Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 32

Skont il-Liġi x’tistaʼ tagħmel fis-Sabat?

Skont il-Liġi x’tistaʼ tagħmel fis-Sabat?

MATTEW 12:9-​14 MARKU 3:1-​6 LUQA 6:6-​11

  • IFEJJAQ ID RAĠEL FIS-​SABAT

F’jum ieħor tas-​Sabat, Ġesù jżur sinagoga, x’aktarx fil-​Galilija. Hemmhekk isib raġel li idu l-​leminija hi niexfa. (Luqa 6:6) L-​iskribi u l-​Fariżej ma jaqilgħux għajnejhom minn fuq Ġesù. Għala? Huma jikxfu x’inhu l-​iskop veru tagħhom meta jistaqsu: “Tistaʼ skond il-​liġi tfejjaq f’jum is-​Sabat?”—Mattew 12:10.

Il-​mexxejja reliġjużi Lhud jemmnu li wieħed jistaʼ jfejjaq fis-​Sabat biss jekk individwu jkun fil-​periklu tal-​mewt. Allura, pereżempju, fis-​Sabat huwa illegali li xi ħadd ipoġġi għadma f’postha jew jinfaxxa xi tfekkika, affarijiet li mhux se jikkaġunaw il-​mewt. Jidher ċar li l-​iskribi u l-​Fariżej mhux qed jagħmlu din il-​mistoqsija lil Ġesù għax verament jinteressahom mit-​tbatija taʼ dan ir-​raġel. Huma qed jipprovaw isibu skuża biex jikkundannaw lil Ġesù.

Madankollu, Ġesù jaf l-​irraġunar mgħawweġ tagħhom. Hu jirrealizza li huma żviluppaw ħarsa mhix Skritturali u estrema lejn liema xogħol jistaʼ u ma jistax isir fis-​Sabat. (Eżodu 20:8-​10) Hu diġà ffaċċja kritika mhix xierqa minħabba l-​għemejjel tajbin tiegħu. Issa Ġesù lir-​raġel b’idu niexfa jgħidlu: “Qum u ejja fin-​nofs.” Dan il-​kliem iqajjem konfrontazzjoni drammatika.—Marku 3:3.

Ġesù jdur lejn l-​iskribi u l-​Fariżej u jgħid: “Min minnkom li jkollu nagħġa waħda u din taqaʼ f’ħofra f’jum is-​Sabat ma jaqbadx u jtellagħha?” (Mattew 12:11) Nagħġa tirrappreżenta investiment finanzjarju, allura ma kinux sejrin iħalluha fil-​ħofra sal-​għada; jistaʼ jkun li tilħaq tmutilhom u b’hekk imorru minn taħt finanzjarjament. Barra minn hekk, l-​Iskrittura tgħid: “Il-​ġust jieħu ħsieb l-​annimal domestiku tiegħu.”—Proverbji 12:10.

Billi jagħmel xebh raġunevoli, Ġesù jkompli jgħid: “Kemm jiswa iktar bniedem minn nagħġa! Għalhekk, tistaʼ skond il-​liġi tagħmel ħaġa tajba f’jum is-​Sabat.” (Mattew 12:12) Allura, Ġesù ma kienx se jikser is-​Sabat billi jfejjaq lir-​raġel. Il-​mexxejja reliġjużi ma jistgħux jikkontradixxu dan l-​irraġunar loġiku u teneru. Huma jibqgħu b’ħalqhom magħluq!

Ġesù jinsab kemm irrabjat kif ukoll imnikket bil-​ħsieb żbaljat tagħhom. Hu jħares madwaru u lir-​raġel jgħidlu: “Oħroġ idek.” (Mattew 12:13) Hekk kif ir-​raġel joħroġ idu n-​niexfa, din terġaʼ tiġih qawwija u sħiħa. Ir-​raġel jifraħ ħafna b’dan, imma dawk li qed jipprovaw jaqbdu lil Ġesù f’nassa kif jiġu effettwati?

Minflok ma jifirħu għax fieqet id ir-​raġel, il-​Fariżej joħorġu u mill-​ewwel jaqbdu jikkonfoffaw “mal-​partitarji t’Erodi kontra [Ġesù], sabiex jeqirduh.” (Marku 3:6) Dan il-​partit politiku milli jidher jinkludi membri tas-​Sadduċej, grupp reliġjuż. Normalment, is-​Sadduċej u l-​Fariżej ma jaqblu fuq xejn, imma issa rigward l-​oppożizzjoni tagħhom kontra Ġesù huma tal-​istess fehma.