Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 63

Ġesù jagħti pariri dwar it-tfixkil u d-dnub

Ġesù jagħti pariri dwar it-tfixkil u d-dnub

MATTEW 18:6-​20 MARKU 9:38-​50 LUQA 9:49, 50

  • PARIR DWAR IT-​TFIXKIL

  • JEKK ĦU JIDNEB

Ġesù għadu kemm ta tixbiha dwar l-​attitudni li għandu jkollhom is-​segwaċi tiegħu. Huma għandhom iqisu lilhom infushom bħala tfal, umli u mingħajr pożizzjoni għolja. Id-​dixxipli għandhom ‘jilqgħu tfal bħal dawn f’ismu u b’hekk jilqgħu lil Ġesù wkoll.’—Mattew 18:5.

L-​appostli reċentement kienu argumentaw dwar min hu l-​akbar fosthom, u allura forsi jqisu kliem Ġesù bħala twiddiba. Issa l-​appostlu Ġwanni jsemmi xi ħaġa oħra li għadha kemm ġrat: “Rajna wieħed raġel ikeċċi d-​demonji f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh, għax mhux qed jimxi warajk magħna.”—Luqa 9:49.

Jaħseb Ġwanni li l-​appostli biss għandhom l-​awtorità biex ifejqu lil oħrajn jew biex ikeċċu d-​demonji? Jekk inhu hekk, dan ir-​raġel Lhudi kif qed jirnexxilu jkeċċi l-​ispirti mill-​agħar? Milli jidher Ġwanni jħoss li r-​raġel mhux suppost qed iwettaq għemejjel setgħanin peress li mhuwiex qed isegwi lil Ġesù u lill-​appostli.

Ġwanni jissorprendi ruħu meta Ġesù jgħid: “Tipprovawx twaqqfuh, għax m’hemm ħadd li jagħmel għemil setgħan f’ismi u ftit wara jkollu l-​ħila jżeblaħni; għax min mhux kontra tagħna hu favur tagħna. Għax kulmin jagħtikom tazza ilma x’tixorbu minħabba li intom taʼ Kristu, tassew ngħidilkom, żgur li ma jitlifx il-​premju tiegħu.”—Marku 9:39-​41.

Le, għalissa r-​raġel m’għandux għalfejn jimxi wara Kristu kull fejn imur sabiex ikun man-​naħa taʼ Ġesù. Il-​kongregazzjoni Kristjana għadha ma ġietx stabbilita, allura l-​fatt li r-​raġel mhuwiex qed jivvjaġġa maʼ Ġesù ma jfissirx li hu xi opponent jew li qed jappoġġa xi reliġjon falza. Jidher ċar li r-​raġel għandu fidi f’isem Ġesù, u kliem Ġesù juri li r-​raġel mhuwiex se jitlef il-​premju tiegħu.

Mill-​banda l-​oħra, kienet tkun ħaġa serja kieku r-​raġel tfixkel minħabba l-​kliem u l-​għemil tal-​appostli. Ġesù jgħid: “Kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin li jemmnu, ikun aħjar għalih jekk idawrulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jitfgħuh il-​baħar.” (Marku 9:42) Ġesù mbagħad jgħid li s-​segwaċi tiegħu għandhom ineħħu kull ħaġa li tfixkilhom, saħansitra xi ħaġa prezzjuża bħal xi id, sieq, jew għajn. Ikun aħjar li ma jkollniex xi ħaġa li ngħożżu u nidħlu fis-​Saltna t’Alla milli nintrabtu magħha u nispiċċaw f’Geħenna (Il-​Wied taʼ Ħinnom). L-​appostli x’aktarx li ġieli raw dan il-​wied viċin Ġerusalemm fejn jinħaraq l-​iskart, allura jistgħu jifhmu li dan jirrappreżenta qerda permanenti.

Ġesù jwissi wkoll: “Araw li ma tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin; għax ngħidilkom li l-​anġli tagħhom fis-​sema dejjem jaraw wiċċ Missieri.” Kemm huma prezzjużi “dawn iċ-​ċkejknin” għal Missieru? Ġesù jirrakkonta dwar raġel li għandu 100 nagħġa imma li jitlef waħda minnhom. Ir-​raġel jitlaq id-​99 biex ifittex lil dik il-​mitlufa, u xħin isibha hu jifraħ biha iktar milli jifraħ bid-​99. Ġesù jżid jgħid: “Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.”—Mattew 18:10, 14.

Forsi billi għandu f’moħħu l-​argument li kellhom l-​appostli tiegħu dwar min kien se jkun l-​akbar, Ġesù jħeġġiġhom: “Ħa jkollkom il-​melħ fikom infuskom, u żommu l-​paċi bejnietkom.” (Marku 9:50) Il-​melħ jagħmel l-​ikel jintiegħem aħjar. Il-​melħ figurattiv jagħmilha iktar faċli biex dak li jingħad jiġi aċċettat u b’hekk tinżamm il-​paċi. L-​argumenti jagħmlu l-​oppost!—Kolossin 4:6.

Kultant, se jqumu kwistjonijiet serji, u Ġesù jgħid kif dawn għandhom jiġu trattati. “Jekk ħuk jagħmel dnub,” jgħid Ġesù, “mur sibu waħdu u urih l-​iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk.” Xi ngħidu jekk ma jismax? “Ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra,” ikompli Ġesù, “sabiex kull ħaġa tkun stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta.” Jekk il-​kwistjoni xorta ma titranġax, għandhom ikellmu “lill-​kongregazzjoni,” jiġifieri, lil anzjani responsabbli li jistgħu jieħdu deċiżjoni. Xi ngħidu jekk il-​midneb xorta ma jismax? “Ħa jkun għalik bħal raġel mill-​ġnus u bħal kollettur tat-​taxxi,” nies li l-​Lhud ma kinux jissieħbu magħhom.—Mattew 18:15-​17.

L-​indokraturi tal-​kongregazzjoni għandhom bżonn isegwu l-​Kelma t’Alla. Jekk isibu li l-​midneb hu ħati u li jeħtieġ id-​dixxiplina, il-​ġudizzju tagħhom ‘ikun diġà marbut fis-​sema.’ Imma meta jsibu lil xi ħadd innoċenti, il-​ġudizzju ‘jkun ġie maħlul fis-​sema.’ Dawn il-​prinċipji se jkunu t’għajnuna meta tiġi stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana. F’diskussjonijiet serji bħal dawn, Ġesù jgħid: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin flimkien f’ismi, jien inkun hemmhekk f’nofshom.”—Mattew 18:18-​20.