Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 54

Ġesù—“Il-ħobż tal-ħajja”

Ġesù—“Il-ħobż tal-ħajja”

ĠWANNI 6:25-​48

  • ĠESÙ HU “L-​ĦOBŻ MIS-​SEMA”

Fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Baħar tal-​Galilija, Ġesù b’mod mirakoluż temaʼ lil eluf u mbagħad ħarab meta riedu jagħmluh sultan. Dak il-​lejl mexa fuq baħar imqalleb u salva lil Pietru, li wkoll mexa fuq l-​ilma imma beda jegħreq meta l-​fidi tiegħu ddgħajfet. Ukoll, Ġesù kkalma r-​riħ, u b’hekk forsi salva lid-​dixxipli tiegħu minn nawfraġju.

Issa Ġesù reġaʼ qiegħed fuq in-​naħa tal-​Punent tal-​baħar, fl-​inħawi taʼ Kafarnahum. Dawk li temaʼ mirakolożament isibuh u jistaqsuh: “Meta ġejt hawnhekk?” Ġesù jċanfarhom u jgħidilhom li qed ifittxuh bit-​tama li jerġaʼ jitmagħhom. Hu jħeġġiġhom biex ma ‘jaħdmux għall-​ikel li jintemm imma għall-​ikel li jibqaʼ għall-​ħajja taʼ dejjem.’ Allura jistaqsu: “Xi rridu nagħmlu biex inwettqu l-​għemejjel t’Alla?”—Ġwanni 6:25-​28.

Għandhom mnejn qed jaħsbu dwar ħtiġijiet miktubin fil-​Liġi, imma Ġesù jiġbed l-​attenzjoni lejn dak li hu l-​iktar importanti: “Dan hu l-​għemil t’Alla, li teżerċitaw il-​fidi f’dak li Hu bagħat.” Madankollu, minkejja dak kollu li għamel, in-​nies ma jeżerċitawx fidi bħal din f’Ġesù. Huma jriduh iwettaq sinjal biex jemmnu fih. “X’għemil qed tagħmel?” jistaqsuh. “Missirijietna kielu l-​manna fix-​xagħri, bħalma hu miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-​sema.’”—Ġwanni 6:29-​31; Salm 78:24.

Rigward it-​talba tagħhom għal sinjal, Ġesù jidderieġi lin-​nies lejn is-​Sors veru taʼ dawn il-​mirakli: “Ngħidilkom, Mosè ma takomx il-​ħobż mis-​sema, imma Missieri jagħtikom il-​ħobż veru mis-​sema. Għax il-​ħobż t’Alla hu dak li jinżel mis-​sema u jagħti l-​ħajja lid-​dinja.” Peress li ma jifhmux il-​punt tiegħu, huma jgħidulu: “Mulej, agħtina dejjem dan il-​ħobż.” (Ġwanni 6:32-​34) Iżda Ġesù dwar liema “ħobż” qed jitkellem?

Hu jispjega: “Jien il-​ħobż tal-​ħajja. Min jiġi għandi żgur ma jaqbdux ġuħ, u min jeżerċita l-​fidi fija żgur li qatt ma jaqbdu għatx. Imma jien għedtilkom, Intom saħansitra rajtuni u xorta ma temmnux. . . . Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni. Din hi r-​rieda taʼ dak li bagħatni, li ma nitlef lil ħadd minn dawk kollha li tani imma li nirxoxtah fl-​aħħar jum. Għax din hi r-​rieda taʼ Missieri, li kulmin jara lill-​Iben u jeżerċita l-​fidi fih ikollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 6:35-​40.

Dan jirrabjahom lil-​Lhud u jibdew igergru kontrih. Kif jistaʼ jgħid li hu “l-​ħobż li niżel mis-​sema”? (Ġwanni 6:41) Għalihom, hu sempliċement l-​iben taʼ ġenituri umani mill-​belt taʼ Nazaret fil-​Galilija. In-​nies jistaqsu: “Dan mhux Ġesù bin Ġużeppi, u lil missieru u lil ommu ma nafuhomx?”—Ġwanni 6:42.

“Tibqgħux tgergru bejnietkom,” iwieġeb Ġesù. “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni; u jien nirxoxtah fl-​aħħar jum. Hu miktub fil-​Profeti, ‘U lkoll ikunu mgħallmin minn Ġeħova.’ Kulmin semaʼ mingħand il-​Missier u tgħallem, jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd ra lill-​Missier, ħlief dak li hu minn Alla; dan rah lill-​Missier. Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jemmen għandu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 6:43-​47; Isaija 54:13.

Meta iktar qabel kien kellem lil Nikodemu, Ġesù semma l-​ħajja taʼ dejjem u għamel konnessjoni bejnha u bejn il-​fidi f’Bin il-​bniedem, billi qal: “Kulmin jeżerċita l-​fidi [fl-​Iben uniġenitu t’Alla] ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:15, 16) Imma issa qed ikellem udjenza ħafna akbar u jgħidilhom li hu għandu rwol f’li jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem, li la l-​manna u lanqas il-​ħobż li jkun hemm fil-​Galilija ma jistaʼ jagħtihom. Allura dak li jkun kif jistaʼ jikseb il-​ħajja taʼ dejjem? Ġesù jirripeti l-​kliem: “Jien il-​ħobż tal-​ħajja.”—Ġwanni 6:48.

Din id-​diskussjoni rigward il-​ħobż mis-​sema ma tiqafx hawn, imma tilħaq il-​quċċata tagħha waqt li Ġesù qed jgħallem f’sinagoga f’Kafarnahum.