Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 60

It-trasfigurazzjoni—Ħarsa lejn Kristu fil-glorja

It-trasfigurazzjoni—Ħarsa lejn Kristu fil-glorja

MATTEW 16:28–17:13 MARKU 9:1-​13 LUQA 9:27-​36

  • IL-​VIŻJONI TAT-​TRASFIGURAZZJONI

  • L-​APPOSTLI JISIMGĦU LEĦEN ALLA

Waqt li Ġesù qed jgħallem lin-​nies fir-​reġjun taʼ Ċesarija Filippi, li hu xi 25 kilometru ’l bogħod mill-​Muntanja Ħermon, hu jagħmel stqarrija li taħsad lill-​appostli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-​mewt qabel ma jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu.”—Mattew 16:28.

Id-​dixxipli żgur jaħsbu dwar xi jrid ifisser Ġesù b’dan il-​kliem. Madwar ġimgħa wara, hu jieħu miegħu tlieta mill-​appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—fuq muntanja għolja. X’aktarx li hu billejl, għax it-​tliet irġiel huma bi nagħas. Waqt li Ġesù qed jitlob, hu jinbidel quddiemhom. L-​appostli jaraw wiċċu jiddi bħax-​xemx u jaraw ħwejġu jibdew jixegħlu bħad-​dawl, isiru taʼ bjuda li tgħammex.

Imbagħad jidhru żewġt irġiel, identifikati bħala “Mosè u Elija.” Huma jibdew jitkellmu maʼ Ġesù dwar ‘it-​tluq tiegħu li se jwettaq f’Ġerusalemm.’ (Luqa 9:30, 31) Milli jidher, it-​tluq tiegħu jirreferi għall-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, xi ħaġa li m’ilux li tkellem dwarha. (Mattew 16:21) Din il-​konversazzjoni turi li kuntrarju għal dak li kien ħeġġu jagħmel Pietru, il-​mewta umiljanti taʼ Ġesù mhix xi ħaġa li se jaħrabha.

Issa b’għajnejhom miftuħin beraħ, it-​tliet appostli jaraw u jisimgħu bi stagħġib. Din hi viżjoni, imma tant tidher reali li Pietru jidħol fix-​xena billi jgħid: “Rabbi, kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk! Għalhekk, ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” (Marku 9:5) Jistaʼ jkun li Pietru jrid itellaʼ t-​tined biex il-​viżjoni tibqaʼ għaddejja?

Waqt li Pietru qed jitkellem, sħaba tiddi tgħattihom u leħen minn ġos-​sħaba jgħid: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.” Malli jisimgħu l-​leħen t’Alla, l-​appostli beżgħanin jinxteħtu wiċċhom fl-​art, imma Ġesù jħeġġiġhom: “Qumu u tibżgħux.” (Mattew 17:5-​7) Meta jqumu, it-​tliet appostli ma jaraw lil ħadd ħlief lil Ġesù. Il-​viżjoni spiċċat. Xħin jisbaħ u jkunu neżlin minn fuq il-​muntanja, Ġesù jordnalhom: “Tgħidu lil ħadd b’din il-​viżjoni sakemm Bin il-​bniedem jiġi mqajjem mill-​imwiet.”—Mattew 17:9.

Id-​dehra taʼ Elija fil-​viżjoni tqajjem mistoqsija. L-​appostli jistaqsu: “Allura l-​iskribi għala jgħidu li Elija jrid jiġi l-​ewwel?” Ġesù jwieġeb: “Elija diġà ġie u m’għarfuhx.” (Mattew 17:10-​12) Ġesù qed jitkellem dwar Ġwanni l-​Battista, li wettaq irwol simili għal dak taʼ Elija. Elija ħejja t-​triq għal Eliżew, u Ġwanni għamel l-​istess għal Kristu.

Kemm issaħħaħhom lil Ġesù u lill-​appostli din il-​viżjoni! Din hi ħarsa bil-​quddiem taʼ Kristu fil-​glorja tas-​Saltna. B’hekk, id-​dixxipli raw “lil Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu,” kif kien wiegħed Ġesù. (Mattew 16:28) Waqt li kienu fuq il-​muntanja, huma ‘raw b’għajnejhom stess il-​maestà tiegħu.’ Għalkemm il-​Fariżej riedu sinjal bħala prova li Ġesù kien se jkun is-​Sultan magħżul t’Alla, hu ma kienx se jagħtihulhom. Imma d-​dixxipli qrib taʼ Ġesù tħallew jaraw it-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù, li tikkonferma l-​profeziji tas-​Saltna. Għalhekk, Pietru iktar tard setaʼ jikteb: “Għandna l-​kelma profetika magħmula iktar ċerta.”—2 Pietru 1:16-​19.