KAPITLU 62
Lezzjoni importanti dwar l-umiltà
MATTEW 17:22–18:5 MARKU 9:30-37 LUQA 9:43-48
-
ĠESÙ JERĠAʼ JBASSAR MEWTU
-
IĦALLAS IT-TAXXA B’MUNITA MINN ĦALQ ĦUTA
-
MIN SE JKUN L-AKBAR FIS-SALTNA?
Wara t-trasfigurazzjoni u l-fejqan taʼ tifel maħkum minn demonju fir-reġjun taʼ Ċesarija Filippi, Ġesù jerħilha lejn Kafarnahum. Hu jivvjaġġa mad-dixxipli tiegħu biss ħalli l-folol ma ‘jsirux jafu’ fejn sejrin. (Marku 9:30) Dan jagħtih iktar opportunità biex iħejji lid-dixxipli tiegħu għal mewtu u għax-xogħol li se jagħmlu wara dan. “Bin il-bniedem għandu jiġi tradut u jingħata f’idejn il-bnedmin,” hu jispjega, “u dawn joqtluh, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”—Mattew 17:22, 23.
Din mhijiex l-ewwel darba li d-dixxipli semgħu dan. Ġesù diġà tkellem dwar li se jinqatel, għalkemm Pietru ma riedx jemmen li dan kien se jiġri. (Mattew 16:21, 22) U tliet appostli raw it-trasfigurazzjoni u semgħu d-diskussjoni dwar “it-tluq” taʼ Ġesù. (Luqa 9:31) Is-segwaċi tiegħu issa ‘jitnikktu ferm’ minħabba dak li qed jgħid Ġesù, għalkemm ma jifhmux eżatt xi jfisser kliemu. (Mattew 17:23) Xorta waħda, huma jibżgħu jistaqsu iktar dwar dan.
Eventwalment jidħlu Kafarnahum, iċ-ċentru tal-attività taʼ Ġesù u l-post fejn jgħixu wħud mill-appostli. Hemmhekk, xi rġiel li jiġbru t-taxxa tat-tempju jersqu lejn Pietru. Forsi biex jipprovaw jakkużaw lil Ġesù li ma jħallasx it-taxxa, huma jistaqsu: “L-għalliem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa [tat-tempju] taʼ żewġ drakmi?”—Mattew 17:24.
“Iva,” iwieġeb Pietru. Ġesù li qiegħed lura d-dar diġà jaf x’ġara. Allura minflok ma jistenna lil Pietru jqajjem il-kwistjoni, Ġesù jistaqsi: “X’taħseb Xmun? Is-slaten taʼ l-art mingħand min jirċievu d-dazju jew it-taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-istranġieri?” Pietru jwieġeb: “Mingħand l-istranġieri.” Allura Ġesù jgħid: “Mela, allura, l-ulied huma ħielsa mit-taxxa.”—Mattew 17:25, 26.
Missier Ġesù hu s-Sultan tal-univers u l-Wieħed li jiġi meqjum fit-tempju. Għalhekk, l-Iben t’Alla legalment m’għandux għalfejn iħallas it-taxxa tat-tempju. “Imma biex ma nfixkluhomx,” jgħid Ġesù, “mur sal-baħar, ixħet sunnara, u ħu l-ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater [jew tetradrakma, munita tal-fidda]. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”—Mattew 17:27.
Id-dixxipli ma jdumux ma jiltaqgħu flimkien u għandhom mistoqsija għal Ġesù dwar min kien se jkun l-akbar fis-Saltna. Dawn l-istess irġiel reċentement beżgħu jistaqsu lil Ġesù dwar il-mewta tiegħu li kienet riesqa, imma issa mhumiex qed jibżgħu jistaqsuh dwar il-futur tagħhom. Ġesù jaf x’qed jaħsbu. Hi xi ħaġa li diġà argumentaw dwarha hekk kif kienu mexjin warajh fil-vjaġġ tagħhom lura lejn Kafarnahum. Allura jistaqsihom: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?” (Marku 9:33) Imbarazzati, id-dixxipli ma jitniffsux, għax kienu qed jargumentaw dwar min kien l-akbar fosthom. Sa fl-aħħar, l-appostli jistaqsu lil Ġesù l-mistoqsija li kienu qed jiddiskutu: “Min tassew hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet?”—Mattew 18:1.
Tidher li hi xi ħaġa li ma titwemminx li d-dixxipli jkollhom dan l-argument wara kważi tliet snin jaraw u jisimgħu lil Ġesù. Madankollu, huma imperfetti. U huma trabbew f’ambjent reliġjuż li fih il-pożizzjoni u l-kariga jingħataw importanza kbira. Barra minn hekk, Pietru reċentement kien semaʼ lil Ġesù jwiegħdu li kien se jirċievi ċerti “mfietaħ” tas-Saltna. Allura, jistaʼ jkun li minħabba f’hekk qed iħossu superjuri?
Ġakbu u Ġwanni għandhom mnejn iħossuhom l-istess, peress li raw it-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù b’għajnejhom stess.Hu x’inhu l-każ, Ġesù jieħu azzjoni biex jikkoreġi l-attitudni tagħhom. Hu jsejjaħ ħdejh tifel, iqiegħdu f’nofshom, u jgħid lid-dixxipli: “Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk, kulmin jumilja ruħu bħal dan it-tifel hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet; u kulmin jilqaʼ tifel bħal dan f’ismi jilqaʼ lili wkoll.”—Mattew 18:3-5.
X’metodu taʼ tagħlim meraviljuż! Ġesù ma jirrabjax mad-dixxipli tiegħu jew jgħajjarhom rgħiba jew ambizzjużi. Minflok, hu juża lezzjoni li jistgħu jaraw b’għajnejhom. Tfal ċkejknin m’għandhomx stat soċjali għoli jew prominenza. Ġesù b’hekk juri li d-dixxipli tiegħu għandhom bżonn jiżviluppaw din il-ħarsa tagħhom infushom. Imbagħad Ġesù jikkonkludi l-lezzjoni għas-segwaċi tiegħu billi jgħid: “Min iġib ruħu bħal wieħed mill-iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-kbir.”—Luqa 9:48.