhom daqqa t’id. Iż-​żewġ dgħajjes ma jdumux ma jibdew jegħrqu minħabba l-​ammont taʼ ħut li fihom. Xħin jara dan, Pietru jinxteħet f’riġlejn Ġesù u jgħidlu: “Tbiegħed minni, għax jien raġel midneb, Mulej.” Ġesù jwieġbu: “Tibqax beżgħan. Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”—Luqa 5:8, 10.

Ġesù jgħid lil Pietru u lil Indrì: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.” (Mattew 4:19) Hu jsejjaħ ukoll lil żewġ sajjieda oħra, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew. Anki dawn iwieġbu mingħajr ma jaħsbuha darbtejn. Allura dawn l-​erbgħa jabbandunaw in-​negozju tagħhom tas-​sajd u jsiru l-​ewwel dixxipli full-​time taʼ Ġesù.