Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 48

Jagħmel il-mirakli, iżda jiġi miċħud saħansitra f’Nazaret

Jagħmel il-mirakli, iżda jiġi miċħud saħansitra f’Nazaret

MATTEW 9:27-​34; 13:54-​58 MARKU 6:1-​6

  • ĠESÙ JFEJJAQ LILL-​GĦOMJA U LILL-​MUTI

  • IN-​NIES TAʼ NAZARET JIĊĦDUH

Ġesù kellu ġurnata mimlija. Wara vjaġġ mir-​reġjun tad-​Dekapoli, hu fejjaq lill-​mara bit-​tnixxija tad-​demm u rxoxta lil bint Ġajru. Imma l-​ġurnata għadha ma spiċċatx. Hekk kif Ġesù jitlaq mid-​dar taʼ Ġajru, isegwuh żewġt irġiel għomja u jgħajtu: “Ikollok ħniena minna, Bin David.”—Mattew 9:27.

Billi jsejħu lil Ġesù “Bin David,” dawn l-​irġiel jesprimu t-​twemmin tagħhom li Ġesù hu l-​werriet tat-​tron taʼ David u b’hekk hu l-​Messija. Ġesù donnu jinjora l-​għajjat tagħhom, forsi biex jara jekk hux se jaqtgħu qalbhom, imma ma jagħmlux hekk. Meta Ġesù jidħol f’dar, iż-​żewġt irġiel jidħlu warajh. Ġesù jistaqsihom: “Għandkom fidi li jien nistaʼ nagħmel dan?” Huma b’fiduċja jwieġbu: “Iva, Mulej.” Għal dan, Ġesù jmissilhom għajnejhom u jgħid: “Ħa jsirilkom skond il-​fidi tagħkom.”—Mattew 9:28, 29.

F’daqqa waħda huma jibdew jaraw! Bħalma diġà qal lil oħrajn, Ġesù jgħidilhom biex ma jxandrux dak li għamel. Imma mimlijin ferħ, huma iktar tard jitkellmu dwaru maʼ kullimkien.

Hekk kif dawn iż-​żewġt irġiel ikunu qed jitilqu, in-​nies iġibu raġel li ma jistax jitkellem għax hu maħkum minn demonju. Ġesù jkeċċi d-​demonju, u r-​raġel minnufih jibda jitkellem. Il-​folol jistagħġbu b’dan u jgħidu: “Qatt ma dehret ħaġa bħal din f’Israel.” Hemm ukoll preżenti xi Fariżej. Huma ma jistgħux jiċħdu l-​mirakli, allura jirripetu l-​akkuża tagħhom dwar min hu s-​sors tal-​għemejjel taʼ Ġesù: “Dan ikeċċi d-​demonji bis-​saħħa tal-​ħakkiem tad-​demonji.”—Mattew 9:33, 34.

Ftit wara dan, Ġesù jerħilha lura lejn beltu, Nazaret, u issa miegħu hemm id-​dixxipli. Xi sena qabel, hu għallem fis-​sinagoga t’hemmhekk. In-​nies għall-​ewwel għoġobhom dak li qal, imma iktar tard ħadu għalihom minħabba t-​tagħlim tiegħu u pprovaw joqtluh. Issa Ġesù jerġaʼ jipprova jgħin lil dawn l-​uħud.

Fis-​Sabat, hu jerġaʼ jmur is-​sinagoga biex jgħallem. Ħafna jibqgħu mbellhin, saħansitra jistaqsu: “Dan ir-​raġel minfejn ġab dan l-​għerf u dawn l-​għemejjel setgħanin?” Huma jgħidu: “Dan mhux bin il-​mastrudaxxa? Ommu mhux Marija jisimha, u ħutu s-​subien Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-​bniet, mhux kollha magħna qegħdin? Allura, dan ir-​raġel mnejn ġab dan kollu?”—Mattew 13:54-​56.

In-​nies iħossu li Ġesù hu biss raġel lokali. ‘Aħna rajnieh jikber,’ huma jirraġunaw, ‘allura kif jistaʼ jkun il-​Messija?’ Għaldaqstant, minkejja l-​evidenza kollha—inkluż l-​għerf kbir u l-​għemejjel setgħanin taʼ Ġesù—huma jiċħduh. Peress li jafuh mill-​qrib lil Ġesù, anki l-​qraba tiegħu jitfixklu minħabba fih, u dan iqanqlu jgħid: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu u f’daru stess.”—Mattew 13:57.

Ġesù verament jistagħġeb bin-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. Allura ma jwettaqx mirakli hemmhekk “ħlief iqiegħed idejh fuq ftit morda u jfejjaqhom.”—Marku 6:5, 6.